Kummissjoni Ewropea > NGE > Falliment > Italja

L-aħħar aġġornament: 14-03-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Falliment - Italja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma t-tipi u l-għanijiet differenti ta’ proċeduri ta’ l-insolvenza? 1.
2. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-ftuħ ta’ kull tip ta’ proċedura ta’ l-insolvenza? 2.
3. X’inhu r-rwol tad-diversi parteċipanti f’kull tip ta’ proċedura? 3.
4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri? 4.
5. X’inhuma r-regoli speċifiċi dwar ċerti kategoriji ta’ talbiet? 5.
6. X’inhuma r-regoli dwar azzjonijiet detrimentali? 6.
7. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-preżentazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ talbiet? 7.
8. X’inhuma r-regoli dwar il-proċeduri tar-riorganizzazzjoni? 8.
9. X’inhuma r-regoli dwar il-proċeduri ta’ l-istralċ? 9.
10. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jingħalqu l-proċeduri? 10.

 

1. X’inhuma t-tipi u l-għanijiet differenti ta’ proċeduri ta’ l-insolvenza?

  • L-insolvenza hija definita bħala s-sitwazzjoni li fiha operaturi kummerċjali ma jkunux aktar kapaċi jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

    Il-liġi Taljana tqis l-insolvenza bħala sitwazzjoni de facto li tista’ tagħti lok għal ordni tal-falliment jew ta’ l-istralċ jew il-ftuħ ta’ proċeduri oħra li bihom assi tad-debitur jiġu amministrati u mibjugħa sabiex id-dħul minnhom jintuża biex jitħallsu l-kredituri.

  • Is-sistema legali Taljana taħseb għal żewġ tipi ta’ proċeduri ta’ qabel l-insolvenza. Waħda hija ftehim barra l-qorti bejn l-operaturi kummerċjali/debituri u l-kredituri tagħhom, fejn l-operaturi jkunu jistgħu jkomplu joperaw iżda jgħaddu ċerti assi tal-kumpanija lill-kredituri tagħhom, jiksbu estensjonijiet taż-żmien għall-ħlasijiet jew jagħmlu arranġamenti biex il-kredituri tagħhom jirrinunzjaw għat-talbiet tagħhom għall-ammonti kollha jew parti mill-ammonti li jkollhom jieħdu u/jew l-interessi.

    Il-proċedura l-oħra hija magħrufa bħala “arranġament mal-kredituri” u hija regolata mil-liġi tal-falliment. F’dan il-każ id-debitur jippreżenta pjan għar-ristrutturar tad-djun lill-kredituri. Il-proposta mbagħad tkun eżaminata mill-qorti tal-post fejn il-kumpanija jkollha l-uffiċċji reġistrati tagħha. Il-qorti tista’ tippermetti l-proċedura billi toħroġ ordni f’dak is-sens, jew tista’ tiċħad l-applikazzjoni u tiddikjara formalment lill-operatur fallut. Meta l-proċedura ta’ l-arranġament tkun aċċettata, id-debitur iżomm il-kontroll ta’ l-assi u l-attivitajiet tal-kumpanija taħt is-sorveljanza ta’ riċevitur.

    FuqFuq

    Il-proċeduri uffiċjali li joħorgu mill-falliment huma l-insolvenza, l-arranġamenti mal-kredituri u l-istralċ obbligatorju. Din il-proċedura ta’ l-aħħar tkun applikata fil-każ ta’ kumpaniji li skond il-liġi ma jistgħux ikunu dikjarati falluti għal raġunijiet ta’ interess pubbliku (per eżempju, banek u kumpaniji ewlenin ta’ l-assikurazzjoni).

2. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-ftuħ ta’ kull tip ta’ proċedura ta’ l-insolvenza?

L-unika kondizzjoni reali għal ftuħ ta’ kwalunkwe proċedura hija li l-kumpanija trid tkun insolventi.

  • Il-kredituri, il-prosekutur pubbliku jew id-debitur jistgħu japplikaw biex persuni jew kumpaniji li jieħdu sehem f’attivitajiet kummerċjali jkunu dikjarati falluti. Dawn il-persuni u l-korp ta’ sorveljanza tal-kumpanija jistgħu japplikaw għal ordni ta’ l-istralċ tal-kumpanija. Id-debituri biss jistgħu jitolbu arranġament mal-kredituri tagħhom.

Id-dikjarazzjoni tal-falliment tkun avżata lil kull min ikun ikkonċernat u tiġi ppubblikata fil-forma ta’ entrata fir-reġistru fl-uffiċċju tar-Reġistratur tal-Kumpaniji tal-post fejn il-kumpanija jkollha l-uffiċċji reġistrati tagħha. Kwalunkwe parti interessata jista’ jkollha aċċess għar-reġistru, li huwa disponibbli wkoll onlajn.

L-ordni li tiftaħ il-proċeduri għal arranġament mal-kredituri tiġi ppubblikata fir-reġistru tal-qorti, tkun reġistrata mill-uffiċċju tar-Reġistratur tal-Kumpaniji u, fejn id-debitur ikollu proprjetà jew assi reġistrati fir-reġistri pubbliċi, b’entrati fl-istess reġistri. Il-qorti tista’ wkoll tordna li l-ordni tkun ippubblikata f’ġurnal partikolari jew f’aktar minn wieħed.

FuqFuq

Fid-deċiżjoni tagħha l-qorti tista’ wkoll tordna l-pubblikazzjoni ta’ l-ordni tagħha x’imkien ieħor.

3. X’inhu r-rwol tad-diversi parteċipanti f’kull tip ta’ proċedura?

Il-parteċipanti fi proċeduri tal-falliment huma l-qorti, ir-riċevitur maħtur mill-qorti, il-kuratur ta’ l-insolvenza u l-kumitat tal-kredituri.

Il-qorti tiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal ordnijiet tal-falliment jew ta’ l-istralċ u tista’ tordna l-istralċ obbligatorju jew tapprova applikazzjonijiet għal arranġamenti ma’ kredituri. Il-qorti tamministra wkoll il-proċeduri tal-falliment, tipparteċipa fil-proċeduri ta’ l-istralċ obbligatorju u tapprova ftehim għall-ħlas skond il-poteri mogħtija lilha mil-liġi.

Ir-riċevitur maħtur mill-qorti għandu l-funzjonijiet li jiżgura l-korrettezza tal-poċeduri.

Il-kuratur huwa responsabbli għall-operazzjonijiet materjali involuti u għall-likwidazzjoni ta’ l-assi.

Il-kumitat tal-kredituri jissorvelja u japprova x-xogħol tal-kuratur, waqt li jagħti l-opinjoni tiegħu fil-każijiet stipulati mil-liġi jew fuq talba tal-qorti jew tar-riċevitur maħtur mill-qorti.

Ladarba jkun iddikjarat fallut, id-debitur ma jitħalliex iħallas kredituri individwali u għandu jgħaddi l-assi u l-assi akkwistati sussegwentement lill-kuratur. Id-debituri għandhom jinformaw lill-kuratur b’kull tibdil tar-residenza jew tad-domiċilju u, jekk jissejjħu, għandhom jidhru quddiem ir-riċevitur maħtur mill-qorti, il-kuratur jew il-kumitat tal-kredituri biex jipprovdu l-informazzjoni jew il-kjarifiki kollha meħtieġa għall-iskopijiet tal-proċeduri. Għandhom ukoll jgħaddu kull korrispondenza dwar relazzjonijiet finanzjarji u kummerċjali relatati mal-falliment lill-kuratur. Fl-aħħarnett, jekk jitħallew joqogħdu fid-djar tagħhom stess minħabba bżonn personali jew tal-familja, id-dar m’għandhiex tintuża għal ebda skop ieħor.

FuqFuq

Kull kreditur ikollu d-dritt jitlob lill-qorti biex tiddikjara operaturi kummerċjali (id-debituri tagħhom) bħala falluti jekk ikunu insolventi. Barra minn dan, meta jkun hemm raġunijiet legali biex tingħata prijorità għat-talbiet ta’ ċerti kredituri (garanziji, pleġġijiet jew ipoteki), dawn il-kredituri preferenzjali jgawdu privileġġi speċjali fir-rigward tal-ħlas tat-talbiet tagħhom li huma stipulati fid-dettal mil-legiżlazzjoni.

4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri?

  • Isir inventarju ta’ l-assi mill-kuratur.
  • Operaturi falluti ma jitilfux is-sjieda ta’ l-assi, iżda jitilfu l-poter li jiddisponu minnhom. Għandhom id-dritt jimmonitorjaw l-amministrazzjoni ta’ dak li jkunu ċedew u jiċċekkjaw li jkun sar inventarju korrett ta’ l-assi.
  • Il-kredituri għandhom id-dritt li jkollhom it-talbiet tagħhom imħallsa mid-dħul mill-bejgħ ta’ l-assi tad-debitur. Il-liġi tiddefinixxi l-kategoriji ta’ kredituri u l-ordni li biha għandhom jiġu sodisfatti t-talbiet tagħhom.
  • Ir-riċevitur maħtur mill-qorti jista’ minn jeddu jordna miżuri urġenti biex ikunu salvagwardati l-assi jew iġiegħel li dawn jiġu ordnati mill-awtoritajiet ikkonċernati. Il-miżuri jinkludu qbid preventiv u l-proċeduri speċjali l-oħra stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kif ukoll il-bejgħ immedjat ta’ assi li jiddeprezzaw.

5. X’inhuma r-regoli speċifiċi dwar ċerti kategoriji ta’ talbiet?

  • Il-kuratur jinnotifika lit-terzi li jkollhom drittijiet in rem fuq proprjetà mobbli jew immobbli tal-fallut li tkun fil-pussess tiegħu, u dawn jistgħu japplikaw għar-restituzzjoni ta’ l-assi jew jirreġistraw talba billi jitolbu lill-qorti tinkludihom fil-passività.

F’każijiet ta’ falliment il-kredituri għandhom id-dritt li jpaċu l-ammonti li għandhom jieħdu mingħand il-fallut mad-djun tagħhom, sakemm dawn ma akkwistawhomx bħala riżultat ta’ transazzjonijiet inter vivos wara d-dikjarazzjoni tal-falliment jew matul is-sena ta’ qabilha.

FuqFuq

M’hemmx regoli speċjali li jirregolaw il-kumpens. Mid-data li jiġi ddikjarat il-falliment ma jkomplux jgħaddu l-interessi legali.

Fir-rigward ta’ kuntratti ta’ bejgħ b’riżerva ta’ proprjetà, il-falliment tal-bejjiegħ ma jikkanċellax il-kuntratt.

Il-falliment tal-kerrej ma jikkanċellax ftehim ta’ kiri ta’ proprjetà u l-kuratur jieħu l-kirja f’idejh. Madankollu, il-kuratur jista’ jirtira mill-ftehim fi kwalunkwe żmien, sakemm sid il-kera jitħallas kumpens ġust għall-kanċellament qabel iż-żmien. F’każ ta’ tilwima, ir-riċevitur maħtur mill-qorti jiddeċiedi s-somma li għandha titħallas wara li jisma’ lill-partijiet ikkonċernati.

Relazzjonijiet ta’ xogħol subordinat jiġu tterminati jekk il-kumpanija falluta tieqaf tinnegozja. Jekk il-kumpanija kollha jew partijiet minnha jinbiegħu lil terzi, proċedura speċjali tagħmilha possibbli li wħud biss mill-impjegati tal-kumpanija falluta jiġu trasferiti għal mal-proprjetarju l-ġdid jew li l-kuntratti tax-xogħol ta’ qabel jiġu emendati.

Il-liġi tal-falliment tistabbilixxi regoli dettaljati dwar id-drittijiet tal-kredituri. Tingħata protezzjoni speċjali lil talbiet li jingħataw prijorità għal raġunijiet legali, waqt li talbiet fejn id-debituri jkunu daħlu f’kuntratti li jżidu l-insolvenza tagħhom huma salvagwardati bil-possibbiltà ta’ azzjoni revokatorja.

Id-dmir prinċipali tal-kreditur huwa li joqgħod lura milli jieħu azzjoni personali preventiva jew ta’ infurzar mill-ġurnata tal-falliment.

Id-drittijiet ta’ kredituri preferenzjali dwar ċerti assi mobbli jistgħu jiġu eżerċitati waqt il-proċeduri tal-falliment sakemm l-assi jkunu inklużi fil-passività soġġetti għal drittijiet preventivi.

FuqFuq

6. X’inhuma r-regoli dwar azzjonijiet detrimentali?

  • Il-liġi tal-falliment tistabbilixxi r-regoli dwar azzjonijiet ta’ revoka, bħalma hija d-dikjarazzjoni ta’ l-invalidità ta’ transazzjonijiet magħmula mingħajr ħlas jew ir-revoka ta’ azzjonijiet oħra, inklużi azzjonijiet bi ħlas, ħlasijiet magħmula minn debituri jew garanziji dwar assi mogħtija minn debituri waqt l-istadju tal-falliment. Il-liġi tidentifika l-kondizzjonijiet għar-revoka ta’ kull waħda minn dawn l-azzjonijiet.
  • Il-“perjodu ta’ suspett” huwa ż-żmien qabel id-dikjarazzjoni tal-falliment, meta s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ħafna preżumibilment tkun saret evidenti u l-operatur seta’ kellu t-tentazzjoni li jwettaq atti ta’ ħsara għall-kredituri.

7. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-preżentazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ talbiet?

  • Il-kuratur għandu jinforma lil kull kreditur bir-regoli għan-notifika ta’ talbiet bil-posta ordinarja, bl-e-mail jew bil-fax.
  • It-talbiet jiġu verifikati u ammessi fi smigħ speċjali li jinżamm biex tiġi evalwata l-passività, meta jiġi deċiż jekk it-talbiet tal-kredituri għandhomx jintlaqgħu u liema talbiet preferenzjali jew ta’ prijorità huma involuti. 

8. X’inhuma r-regoli dwar il-proċeduri tar-riorganizzazzjoni?

Il-liġi tal-falliment tikkunsidra pjanijiet għar-ristrutturar waqt il-proċedura biex jintlaħaq arranġament mal-kredituri. Id-debitur jehmeż il-pjanijiet mal-proposta li tiġi ppreżentata lill-qorti. Għandu jkun fihom pjan tar-ristrutturar tad-djun u proposti għal xi forma ta’ ħlas tad-djun.

FuqFuq

Id-debitur jista’ jasal fi ftehim mal-kredituri dwar pjan speċifiku għar-ristrutturar tad-djun fi ftehim barra l-qorti qabel tittieħed id-deċiżjoni li tapprova l-arranġament mal-kredituri.

Id-debitur jista’ jippreżenta dan il-ftehim waqt is-smigħ li jinżamm biex ikun approvat l-arranġament, jekk ikun ġie approvat minn kredituri li jkollhom mill-inqas 60% tat-talbiet, flimkien ma’ rapport ta’ espert dwar il-vijabilità tal-ftehim.

Il-pjan tar-ristrutturar tad-debitur jew il-ftehim milħuq mal-kredituri jista’ jipprovdi għas-sospensjoni temporanja tal-ħlas u tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jew tnaqqis tat-talbiet.

9. X’inhuma r-regoli dwar il-proċeduri ta’ l-istralċ?

Fi proċeduri ta’ l-istralċ il-kuratur jiġbor ammonti ta’ talbiet, ibiegħ assi u jistabbilixxi l-passività fuq il-bażi tat-talbiet preżentati mill-kredituri.

Meta l-proċeduri ta’ l-istralċ jipproduċu bilanċ pożittiv, is-somma kkonċernata titqassam bejn il-kredituri abbażi tal-prijorità tat-talbiet. Meta l-passività tkun akbar mill-assi, il-kredituri jżommu d-dritt li jirċievu l-ħlas ta’ l-ammonti li jkollhom jieħdu anke wara li l-proċeduri jkunu ngħalqu, ħlief jekk id-debitur ikun ikkollabora bis-sħiħ matul il-proċeduri tal-falliment u l-qorti tħallih jirrinunzja għad-djun li jkun fadal skond mekkaniżmu ġdid introdott fir-riforma riċenti tal-liġijiet tal-falliment magħrufa bħala “esdebitazione”.

10. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jingħalqu l-proċeduri?

Il-proċeduri ta’ l-istralċ jistgħu jingħalqu fejn id-djun ikunu tħallsu kompletament, l-assi jkunu tqassmu bejn il-kredituri skond il-prijorità tat-talbiet tagħhom jew, meta t-talbiet tal-kredituri ma jkunux ġew sodisfatti, jekk jiġi stabbilit li t-tkomplija tal-proċeduri tal-falliment mhux ser twassal biex jiġu sodisfatti talbiet mhux garantiti.

Il-konsegwenzi għall-fallut huma:

  1. it-telf tad-dritt li jamministra u jiddisponi mill-assi. Kwalunkwe struzzjonijiet li jingħataw mill-fallut ikunu mingħajr effett;
  2. it-telf tad-dritt li jibda proċeduri legali f’tilwim relatat ma’ l-assi involuti fil-proċeduri tal-falliment. Il-ftuħ ta’ proċeduri tal-falliment jinterrompi kwalunkwe proċeduri legali bħal dawn, għalkemm il-kuratur jista’ jieħu post il-fallut fil-proċeduri;
  3. wara li tikkonsulta lill-kuratur u lill-kumitat tal-kredituri l-qorti tat-tutela tista’ tagħti lill-fallut għajnuna f’manteniment għalih innifsu jew għall-familja tiegħu.

Ir-riforma riċenti tal-liġijiet tal-falliment neħħiet ir-restrizzjonijiet preċedenti li kienu jżommu lill-fallut milli jerġa’ jibda jinnegozja wara li jingħalqu l-proċeduri tal-falliment. Il-fallut ma jinżammx awtomatikament milli jibda attivitajiet kummerċjali wara l-falliment, sakemm ma jkunx ġie misjub ħati ta’ offiża konnessa mal-falliment u bħala riżultat ikun ġie pprojbit milli jmexxi kumpanija.

Skond il-liġi tal-falliment, operaturi individwali jew maniġers ta’ kumpaniji falluti li jkunu kkommettew kwalunkwe offiża relatata (bħal falliment frawdolenti, frodi tal-kreditu, l-irrapportar ta’ kredituri li ma jeżistux u n-nuqqas li jissodisfaw obbligi oħra) jistgħu jiffaċċjaw sentenzi ta’ ħabs jew pieni anċillari in konnessjoni mat-tmexxija ta’ kumpaniji, kif indikat fuq.

Il-liġi tipprovdi wkoll għal offiżi oħra kommessi mill-kuratur jew minn terzi.

« Falliment - Informazzjoni Ġenerali | Italja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 14-03-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit