Kummissjoni Ewropea > NGE > Falliment > Portugall

L-aħħar aġġornament: 16-11-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Falliment - Portugall

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma t-tipi u l-għanijiet differenti ta’ proċeduri għal insolvenza? 1.
2. X’inhuma l-kundizzjonijiet sabiex tinfetaħ kull tip ta’ proċedura għal insolvenza? 2.
3. X’inhu r-rwol tal-parteċipanti varji f’kull tip ta’ proċedura? 3.
4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri? 4.
5. X’inhuma r-regoli speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti kategoriji ta’ pretensjonijiet? 5.
6. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ atti detrimentali? 6.
7. X’inhuma l-kundizzjonijiet għal preżentazzjoni u għal ammissjoni ta’ pretensjonijiet? 7.
8. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ proċeduri ta’ ri-organizzazzjoni? 8.
9. X’inhuma l-kundizzjonijiet għal proċedura ta’ stralċ? 9.
10. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-għeluq tal-proċeduri? 10.

 

1. X’inhuma t-tipi u l-għanijiet differenti ta’ proċeduri għal insolvenza?

Taħt il-liġi Portuguża, “insolvenza” hija definita bħala n-nuqqas ta’ abilità ta’ debitur li jlaħħaq ma’ l-obbligi ta’ ħlas tiegħu meta jasal iż-żmien li jħallashom.

Persuni legali, u gruppi awtonomi ta’ assi u obbligi, fejn l-ebda individwu ma għandu responsabbiltà personali mhux limitata għad-djun, huma meqjusin bħala insolventi wkoll meta l-obbligi tagħhom ikunu aktar mill-assi tagħhom.

Possibbiltà ta’ insolvenza ssir insolvenza vera f’każijiet fejn id-debitur jippreżenta applikazzjoni lill-qorti għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza.

Il-liġi toffri proċess ta’ konċiljazzjoni barra mill-qorti sabiex jagħti lok għar-rijabilitazzjoni ta’ kumpaniji li jkunu qed jiffaċċjaw insolvenza jew li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji. Dan il-proċess huwa mmexxi minn entità pubblika, l-Istitut għall-Appoġġ ta’ Intrapriżi u Investiment ta’ Daqs Żgħir jew Medju (IAPMEI).

L-għan ta’ din il-proċedura huwa li jintlaħaq ftehim bejn il-kumpanija u l-kredituri kollha jew ma’ xi wħud minnhom, li jwitti t-triq għal irkupru vijabbli.

Il-fatt li jkun hemm proċeduri ġudizzjarji pendenti għal insolvenza ma jimpedixxix il-proċedura ta’ konċiljazzjoni. F’dak il-każ, jekk ma tkunx għadha ġiet iddikjarata l-insolvenza, il-proċess legali jista’ jiġi sospiż fuq talba tal-kumpanija jew ta’ kwalunkwe parti interessata.

Il-ftehim milħuq fil-proċedura ta’ konċiljazzjoni jrid jiġi stabbilit bil-miktub, u f’ċerti każijiet huwa meħtieġ kuntratt pubbliku.

FuqFuq

Il-Kodiċi dwar l-Insolvenza u l-Irkupru ta’ Kumpaniji (Código da Insolvência e da Recuperação de Empresas) jipprovdi għal tip wieħed ta’ proċeduri mingħajr distinzjoni bejn irkupru tal-kumpanija u insolvenza. Il-kredituri huma meħtieġa li jivvalutaw il-vijabbilità finanzjarja tal-kumpanija u jiddeċiedu flimkien jekk hux xieraq li jsir irkupru jew likwidazzjoni, u taħt liema termini. Il-liġi tipprovdi wkoll għal proċess ieħor għal-likwidazzjoni ta‘ l-assi tad-debitur u tagħti lill-kredituri l-għażla li japprovaw pjan li ma jinvolvix likwidazzjoni.

2. X’inhuma l-kundizzjonijiet sabiex tinfetaħ kull tip ta’ proċedura għal insolvenza?

Hemm tip wieħed biss ta’ proċedura għal insolvenza.

Sabiex jinbdew il-proċeduri, irid jintwera li d-debitur ma jistax jonora l-obbligi tiegħu meta dawn ikunu dovuti, jew fejn huma kkonċernati persuni legali jew gruppi awtonomi ta’ assi, li l-obbligi huma biċ-ċar akbar mill-assi.

Proċeduri għal insolvenza jistgħu jinbdew meta jseħħ wieħed mill-avvenimenti imsemmija hawn taħt:

  1. sospensjoni ġenerali tal-ħlas tad-djun li jkunu waslu biex jitħallsu;
  2. nuqqas ta’ konformità ma’ wieħed mill-obbligi jew aktar li, minħabba d-daqs tagħhom jew minħabba ċ-ċirkostanzi tan-nuqqas, juru li d-debitur b’mod ġenerali ma jistax jissodisfa l-obbligi meta dawn ikunu dovuti;
  3. l-għajbien tas-sid tal-kumpanija jew tad-diretturi tad-debitur, jew l-att ta’ abbandun tas-sede jew taċ-ċentru prinċipali ta’ l-attività bħala riżultat ta’ l-insolvenza tad-debitur, u mingħajr in-nomina ta’ sostitut xieraq;
  4. il-ħela, l-abbandun, il-likwidazzjoni ta’ malajr jew mhux ekonomika ta’ l-assi u l-ħolqien ta’ krediti foloz;
  5. in-nuqqas ta’ assi adegwati bħala garanzija għall-ħlas tad-dejn tal-pretendent kif iġġudikati fi proċeduri ta’ infurzar kontra d-debitur;
  6. nuqqas ta’ konformità ma’ l-obbligi mniżżla fi pjan ta’ insolvenza jew ta’ ħlas lura approvat minn kredituri fi proċeduri għal insolvenza li jkunu diġà nbdew;
  7. nuqqas ġenerali, fis-sitt xhur ta’ qabel, li jitħallsu djun fir-rigward ta’ taxxa u pagamenti u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, djun minħabba kuntratt ta’ impjieg jew minħabba ksur jew waqfien ta’ kuntratt bħal dan, pagamenti għal kull tip ta’ kiri, inkluż self ta’ flus, ħlas bin-nifs tal-prezz tax-xiri jew ħlas ta’ self iggarantit b’ipoteka fuq il-bini tan-negozju, fuq is-sede jew ir-residenza tad-debitur;
  8. eċċess ċar ta’ obbligi fuq l-assi fl-aħħar karta tal-bilanċ approvata, jew dewmien ta’ aktar minn disa’ xhur għall-approvazzjoni u reġistrazzjoni tal-kontijiet, fejn jeżisti obbligu legali li jsir dan, fejn id-debitur huwa persuna legali jew grupp awtonomu ta’ assi u obbligi.

3. X’inhu r-rwol tal-parteċipanti varji f’kull tip ta’ proċedura?

Il-Qorti

Il-proċedura ta’ insolvenza trid tibda fil-qorti tal-post fejn tinsab is-sede jew tal-post fejn id-debitur għandu d-domiċilju tiegħu, jew f’każ ta’ insolvenza jew ta’ proprjetà ta’ mejjet mingħajr pretendenti, fil-qorti tal-post ta’ residenza tal-mejjet fil-waqt tal-mewt.

FuqFuq

L-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza tista’ ssir ukoll fil-qorti ta’ fejn ikunu jinsabu l-interessi prinċipali tad-debitur – u dan huwa definit bħala l-post fejn huwa normalment jammisitra l-affarijiet tiegħu u li huwa rikonoxxut bħala tali minn partijiet terzi.

Il-qorti tassumi r-rwol prinċipali ii tiżgura l-konformità mar-regoli legali li jirregolaw il-proċeduri għal insolvenza, b’responsabbiltà partikolari li tagħmel valutazzjoni inizjali tat-talba għal insolvenza u valutazzjoni ta’ jekk l-insolvenza u l-pjanijiet ta’ ħlas approvati mill-kredituri humiex legali u jistgħux jiġu rratifikati.

Huwa wkoll meħtieġ li tiġi vvalutata l-insolvenza allegata tad-debitur fid-dawl ta’ fatti li joħorġu waqt il-proċeduri u, jekk tikkonsidra li l-fatti jiġġustifikaw dan, toħroġ dikjarazzjoni ta’ insolvenza – għalkemm mingħajr il-ħtieġa li tagħti opinjoni dwar il-potenzjal ta’ rkupru mill-kumpanija.

Il-maġistrat huwa responsabbli milli jiddeċiedi fuq il-prova tad-djun u l-klassifikazzjoni tagħhom, u jista’ jaħtar ukoll amministratur legali għal persuni li ma għandhomx kapaċità legali, u jordna s-sospensjoni tal-likwidazzjoni ta’ l-assi u d-distribuzzjoni tar-rikavat bejn il-kredituri.

Bl-istess mod, hija l-qorti li tordna l-għeluq tal-proċeduri.

L-amministratur

L-amministratur jiġi maħtur mill-imħallef li, meta jagħmel il-ħatra, huwa mitlub li jagħti kas tas-suġġerimenti magħmula mid-debitur jew mill-kumitat tal-kredituri, meta jkun ġie ffurmat wieħed. Madankollu laqgħa tal-kredituri jista’ jivvota favur li jibdel l-amministratur maħtur.

Ir-responsabbilitajiet ta’ l-amministratur, bil-kooperazzjoni ta’, u soġġett għal eżaminazzjoni mill-kumitat tal-kredituri, huma kif ġejjin:

FuqFuq

  1. li jipprepara għall-ħlas tad-djun tal-parti insolventi mill-kontanti disponibbli fil-proprjetà (l-assi tad-debitur), jiġifieri r-rikavat tal-bejgħ ta’ l-assi li huwa meħtieġ li jippromwovi;
  2. fuq perjodu ta’ żmien itwal, li jipproteġi d-drittijiet tal-persuna insolventi u jippermettilha tkompli teżerċithom, u li jippermetti li l-kumpanija tkompli bil-ħidma tagħha, jekk applikabbli, biex tevita kemm jista’ jkun id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.
Il-kumitat tal-kredituri

Dan huwa korp mhux obbligatorju, li l-eżistenza u l-għamla tiegħu jiddependu mix-xewqat tal-laqgħa tal-kredituri. Il-laqgħa tista’ tneħħi l-kumitat maħtur mill-imħallef jew tista’ taħtar wieħed jekk l-imħallef ma jkunx għamel hekk, u fi kwalunkwe każ tista’ tibdel il-mod ta’ kif inhu magħmul il-kumitat.

Il-qorti tista’ ma taħtarx kumitat meta tqis li dan ikun iġġustifikat minħabba d-daqs limitat ta’ l-assi, in-natura sempliċi tal-likwidazzjoni jew in-numru żgħir ta’ kredituri.

Meta jkun jeżisti kumitat, ikun meħtieġ il-kunsens tiegħu fir-rigward ta’ atti legali li għandhom valur partikolari għall-proċedura.

Id-debitur

Id-debitur huwa meħtieġ li japplika għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza fi żmien sittin jum mid-data li fiha huwa jinduna bl-insolvenza, jew mid-data li suppost huwa jkun induna biha, ħlief fil-każ ta’ individwu li, fid-data meta sseħħ l-insolvenza, ma jkunx is-sid tal-kumpanija.

Jekk id-debitur huwa s-sid tal-kumpanija, hemm suppożizzjoni legali ta’ għarfien tas-sitwazzjoni ta’ insolvenza tliet xhur wara li l-kumpanija tkun naqset li tħallas b’mod ġenerali l-obbligi tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali jew l-obbligi li jeżistu taħt il-kuntratti ta’ impjieg u ta’ kiri.

FuqFuq

Waqt il-proċeduri, id-debitur insolventi huwa meħtieġ li:

  1. jipprovdi l-informazzjoni kollha rilevanti mitluba mill-amministratur, mill-laqgħa tal-kredituri, mill-kumitat tal-kredituri jew mill-qorti;
  2. jattendi l-qorti personalment meta hekk meħtieġ mill-imħallef jew mill-amministratur, sakemm ma jkunx impedut b’mod leġittimu li jattendi jew jekk ikun ingħata permess speċifiku li jiġi rrappreżentat minn aġent;
  3. jipprovdi l-kooperazzjoni kollha mitluba mill-amministratur sabiex ikun jista’ jwettaq ir-rwol tiegħu.
Il-kreditur

Il-kreditur huwa l-figura prinċipali fil-proċess ta’ insolvenza.

Huwa intitolat jitlob li d-debitur jiġi ddikjarat insolventi, u jista’ wkoll jirtira l-applikazzjoni jew jabbanduna l-proċeduri, sa meta tittieħed id-deċiżjoni finali.

Jekk il-qorti tirrifjuta l-petizzjoni għall-insolvenza, jista’ (sakemm huwa jkun dak li qed jagħmel il-petizzjoni) jappella kontra d-deċiżjoni.

Jista’ jipparteċipa fil-laqgħa tal-kredituri li fiha għandu s-setgħa li jieħu deċiżjoni, b’diskrezzjoni assoluta fit-termini tal-futur tal-kumpanija, jekk għandhiex tiġi rijabilitata jew likwidata, u taħt liema termini.

Meta d-debitur jissottometti programm ta’ ħlas, il-kreditur jista’ jaċċetta jew jirrifjuta dan il-programm.

Għandu d-dritt li jitlob li jinbidel l-amministratur maħtur mill-qorti, u jista’ jeżerċita s-setgħat imsemmija hawn fuq permezz tal-laqgħa tal-kredituri.

Id-dritt għall-appell huwa limitat għal livell wieħed – jiġifieri, appell huwa possibbli biss fil-Qorti ta’ l-Appell. L-unika eċċezzjoni għal dan hija f’sitwazzjonijiet li jinvolvu appelli kontra sentenzi f’oqsma fejn attwalment m’hemmx ġurisprudenza uniformi.

FuqFuq

4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri?

Definizzjoni tal-proprjetà

Jekk ma jkunx stipulat mod ieħor, il-proprjetà tal-parti insolventi hija magħmula mill-assi kollha tad-debitur fid-data tad-dikjarazzjoni ta’ insolvenza mill-qorti, flimkien ma’ l-assi u d-drittijiet akkwistati mid-debitur waqt li l-proċeduri jkunu pendenti.

Assi riżervati jiffurmaw parti mill-proprjetà jekk id-debitur joffrihom minn jeddu u jekk il-kwalità riżervata tagħhom ma tkunx waħda assoluta.

Il-liġi tagħmel distinzjoni bejn id-djun ta’ l-insolvenza u d-djun tal-proprjetà.

Dawn ta’ l-ewwel huma pretensjonijiet fuq il-parti insolventi li saru qabel id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza. Pretensjonijiet li jista’ jagħti prova tagħhom il-kreditur li tqajjmu waqt il-proċedura jiġu ttrattati bl-istess mod.

Id-djun tal-proprjetà huma dawk li jinħolqu waqt il-proċess, u jinkludu, per eżempju, l-ispejjeż tal-proċeduri u l-ħlas ta’ l-amministratur.

Effetti fuq l-assi tad-debitur

Fir-rigward ta’ l-assi tad-debitur, l-effett tad-dikjarazzjoni ta’ l-insolvenza huwa li titneħħielu b’mod immedjat – jew direttament jew permezz tad-diretturi tiegħu – is-setgħa li jamministra jew jiddisponi mill-assi li jiffurmaw il-proprjetà tiegħu. B’effett minn dak il-ħin, dawk is-setgħat jiġu konferiti lill-amministratur, li jassumi r-rwol tar-rappreżentant tad-debitur għal kull kwistjoni ta’ natura finanzjarja li jkollha x’taqsam ma’ l-insolvenza.

Bħala regola, atti magħmula mill-parti insolventi bi ksur ta’ dawn l-arranġamenti huma nulli u bla effett.

FuqFuq

Id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza twassal biex l-obbligi kollha tal-parti insolventi li m’humiex soġġetti għal kundizzjoni preċedenti jkun sarilhom iż-żmien li jitħallsu.

Pretensjonijiet

Fil-proċeduri għal insolvenza jeżistu erba’ kategoriji ta’ pretensjonijiet garantiti, preferenzjali, subordinati u mhux garantiti.

Krediti ggarantiti huma dawk li jgawdu minn garanzija in rem fuq assi fil-proprjetà, sal-valur ta’ tali assi Jinkludu wkoll pretensjonijiet preferenzjali speċjali ta’ kredituri. Din il-kategorija tkopri mhux biss il-pretensjonijiet iżda wkoll l-imgħax fuqhom.

Djun preferenzjali huma pretensjonijiet preferenzjali ġenerali tal-kredituri fuq assi fil-proprjetà, sal-valur ta’ l-assi li fuqhom jeżistu krediti preferenzjali bħal dawn, u fejn il-krediti ma jkunux mifdija bħala konsegwenza tad-dikjarazzjoni ta’ insolvenza.

Krediti subordinati huma dawk li jitħallsu biss meta l-kredituri bla garanzija jkunu tħallsu għal kollox.

Il-krediti msemmija hawn taħt huma subordinati, għajr meta dawn ikollhom drittijiet preferenzjali ġenerali jew speċjali tal-kredituri, jew meta jkunu garantiti permezz ta’ ipoteki legali li m’humiex mifdija bħala riżultat tad-dikjarazzjoni ta’ insolvenza:

  1. il-krediti ta’ persuni b’relazzjoni speċjali mad-debitur – bħall-konjuġi, l-axxendenti, id-dixxendenti jew aħwa tad-debitur (fejn hija involuta persuna fiżika) jew azzjonist, sħab jew persuni li kienu f’relazzjoni ta’ kontroll jew ta’ grupp mad-debitur, fir-rigward ta’ persuna legali – u ta’ dawk li krediti bħal dawn ikunu ġew trasferiti lilhom fis-sentejn ta’ qabel il-bidu tal-proċeduri għal insolvenza;
  2. imgħaxijiet fuq pretensjonijiet mhux subordinati li joħorġu wara d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza, ħlief dawk koperti b’garanzija in rem u bi drittijiet preferenzjali ġenerali tal-kredituri sal-valur ta’ l-assi in kwistjoni;
  3. pretensjonijiet li huma subordinati bi ftehim bejn il-partijiet;
  4. pretensjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ servizzi mogħtija bla ħlas mid-debitur;
  5. pretensjonijiet kontra l-proprjetà li, bħala riżultat tad-deċiżjonijiet li jibbenefikaw lill-proprjetà nnifisha, huma miżmuma minn terza parti li taġixxi b’mala fede;
  6. imgħaxijiet fuq pretensjonijiet subordinati li jirriżultaw wara d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza;
  7. pretensjonijiet fir-rigward ta’ self azzjonarju.

Krediti mhux garantiti huma dawk kollha mhux koperti mill-kategoriji msemmija hawn fuq.

FuqFuq

Miżuri interim

Fejn hemm biżgħat ġustifikati ta’ amministrazzjoni ħażina, l-imħallef, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ l-applikant, jista’ jordna l-miżuri protettivi meħtieġa jew xierqa sabiex iwaqqaf aktar ħsara għas-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur saż-żmien li fih issir id-dikjarazzjoni.

Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, eżempju, il-ħatra ta’ amministratur ġudizzjarju temporanju b’setgħat esklussivi li jamministra l-assi tad-debitur, jew li jgħin lid-debitur sabiex jamministrahom.

5. X’inhuma r-regoli speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti kategoriji ta’ pretensjonijiet?

Bid-dikjarazzjoni ta’ insolvenza, jiġu mifdija dawn il-pretensjonijiet:

  1. drittijiet preferenzjali ġenerali tal-kredituri kontra l-proprjetà miżmuma mill-Istat, mill-awtoritajiet lokali u istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u li jkunu rriżultaw aktar minn tnax-il xahar qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ insolvenza;
  2. drittijiet preferenzjali speċjali tal-kredituri mehmużin ma’ krediti kontra l-proprjetà u miżmuma mill-Istat, mill-awtoritajiet lokali u istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u li kienu dovuti u kellhom jitħallsu aktar minn tnax-il xahar qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ insolvenza;
  3. ipoteki legali li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fix-xahrejn qabel id-data tal-bidu tal-proċeduri ta’ insolvenza u li jiggarantixxu l-pretensjonijiet kontra l-proprjetà, meta l-ipoketarju huwa l-Istat, awtoritajiet lokali jew istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;
  4. jekk dipendenti fuq reġistrazzjoni, garanzija in rem fuq proprjetà reġistrabbli immobbli jew mobbli li tifforma parti mill-proprjetà, krediti ta’ appoġġ kontra l-proprjetà u li jeżistu diġà imma li għadhom m’humiex reġistrati jew fejn tkun għadha ma saritx l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;
  5. garanzija in rem fuq assi li jifformaw parti mill-proprjetà u li jiggarantixxu krediti ġġudikati bħala subordinati.

6. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ atti detrimentali?

Il-liġi tistabbilixxi li, bħala regola ġenerali, l-atti kollha fi żmien erba’ snin qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ insolvenza jistgħu jiġu evitati jekk inaqqsu, jiffrustraw, itellfu, jheddu jew itawwlu l-fidwa tal-pretensjonijiet tal-kredituri.

FuqFuq

Bħala regola, l-evitar jassumi mala fede minn terza parti, li hija preżunta fil-każ ta’ atti mibdija jew rifjutati fi żmien sentejn qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ insolvenza u li jinvolvu persuna f’relazzjoni speċjali mal-parti insolventi, jew li minnha bbenefikat tali persuna, anke jekk ir-relazzjoni speċjali ma kinitx teżisti matul il-perjodu in kwistjoni.

La darba jkunu evitati atti li jippreġudikaw il-proprjetà – b’effett retroattiv – is-sitwazzjoni li kienet teżisti li kieku l-azzjoni jew l-ommissjoni ma seħħitx trid terġa’ tiġi implimentata.

7. X’inhuma l-kundizzjonijiet għal preżentazzjoni u għal ammissjoni ta’ pretensjonijiet?

Fid-dikjarazzjoni ta’ insolvenza jiġi stabbilit perjodu ta’ mhux aktar minn tletin ġurnata li fih il-kredituri iridu japplikaw sabiex il-pretensjonijiet tagħhom jiġu ammessi. Għal kredituri magħrufa, dan il-perjodu jibda mid-data tan-notifikazzjoni lill-kreditur. Għal kredituri oħrajn, id-data ta’ l-għeluq hija estiża b’ħamest ijiem u l-perjodu jibda mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-aħħar avviż fil-Gazzetta Uffiċjali Portugiża, jew f’gazzetta nazzjonali b’ċirkolazzjoni wiesgħa.

8. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ proċeduri ta’ ri-organizzazzjoni?

Taħt il-liġi Portugiża, il-kredituri għandhom jiddeċiedu jekk il-ħlas tal-pretensjonijiet tagħhom huwiex se jsir permezz ta’ likwidazzjoni sħiħa ta’ l-assi tad-debitur, jew permezz ta’ ristrutturazzjoni tal-kumpanija sabiex din tibqa’ teżisti fis-suq, jew bid-debitur bħala s-sid jew b’terzi persuni bħala s-sidien. L-opinjonijiet tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi pjan għal insolvenza approvat mil-laqgħa tal-kredituri.

Jekk jagħżlu l-irkupru, il-kredituri għandhom il-libertà li jagħżlu l-miżuri l-aktar xierqa sabiex dan iseħħ.

9. X’inhuma l-kundizzjonijiet għal proċedura ta’ stralċ?

Fil-laqgħa tal-kredituri msejħa sabiex tevalwa r-rapport ta’ l-amministratur magħmul wara d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza, tittieħed ukoll deċiżjoni fuq jekk l-istabbiliment jew l-istabbilimenti tad-debitur li jiffurmaw parti mill-assi tal-propretà għandhomx jibqgħu miftuħin jew għandhomx jingħalqu.

Madankollu, fejn awtorizzat mill-kumitat tal-kredituri, jew meta m’hemmx din l-approvazzjoni iżda d-debitur m’għandux oġġezzjoni, jew fejn id-debitur għandu oġġezzjoni imma l-imħallef jagħti l-awtorizzazjoni tiegħu, l-amministratur jista’ jagħlaq l-istabbilimenti tad-debitur qabel id-data tal-laqgħa msejħa sabiex tevalwa r-rapport.

Jekk il-laqgħa tal-kredituri jagħti istruzzjonijiet lill-amministratur sabiex iħejji pjan ta’ insolvenza, din tista’ tordna s-sospensjoni tal-likwidazzjoni u tad-distribuzzjoni ta’ l-assi. Din is-sospensjoni tieqaf jekk il-pjan ma jiġix sottomess matul is-sittin jum segwenti jew jekk ma jiġix approvat.

10. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-għeluq tal-proċeduri?

Proċeduri għal insolvenza jistgħu jingħalqu minnufih bid-dikjarazzjoni ta’ insolvenza fejn ikun hemm indikazzjonijiet li l-assi tal-kumpanija m’humiex biżżejjed sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-proċeduri u d-djun mistennija mill-proprejtà insolventi.

Aktar tagħrif

Il-verżjoni sħiħa ta’ din il-folja ta’ informazzjoni tista’ tiġi kkonsultata fuq http://www.redecivil.mj.pt/ português

Aktar għajnuna hija disponibbli mis-siti ta’ l-Internet li ġejjin:

  • http://www.stj.pt English - français - português - Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja;
  • http://www.conselhosuperiordamagistratura.pt/ English - português - Il-Kunsill Ġudizzjarju Suprem;
  • http://www.tribunalconstitucional.pt/ português - Il-Qorti Kostituzzjonali;
  • http://www.mj.gov.pt/ English - português - Il-Ministeru tal-Ġustizzja;
  • http://trl.pt/ português - Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Liżbona;
  • http://www.trc.pt/ português - Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Coimbra;
  • http://www.tre.pt English - français - português - Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Évora;
  • http://www.trp.pt português - Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Porto;
  • http://www.pgr.pt/ português - L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku;
  • http://www.itij.mj.pt português - Il-bażi ta’ data legali;
  • http://www.cej.pt/ English - français - português - Iċ-Ċentru għall-Istudji Legali (il-korp responsabbli għat-taħriġ ta’ l-imħallfin Portugiżi)
  • http://www.dgsj.pt português - Id-Direttorat-Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja  (li jipprovdi, inter alia, informazzjoni dwar il-qrati u l-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom, u l-aċċess għall-Paġna ta’ l-Uffiċjali tal-Ġustizzja);
  • http://www.gplp.mj.pt/ English - português - L-Uffiċċju tal-Politika Leġiżlattiva u ta’ l-Ippjanar tal-Ministeru tal-Ġustizzja;
  • http://www.dgrn.mj.pt português - Id-Direttorat-Ġenerali għar-Reġistri u s-Servizzi Notarili;
  • http://www.asjp.pt/ português - L-Assoċjazzjoni ta’ l-Imħallfin Portugiżi;
  • http://www.smmp.pt/ português - L-Assoċjazzjoni ta’ l-Imħallfin fl-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku;
  • http://www.oa.pt/ português - L-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukatura Portugiża;
  • http://dre.pt/ português - Leġiżlazzjoni on-line;
  • http://www.solicitador.net/ português - L-Assoċjazzjoni ta’ Aġenti Legali;
  • http://www.asjp.pt/ português - L-Assoċjazzjoni ta’ Uffiċjali Legali;
  • correio@lisboa.tcom.mj.pt - Il-Qorti Kummerċjali ta’ Lisbona, - Rua do Ouro, 49 – 2º, 110-060 Liżbona, Portugal;
  • correio@lisboa.sgciveis.mj.pt - Qorti Ċivili ta’ Liżbona - Rua Marquês da Fronteira, Palácio da Justiça, 1098-001 Liżbona, Portugall.

« Falliment - Informazzjoni Ġenerali | Portugall - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 16-11-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit