Kummissjoni Ewropea > NGE > Falliment > Spanja

L-aħħar aġġornament: 06-06-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Falliment - Spanja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. IT-TIPI DIFFERENTI TA’ INSOLVENZA U L-OBJETTIVI TAGĦHOM 1.
2. IL-KONDIZZJONIJIET GĦALL-FTUĦ TA’ PROĊEDURA TA’ INSOLVENZA 2.
3. IR-RWOL TAL-PARTIJIET FIL-PROĊEDURA TA’ KONKORS 3.
4. L-EFFETTI TAL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA 4.
5. REGOLI SPEĊJALI GĦAL ĊERTI KATEGORIJI TA’ KREDITI 5.
6. REGOLI RELATATI MA’ ATTI LI JIPPREĠUDIKAW ID-DRITTIJIET TAL-KREDITURI 6.
7. REGOLI DWAR IN-NOTIFIKA, IR-RIKONOXXIMENT U L-KLASSIFIKAZZJONI TA’ KREDITI 7.
8. REGOLI DWAR IR-RIKOSTRUZZJONI TA’ KUMPANIJI 8.
9. REGOLI DWAR STRALĊ 9.
10. KONDIZZJONIJIET GĦALL-GĦELUQ TAL-PROĊEDURA 10.

 

1. IT-TIPI DIFFERENTI TA’ INSOLVENZA U L-OBJETTIVI TAGĦHOM

Il-Liġi l-ġdida tal-Konkorsi (22/2003, tad-9 ta’ Lulju) stabilixxiet proċedura ġudizzjarja waħdanija li tirregola l-kriżi li tinħoloq minħabba l-insolvenza ta’ debitur komuni, msejħa “Konkors ta’ Kredituri”. Id-debitur ikun jinsab fi stat jew sitwazzjoni ta’ insolvenza meta ma jkunx jista’ jlaħħaq b’mod regulari ma’ l-obbligi ta’ ħlas tiegħu.

Il-konkors tal-kredituri huwa l-unika proċedura applikabbli kemm għad-debitur ċivili kif ukoll għall-kummerċjant, independentement jekk ikunx persuna fiżika jew ġuridika. L-għan prinċipali tiegħu huwa li jintlaħaq l-aħjar riżultat għall-krediti tal-kredituri, għalkemm sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Liġi tal-Konkorsi tagħti soluzzjonijiet sabiex il-kumpanija tkun tista’ tkompli topera u b’hekk jinżammu l-impiegi.

Meta jinfetaħ il-konkors, il-proċedura tgħaddi għal fażi komuni li fiha jiġu determinati l-assi tad-debitur u l-lista tal-kredituri, li jiġu kklassifikati. Meta jiġu approvati l-inventarju u l-lista tal-kredituri, wieħed jista’ jagħżel waħda minn żewġ soluzzjonijiet legali:

  • Jew isir ftehim bejn id-debitur u l-kredituri ordinarji tiegħu, li bażikament jikkonsisti fi tnaqqis tad-dejn ta’ mhux iktar minn 50% u/jew stennija ta’ mhux iktar minn 5 snin;
  • Jew isir stralċ, fejn tingħata preferenza lill-bejgħ tal-kumpanija jew ta’ l-unitajiet ta’ produzzjoni, sabiex mir-rikavat jitħallsu d-djun skond il-klassifikazzjoni approvata tal-kredituri.

2. IL-KONDIZZJONIJIET GĦALL-FTUĦ TA’ PROĊEDURA TA’ INSOLVENZA

Il-Liġi teħtieġ bħala premessa soġġettiva illi d-debitur ikollu personalità ġuridika, kemm jekk ikun persuna fiżika kif ukoll jekk ġuridika. Huma esklużi biss mill-konkors dawk l-entitajiet jew korpi li jifformaw parti mill-Amministrazzjoni pubblika ta’ l-Istat.

FuqFuq

Il-premessa oġġettiva, jiġifieri s-sitwazzjoni ekonomika li jrid ikun fiha d-debitur sabiex jinfetaħ konkors ta’ kredituri, hija l-insolvenza, kemm meta din tfisser sitwazzjoni ta’ żbilanċ fl-assi, kif ukoll meta tfisser l-impossibilità li jitħallsu b’mod regolari l-obbligazzjonijiet dovuti.

Il-konkors jista’ jintalab mid-debitur, mill-kredituri tiegħu jew mis-soċji li huma persolament responsabbli għad-dejn tas-soċjetà. Meta jintalab mid-debitur, jissejjaħ konkors voluntarju filwaqt li meta jintalab mill-oħrajn, jissejjaħ konkors mandatorju.

Id-debitur jista’ jitlob li jinfetaħ konkors mhux biss meta jkun fi stat ta’ insolvenza, iżda wkoll qabel, meta dan il-fatt ikun imminenti. Iżda dan id-dritt isir dmir għad-debitur meta l-insolvenza ssir realtà, u jkollu perjodu ta’ xahrejn biex jippreżenta formalment it-talba tiegħu. Ma’ din it-talba d-debitur irid jippreżenta memorandum ġuridiku u ekonomiku, inventarju tal-beni tiegħu, lista ta’ kredituri, u l-kontijiet ta’ l-aħħar tliet snin, jekk ikun kummerċjant. L-Imħallef jeżamina d-dokumentazzjoni preżentata, u jekk l-insolvenza tkun ġustifikata jew imminenti, jiddikjara lid-debitur fi stat ta’ konkors tal-kredituri.

Meta l-konkors jintalab mill-kredituri, l-Imħallef l-ewwel jisma’ lid-debitur sabiex jara jekk dan jopponix il-konkors. Biex tiffaċilita d-deċiżjoni dwar jekk hemmx insolvenza jew le, il-Liġi telenka serje ta’ fatturi esterni (relatati man-nuqqas ta’ ħlas ta’ ċerti krediti jew tal-krediti kollha, kif ukoll meta jiġu trasferiti xi beni jew beni inutli) li fihom infushom huma evidenza ta’ stat ta’ insolvenza. Jekk ma jkunx hemm oppożizzjoni, l-Imħallef jiddikjara lid-debitur fi stat ta’ konkors tal-kredituri, filwaqt li jekk ikun hemm oppożizzjoni, tiġi appuntata seduta fejn jistgħu jitressqu l-provi, u wara l-Imħallef jiddeċiedi.

FuqFuq

Il-Liġi tal-Konkorsi Spanjola, b’mod konformi mar-Regolament dwar l-Insolvenza 1346/00, tagħti l-kompetenza biex tiddeċiedi dwar proċedura ta’ konkors lill-Qorti tal-Kummerċ tat-territorju fejn id-debitur ikollu ċ-ċentru ta’ l-interessi tiegħu, li fil-każ ta’ persuni ġuridiċi ikun l-istess post fejn ikollhom s-sede uffiċjali. Iżda, għal dawn il-finijiet, jekk is-sede uffiċjali tkun inbidlet fl-aħħar sitt xhur, din ma tiġix ikkunsidrata.

Jekk jintalab konkors fir-rigward ta’ debitur li ċentru ta’ l-interessi prinċipali tiegħu jinsab barra l-pajjiż, il-kompetenza taqa’ f’idejn il-Qorti tal-Kummerċ fejn id-debitur ikollu stabbiliment.

Is-sentenza li tingħata fil-proċedura ta’ konkors tiġi ppubblikata u reġistrata. Minbarra l- pubblikazzjoni fil-gazzetti uffiċjali, tiġi ppublikata fil-gazzetti b’distribuzzjoni tajba fil-provinċja tad-debitur. Tiġi reġistrata wkoll fir-Reġistru Ċivili u dak tal-Kummerċ, kif ukoll fir-reġistru tal-beni li fih jitniżżlu d-drittijiet favur id-debitur.

3. IR-RWOL TAL-PARTIJIET FIL-PROĊEDURA TA’ KONKORS

Il-Qorti hija l-organu li jmexxi l-proċedura tal-konkors. Hija tiftaħ u tagħlaq il-proċedura, tmexxiha u tara li titwettaq, u tirriżolvi kull nuqqas ta’ qbil li jista’ jkun hemm.

L-Amministrazzjoni tal-Konkorsi għandha rwol kumplikat: waqt li hija l-organu tekniku li jinforma u jikkollabora mal-Qorti, taġixxi wkoll fl-interess ġenerali tal-kredituri, u tikkontrolla l-amministrazzjoni tal-beni tad-debitur.

Meta jiġi ddikjarat il-konkors, il-kredituri jridu jagħtu avviż tal-kreditu tagħhom fi żmien xahar, permezz ta’ nota li tiġi mehmuża mad-dokument li juri li hemm kreditu. Il-kredituri jistgħu jidhru u jieħdu sehem fil-proċedura, għalkemm iridu jagħmlu dan formalment permezz ta’ prokuratur; iżda mhuwiex meħtieġ li jkunu rappreżentati minn prokuratur biex jagħtu avviż tal-kreditu u biex ikunu parti mill-grupp ta’ kredituri involuti fil-ftehim mad-debitur.

FuqFuq

Il-kredituri jiġu mgħajta meta, wara li l-inventarju u l-lista tal-kredituri jiġu approvati, jiġi propost li jsir ftehim ta’ aċċettazzjoni. Il-kredituri ordinarji kollha jifformaw parti minn dan il-grupp, li biex jiġi kostitwit jeħtieġ kworum ta’ nofs id-debitu ordinarju.

Il-debitur huwa rappreżentat ukoll fil-konkors u għandu l-obbligu li jgħin lill-Amministrazzjoni meta jkun hemm il-ħtieġa.

4. L-EFFETTI TAL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

Id-dikjarazzjoni tal-konkors taffettwa l-beni u d-drittijiet kollha tad-debitur, kemm preżenti kif ukoll futuri, ta’ natura patrimonjali, ħlief għall-beni u d-drittijiet riżervati. Id-dikjarazzjoni tal-konkors titniżżel fir-reġistri tal-beni fejn ikunu mniżżla dawk il-beni u d-drittijiet.

Sabiex tiggarantixxi l-integrità tal-patrimonju tad-debitur, il-Qorti tista’ tagħżel bejn li tissospendi lid-debitur milli jeżerċita l-amministrazzjoni ta’ dawn il-beni, u tiddelega dan il-poter lill-Amministrazzjoni tal-Konkors, jew tħalli dan id-dritt f’idejn id-debitur, iżda taħt is-superviżjoni ta’ l-Amministrazzjoni tal-Konkors.

L-attività ekonomika jew professjonali tad-debitur għandha tibqa’ għaddejja, ħlief meta l-Qorti tiddeċiedi li trid tieqaf, jekk jirriżulta li tkun qed issir ħsara.

L-adozzjoni ta’ kull miżura li tillimita d-drittijiet fundamentali fuq id-debitur (eg. indħil fil-korrispondenza, dħul fir-reġistru, arrest domiċiljarju …) trid tkun ġustifikata għaliex hija miżura meħtieġa għal għan neċessarju, u trid tkun adottata fiż-żmien strettament meħtieġ.

FuqFuq

Jiġi affettwati bil-konkors il-krediti kollha li jkun jeżistu qabel id-dikjarazzjoni tal-konkors. Il-kredituri iridu jikkomunikaw il-kreditu tagħhom biex jiġu rikonoxxuti u klassifikati. Wara id-dikjarazzjoni tal-konkors, il-krediti ma jibqgħux jieħdu imgħaxijiet, ħlief jekk ikunu jgawdu garanzija in rem.

Kull talba ġudizzjali ta’ kreditu trid issir quddiem il-Qorti tal-konkors, u jiġu sospiżi l-effetti ta’ arranġamenti arbitrarji. Madanakollu, it-talbiet ġudizzjali u l-proċeduri arbitrarji mibdijin qabel jitkomplew sakemm tinqata’ s-sentenza jew jingħata d-digriet, iżda jistgħu jiġu eżegwiti biss permezz ta’ parteċipazzjoni fil-konkors.

Id-dikjarazzjoni tal-konkors twaqqaf ħesrem l-eżekuzzjonijiet fuq il-beni u d-drittijiet tad-debitur affettwati mill-konkors, u timpedixxi li jinbdew oħrajn, billi l-kredituri ikollhom imorru għall-konkors biex jeżegwixxu l-krediti tagħhom. B’mod eċċezzjonali, jistgħu jitkomplew l-eżekuzzjonijiet amministrattivi u tax-xogħol, li diġà kienu nbdew qabel il-ftuħ tal-konkors, ħlief meta jaqgħu fuq beni neċessarji/meħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-attività ta’ kummerċ jew professjonali tad-debitur.

Id-dikjarazzjoni tal-konkors, fiha nnifisha, ma tikkostitwix klawsola riżoluttiva f’kuntratt, u b’hekk klawsola kuntrattwali li toħloq riżoluzzjoni f’dan is-sens hija nulla u bla effett. Iżda dan ma jfissirx illi ma jistgħux isiru klawsoli riżoluttivi oħrajn, bħal per eżempju, l-inosservanza tal-kuntratt. Iżda f’dan il-każ, malli jiġi ddikjarat il-konkors, ir-riżoluzzjoni kuntrattwali trid titressaq b’urġenza għall-attenzjoni tal-Qorti tal-konkors.

FuqFuq

Il-kuntratti tax-xogħol ma jiġux affettwati mid-dikjarazzjoni tal-konkors, ħlief li l-Qorti jkollha l-kompetenza li tapprova mezzi ta’ regolazzjoni ta’ l-impjieg jew tibdil fil-kondizzjonijiet tax-xogħol. L-Imħallef għandu wkoll il-fakultà li jnaqqas l-ammont tad-danni fil-każ ta’ riżoluzzjoni ta’ kuntratt.

5. REGOLI SPEĊJALI GĦAL ĊERTI KATEGORIJI TA’ KREDITI

Fil-prinċipju, il-konkors ma jaffetwax lill-kredituri li l-kreditu tagħhom ikun protett b’garanzija in rem fuq xi beni jew dritt tad-debitur, u dawn jistgħu jipparteċipaw fil-konkors u jinsistu fuq id-dritt preferenzjali tagħhom, jew jistgħu jeżegwixxu din il-garanzija barra l-konkors. Il-garanzija tista’ tiġi eżegwita f’kull mument, billi il-beni jiġu isseparati mit-total ta’ assi tal-konkors.

Madanakollu, jekk il-beni jaffettwaw l-attività professjonali jew kummerċjali tad-debitur, l-eżekuzzjoni tal-garanzija tiġi posposta sakemm jiġi approvat ftehim jew jinbeda l-istralċ, u dan iż-żmien qatt ma jkun iżjed minn sena. Meta jgħaddi dan it-terminu, il-konkors jista’ jinbeda jew jitkompla, iżda tkun il-Qorti tal-Konkors li tiddeċiedi.

L-istess sospensjoni tiġi applikata għall-irkupru ta’ mobbli mibjugħa jew mikrija, kif ukoll l-azzjonijiet ta’ kuntratti ta’ bejgħ u xiri ta’ beni immobbli fejn ma kienx hemm il-ħlas tal-prezz fiż-żmien previst.

Huwa ipprojbit l-għoti ta’ kumpens għal dejn li l-istess kreditur ikollu ma’ xi debitur fil-konkors.

Il-krediti ma jibqgħux igawdu imgħaxijiet wara d-dikjarazzjoni tal-konkors, ħlief dawk li jkollhom garanzija in rem jew il-krediti ta’ salarju, għalkemm jiġu kkunsidrati bħala krediti subordinati.

FuqFuq

6. REGOLI RELATATI MA’ ATTI LI JIPPREĠUDIKAW ID-DRITTIJIET TAL-KREDITURI

Il-liġi tistabilixxi perjodu ta’ suspett ta’ sentejn, qabel id-dikjarazzjoni tal-konkors.

L-atti li permezz tagħhom id-debitur jiddisponi mill-assi jistgħu jiġu rexxissi, dejjem jekk jirriżulta li saru bl-iskop li jiġu preġudikati d-drittijiet tal-kredituri. B’mod ġenerali, l-oneru li jiġi ppruvat l-element ta’ preġudizzju jaqa’ fuq l-Amministrazzjoni tal-Konkors.

Madanakollu, biex tiffaċilita l-eżerċizzju tar-rexxissjoni, il-liġi tippreżumi li l-preġudizzju jkun xi drabi juris tantum, u drabi oħra juris et de jure. Ikun hemm preżunjoni li ma tistax tiġi ribattuta f’każ ta’ donazzjonijiet intervivos, kif ukoll f’każ ta’ pagamenti ta’ krediti li jsiru wara id-dikjarazzjoni tal-konkors. Min-naħa l-oħra ikun hemm preżunzjoni li tista’ tiġi ribattuta meta jingħataw garanziji in rem favur obbligazzjonijiet diġà eżistenti, jew f’każ ta’ kuntratti b’titolu oneruż ma’ qraba, u fil-każ ta’ persuna ġuridika, ma’ l-amministratur, is-soċji relevanti jew mal-kumpaniji ta’ l-istess grupp.

L-effett tar-rexxissjoni huwa r-restituzzjoni reċiproka tad-dejn, u fejn dan mhux possibli, wieħed irid iżid mal-valur f’dak iż-żmien partikolari, l-interessi li jiġu akkumulati minn dak iż-żmien. Jekk l-akkwirent ikun aġixxa in mala fede, huwa obbligat li jagħmel tajjeb għad-danni kollha.

L-azzjoni ta’ rexxissjoni hija kompatibbli ma’ azzjonijiet oħra ta’ restituzzjoni (nullità, annullabilità, rexxissjoni minħabba frodi tal-kredituri…). Il-Qorti tiddeċiedi dwar dawn il-kwistjonijiet kollha permezz ta’ deċiżjoni inċidentali li tittieħed b’mod paralell mal-proċess tal-konkors. Din tikkonsisti f’sottomissjonijiet bil-miktub (talba u risposta), seduta fejn jiġu ppreżentati l-provi relattivi u tittieħed deċiżjoni dwar ir-relevanza jew nuqqas ta’ relevanza tagħhom, u wara l-Qorti tgħaddi għas-sentenza. Din il-proċedura inċidentali tintuża biex tirrisolvi kull litiġju fil-konkors, u sseħħ fi żmien parallel ma’ dak tal-konkors.

FuqFuq

L-awtorizzazzjoni biex tiġi eżerċitata din l-azzjoni tingħata mill-Amministrazzjoni tal-Konkors, u, f’każ illi din ma teżerċitax dan id-dritt, tista’ tiġi eżerċitata minn kwalunkwe kreditur li jkun għamel talba biex din issir mill-Amministrazzjoni tal-Konkors. L-azzjoni ssir kontra d-debitur u kontra min ikun akkwista l-beni jew id-dritt in kwestjoni. Jekk il-beni jkunu waslu għand akkwirent terz, u tkun mitluba r-restituzzjoni, ikun meħtieġ li jissejjaħ fil-kawża l-akkwirent terz u li jiġi ppruvat in-nuqqas ta’ bona fede.

7. REGOLI DWAR IN-NOTIFIKA, IR-RIKONOXXIMENT U L-KLASSIFIKAZZJONI TA’ KREDITI

L-Amministrazzjoni tal-Konkors trid tħejji lista ta’ kredituri li fiha tirrikonoxxi u tikklassifika l-krediti tad-debitur, fi żmien xahrejn mid-dikjarazzjoni tal-konkors. Qabel, il-kredituri iridu jiddikjaraw il-kreditu tagħhom fi żmien xahar mill-publikazzjoni ġenerali tad-dikjarazzjoni tal-konkors. Għal dan il-għan, iridu jiktbu formalment lill-Amministrazzjoni tal-Konkors, u jippreżentaw fattura jew dokument li juri l-kreditu. Id-dewmien f’din il-komunikazzjoni jista’ jwassal biex il-kreditu jitlef it-titolu oriġinali, u jiġi kklassifikat bħala subordinat.

L-Amministrazzjoni tal-Konkors ma tikkunsidrax biss dawk il-krediti li tirċievi bil-miktub, iżda wkoll dawk li ssir taf bihom meta tiġi eżaminata r-responsabilità tad-debitur. Jekk il-kreditu huwa rikonoxxut b’sentenza jew b’ċertifikazzjoni amministrattiva, l-eżistenza tiegħu ma tkunx diskussa iżda tiġi diskussa biss il-klassifikazzjoni tiegħu.

Il-Liġi tistabbilixxi tlett tipi ta’ krediti: privileġġati, ordinarji u subordinati. L-ordinarji huma dawk li la huma privileġġati u lanqas subordinati.

FuqFuq

Fir-rigward tal-krediti privileġġati, il-Liġi tiddistingwi bejn privileġġi speċjali u ġenerali. Il-kredituri bi privileġġi speċjali għandhom preferenza ta’ ħlas fuq xi beni jew dritt partikolari, li fuqhom tkun ingħatat il-garanzija in rem. Il-kredituri bi privileġġi ġenerali għandhom preferenza ta’ ħlas fuq il-patrimonju kollu tad-debitur fuq il-kumplament tal-kredituri, skond din l-ordni:

  1. Krediti ta’ pagi, b’xi limitazzjonijiet;
  2. Retenzjonijiet ta’ taxxi jew ta’ sigurtà soċjali tad-debitur konnessi ma’ xi obbligazzjoni legali;
  3. Krediti minn xogħol independenti u mill-użu tad-drittijiet ta’ propjetà intellettwali;
  4. Krediti ta’ Finanzi Pubbliċi u tas-sigurta’ soċjali, sa 50% tal-valuri rispettivi tagħhom;
  5. Krediti minn responsabilità ċivili mhux kuntrattwali
  6. u kwart tal-kreditu tal-kreditur li jkun talab il-konkors

Il-krediti subordinati ma jitħallsux qabel ma jitħallsu dawk privileġġati u dawk ordinarji. Il-krediti subordinati huma: il-krediti li ġew ikkomunikati tard, l-imgħaxijiet, il-multi u s-sanzjonijiet u dawk ta’ persuni li magħhom id-debitur għandu relazzjoni speċjali (fil-każ ta’ persuna fíżika, il-qraba tiegħu; u fil-każ ta’ persuna ġuridika l-amministraturi, il-kumpaniji ta’ l-istess grupp, is-soċji li għandhom partiċipazzjoni relevanti fil-kumpaniji …).

8. REGOLI DWAR IR-RIKOSTRUZZJONI TA’ KUMPANIJI

Ġeneralment, ir-rikostruzzjoni ta’ kumpanija sabiex din tibqa’ teżisti fis-suq issir billi tiġi adottata s-soluzzjoni tal-ftehim. Meta titlesta l-fażi komuni, u jiġu determinati l-assi u d-debiti, id-debitur jipproponi ftehim lill-kredituri tiegħu, li essenzjalment jikkonsisti fi tnaqqis tad-dejn ta’ mhux aktar minn 50% u/jew żmien ta’ stennija ta’ mhux iktar minn ħames snin. Jista’ jkun ħemm propożizzjonjiet alternattivi lill-kredituri, bħal meta l-krediti jinqelbu f’ishma azzjonarji fil-kumpanija, il-bejgħ totali jew parzjali tal-kumpanija, dejjem jekk min qed jakkwista jassumi l-obbligi tal-ftehim, jew saħansitra, l-għaqda jew id-diviżjoni tal-kumpanija midjuna.

FuqFuq

Il-ftehim jiġi ppreżentat bi proposta ta’ pagamenti u bi pjan ta’ vijabilità tal-kumpanija, fejn l-Amministraturi tal-Konkors jagħtu t-tagħrif meħtieġ.

Dan il-ftehim jiġi ppreżentat lill-kredituri, li meta jkunu msejħa fil-proċedura, jistgħu jesprimu jekk huwiex aċċettabbli jew le. Ġeneralment, biex jiġi aċċettat ikun hemm il-ħtieġa ta’ vot favorevoli tal-kredituri li jirrapreżentaw nofs id-debiti ordinarji.

Jekk il-ftehim jiġi aċċettat mill-kredituri, dan jgħaddi għall-approvazzjoni mill-Qorti, li teżamina l-legalità tiegħu, l-iktar biex tara li l-ftehim ma jikser ebda dispożizzjoni legali.

It-tnaqqis u/jew iż-żmien ta’ stennija approvati fil-ftehim jaffetwaw lill-kredituri ordinarji jew subordinati, iżda mhux lil dawk privileġġati.

Il-konkors jintemm biss meta jitwettaq il-ftehim, u sa dak iż-żmien meta jkun għadu ma ġiex imwettaq, tkun għada tista’ ssir il-proċedura ta’ stralċ.

B’mod parallel mal-proċess tal-konkors, tista’ tintalab mill-Qorti deċiżjoni dwar ir- regolazzjoni ta’ l-impieg - terminazzjoni jew sospensjoni kollettiva tal-kuntratti tax-xogħol - b’xi tnaqqis ta’ l-ammont tad-danni, dejjem jekk dan ikun meħtieġ biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi. Barra minn hekk tista’ tintalab modifikazzjoni sostanzjali tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, dejjem jekk dawn ikunu meħtieġa u ġustifikati biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi tal-kumpanija.

9. REGOLI DWAR STRALĊ

L-istralċ huwa s-soluzzjoni alternattiva għall-ftehim, u huwa ta’ natura sussidjarja. L-istralċ jinbeda biss meta tintalab speċifikament, u meta ma jkun hemm ebda possibilità li jiġi aċċettat, approvat jew konkluż il-proċess tal-ftehim.

FuqFuq

L-istralċ ifisser ix-xoljiment tas-soċjetà jew tal-persuna ġuridika li jkollha d-dejn.

Is-sistema ta’ l-istralċ hija flessibbli ħafna, u tista’ tfisser il-bejgħ tal-kumpanija jew ta’ l-unitajiiet produttivi, jew il-bejgħ individwali jew f’lottijiet tal-beni jew tad-drittijiet tad-debitur. L-Amministrazzjoni tal-Konkors tista’ tippreżenta pjan speċifiku ta’ l-istralċ, u jekk dan ma jsirx, jiġu applikati r-regoli legali li jagħtu preferenza lill-bejgħ tal-kumpanija jew tal-mezzi tal-produzzjoni, biex b’hekk il-kumpanija ma tagħlaqx u jiġu salvati l-postijiet tax-xogħol.

Min jakkwista l-kumpanija jeħodha mingħajr djun, ħlief għall-pagi tal-ħaddiema, għalkemm il-krediti abbinati mal-Fond tal-Garanzija tal-Pagi jistgħu jiġu maħfura mill-Qorti.

Tingħata preferenza lill-krediti bi privileġġ speċjali fuq ir-rikavat tal-bejgħ tal-beni, u wara jitħallsu l-kredituri bi privileġġ ġenerali skond il-klassifikazzjoni tagħhom, mill-bilanċ tar-rikavat. Jekk jifdal xi ħaġa, jiġu mħallsa pro-rata l-kredituri ordinarji, u jekk jibqa’ xi ħaġa, jiġu mħallsa l-kredituri subordinati.

Madanakollu, jeżistu krediti oħra, msejħin kontra l-massa ta’ beni, li jinħolqu wara li jinfetaħ il-konkors, li jridu jiġu onorati, u f’każ li ma hemmx likwidità fil-proċess tal-beni, jitħallsu mill-kredituri tal-konkors, ħlief għall-kredituri bi privileġġ speċjali fir-rigward tar-rikavat mill-bejgħ tal-beni soġġetti għal dan il-privileġġ.

10. KONDIZZJONIJIET GĦALL-GĦELUQ TAL-PROĊEDURA

Il-konkors tal-kredituri jintemm meta jitwettaq b’mod sħiħ il-ftehim, jew bil-likwidazzjoni tal-beni u tad-drittijiet tad-debitur, jew bil-ħlas lill-kredituri. F’dan il-każ, il-konkors ma jistax jingħalaq jekk ikun fadal krediti favur il-massa attiva. Lanqas ma jista’ jingħalaq qabel ma ssir id-determinazzjoni tal-konkors.

FuqFuq

Permezz tad-determinazzjoni, jiġu stabbiliti r-raġunijiet li taw lok għall-konkors. Il-konkors jista’ jiġi deskritt bħala involontarju jew kolpuż. Ikun involontarju meta ma jkunx kolpuż. Il-konkors jiġi deskritt bħala kolpuż meta fl-atti li jwasslu għal jew li aggravaw l-insolvenza, ikun hemm xi ħtija gravi min-naħa tad-debitur, jew fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, min-naħa ta’ l-amministraturi jew il-likwidaturi. Għalkemm biex tiffaċilita l-prova, il-ligi tal-konkorsi tistabilixxi kodiċi ta’ preżunzjonijiet li jistgħu jiġu ribattuti (juris tantum) u oħrajn li ma jistgħux jiġu ribattuti (juris et de jure). Jekk jiġi determinat illi l-konkors kien wieħed kolpuż, id-debitur jew, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, l-amministraturi jew il-likwidaturi, jiġu projbiti milli jwettqu attivitajiet ta’ kummerċ jew li jamministraw beni ta’ terzi persuni; tfisser ukoll it-telf tad-drittijiet ta’ ħlas relatati mal-konkors ta’ dawn il-persuni li jiġu ddikjarati kolpevoli u tal-kompliċi tagħhom. L-amministraturi jistgħu jiġu kkundannati wkoll li jagħmlu tajjeb personalment għall-krediti tal-konkors li ma jkunux jew imħallsa mill-istralċ, li jmorru lura għal sentejn qabel il-ftuħ tal-konkors.

Id-determinazzjoni tal-konkors taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva ta’ l-Amministrazzjoni tal-Konkors u tal-Prosekutur PUbbliku. Il-kredituri jistgħu biss jippreżentaw l-allegazzjonijiet tagħhom fil-bidu tal-proċedura. Jekk id-determinazzjoni tkun waħda kolpuża, id-debitur u l-persuni l-oħra affetwati jingħataw l-opportunità li jagħmlu kontestazzjoni. F’dan il-każ, tittieħed deċiżjoni finali mill-Qorti, wara li jkunu tressqu l-provi relevanti.

Ma’ l-għeluq tal-konkors, jiġu kkalkulati l-ispejjeż ta’ l-Amministrazzjoni tal-Konkors, li jistgħu jiġu kkontestati jew approvati.

Jekk il-konkors jintemm minħabba li ma jkunx hemm beni, jista’ jerġa’ jinfetaħ fil-futur jekk jinstabu beni jew drittijiet oħra. Kemm fil-każ ta’ persuna ġuridika, kif ukoll fil-każ ta’ persuna fiżika, dan jista’ jsir jekk il-beni jew id-drittijiet jinstabu fi żmien ħames snin mill-għeluq tal-konkors.

« Falliment - Informazzjoni Ġenerali | Spanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 06-06-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit