Kummissjoni Ewropea > NGE > Falliment > Greċja

L-aħħar aġġornament: 29-08-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Falliment - Greċja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma t-tipi differenti u l-għanijiet tal-proċeduri ta’ insolvenza? 1.
2. X’inhuma l-kundizzjonijiet biex jinfetaħ kull tip ta’ proċedura ta’ insolvenza? 2.
3. X’inhu r-rwol tad-diversi parteċipanti f’kull tip ta’ proċedura? 3.
4. Xi jkunu l-effetti meta jinfetħu l-proċeduri? 4.
5. X’inhuma r-regoli speċifiċi relatati ma’ ċerti kategoriji ta’ pretensjonijiet? 5.
6. X’inhuma r-regoli relatati ma’ atti detrimentali? 6.
7. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni u għall-ammissjoni tal-pretensjonijiet? 7.
8. X’inhuma r-regoli li huma relatati mal-proċeduri ta’ organizzazzjoni mill-ġdid? 8.
9. X’inhuma r-regoli relatati mal-proċedura ta’ l-istralċ? 9.
10. X’inhuma l-kundizzjonijiet biex il-proċedura tingħalaq? 10.

 

1. X’inhuma t-tipi differenti u l-għanijiet tal-proċeduri ta’ insolvenza?

L-insolvenza hija sitwazzjoni fejn l-obbligazzjonijiet ta’ persuna jeċċedu l-assi tiegħu u ma jkunx jista’ jħallas lill-kredituri tiegħu. Proċeduri (preventivi) ta’ pre-insolvenza huma proċeduri sabiex tinkiseb inġunzjoni jew jinkiseb avviż ta’ falliment. Il-proċeduri formali huma l-falliment, il-likwidazzjoni speċjali, l-amministrazzjoni temporanja, il-ġestjoni u l-amministrazzjoni mill-kredituri u t-tqegħid tal-kumpanija f’idejn riċevitur sabiex ikun jista’ jintlaħaq kompromess mal-kredituri tagħha.

2. X’inhuma l-kundizzjonijiet biex jinfetaħ kull tip ta’ proċedura ta’ insolvenza?

Kemm l-individwi kif ukoll il-kumpaniji jistgħu jiġu ddikjarati falluti, imma l-kumpaniji biss jistgħu jitqiegħdu f’likwidazzjoni speċjali, f’amministrazzjoni temporanja mill-kredituri jew it-tqegħid f’idejn riċevitur. Sabiex ikun iddikjarat fallut, negozjant irid ikun waqaf iħallas id-djun tan-negozju jew ikun iddikjara li l-ħlasijiet ġew sospiżi u trid tinħareġ deċiżjoni tal-qorti. Tista’ tkun ippreżentata applikazzjoni minn kwalunkwe kreditur li jressaq provi tal-pretensjoni tiegħu bil-miktub. Kumpanija tista’ titqiegħed f’likwidazzjoni speċjali biss bl-applikazzjoni ta’ 51% mill-kredituri tagħha li l-pretensjonijiet tagħhom jkunu rrappurtati fil-kotba tagħha. Sabiex jinfetħu proċeduri ta’ likwidazzjoni speċjali, il-kumpanija tkun trid issospendiet jew waqfet in-negozju, tkun waqqfet il-ħlasijiet, tkun falluta jew taħt il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-kredituri tagħha jew trid tkun f’amministrazzjoni temporanja jew f’likwidazzjoni, ħlief jekk l-assi bażiċi u produttivi tagħha ma jkunux inbiegħu f’irkant u manifestament jidher li ma tistax tħallas id-djun li misshom diġà tħallsu. Kumpanija tista’ titqiegħed f’likwidazzjoni speċjali fl-istess kundizzjonijiet ma’ l-applikazzjoni ta’ 20% tal-kredituri, f’liema każ jinħatar amministratur speċjali. Fl-istess kundizzjonijiet, il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom jiġu rrappurtati fil-kotba tal-kumpanija u fil-kontabbiltà annwali għall-aħħar sena finanzjarja jew il-kumpanija stess jistgħu japplikaw ukoll biex jinħatar riċevitur sabiex jinnegozja ftehim bejn il-kredituri u l-kumpanija biex jiġu regolati jew limitati d-djun tagħha. Fejn jiġi stabbiliti li l-ħlasijiet waqfu, tista’ tingħata deċiżjoni li tqiegħed kumpanija taħt il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-kredituri tagħha, tiġi ppreżentata applikazzjoni minn 55% mill-kredituri rrappurati fil-kotba u jitwaqqaf kumitat speċjali tal-Bank tal-Greċja. L-amministratur temporanju jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex iżomm in-negozju fuq saqajh u jistieden lill-azzjonisti għal laqgħa sabiex jgħaddu riżoluzzjoni ħalli l-kumpanija titqiegħed taħt il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-kredituri tagħha.

FuqFuq

3. X’inhu r-rwol tad-diversi parteċipanti f’kull tip ta’ proċedura?

Ladarba tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni ta’ falliment, jinħatar arbitru sabiex jissuperviżjona x-xogħol u jinħatar avukat bħala fiduċjarju (trustee) temporanju; din il-ħatra tiġi finalizzata bl-approvazzjoni tal-laqgħa tal-kredituri u mbagħad huwa jirrappreżenta lill-fallut u lil dan il-grupp. Il-fiduċjarju jistabbilixxi l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-fallut u jirrappreżentah fis-seduti relatati mal-proprjetà involuta fil-falliment. Ladarba l-proċeduri ta’ fallimenti jkunu ġew ikkompletati, huwa jbigħ u jqassam il-proprjetà involuta fil-falliment bejn il-kredituri li jattendu għal-laqgħa ġenerali u jiddikjaraw il-pretensjonijiet tagħhom, li jitniżżlu f’lista. Jekk skond ir-rapport ta’ l-arbitru, ma jkun hemm l-ebda assi, il-qorti tiddikjara li l-kawża tkun magħluqa. Waqt proċeduri ta’ falliment, il-fallut jitneħħilu d-dritt li jamministra l-proprjetà involuta fil-falliment, imma jista’ jieħu miżuri ta’ emerġenza jekk il-fiduċjarju jonqos milli jaġixxi. Il-kumpaniji jitqiegħdu f’likwidazzjoni speċjali u l-likwidaturi jinħatru mill-Qorti ta’ l-Appell, li taħtar anki riċevitur u tirratifika l-ftehim, fuq it-talba tal-kredituri. Ladarba d-deċiżjonijiet jkunu ġew ippubblikati, tieqaf l-amministrazzjoni tal-kumpanija mill-korpi regolati mill-memorandum u mill-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha. Jekk japplika l-Artikolu 46, il-likwidatur jbigħ l-assi b’mod individwali jew bħala lott f’irkant obbligatorju sabiex jiġu sodisfatti l-kredituri reġistrati. Jekk japplika l-Artikolu 46(a), il-kumpanija tinbiegħ bħala lott f’irkant pubbliku u l-likwidatur jabbozza l-kuntratt tal-bejgħ u jiġbor il-qligħ u jqassmu skond il-lista. Fejn kumpanija titqiegħed taħt ammnistrazzjoni temporanja, l-amministratur jieħu azzjoni sabiex jissalvagwrdja l-assi tagħha billi jaġixxi f’isimha quddiem il-qrati u l-awtoritajiet u billi jipprepara inventarju u karta tal-bilanċ, jistieden lill-kredituri biex jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom u jipprepara lista u jitlob lill-azzjonisti sabiex jippermettu li l-kumpanija tkompli bin-negozju tagħha taħt il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-kredituri. Il-kredituri mbagħad jaħtru kumitat ta’ ġestjoni li jżid il-kapital ta’ l-ishma billi joħroġ ishma li jiġu allokati lilhom bi proporzjon għall-pretensjonijiet tagħhom. Tliet snin wara, il-kredituri jistgħu jawtorizzaw lill-kumitat ta’ ġestjoni li jxolji l-kumpanija u jqiegħdha f’likwidazzjoni speċjali.

FuqFuq

4. Xi jkunu l-effetti meta jinfetħu l-proċeduri?

Ladarba tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni, il-fallut jitlef is-setgħa li jbigħ l-assi tiegħu; dan ma japplikax għall-pretensjonijiet li mhumiex suġġetti għal sekwestru, għad-drittijiet mhux trasferibbli jew għal assi b’data ta’ wara l-falliment. Il-kredituri tal-falliment jiġu diviżi fi kredituri mingħajr garanziji, fi kredituri b’garanziji u fi kredituri ġenerali ppreferuti. Il-kawżi personali min-naħa ta’ kredituri mingħajr garanziji u minn kredituri ġenerali ppreferuti jiġu sospiżi, filwaqt li dawk min-naħa ta’ kredituri kollettivi, ta’ wara l-falliment u b’garanziji jew ta’ kredituri speċjali ppreferuti jibqgħu għaddejjin. L-Imħallef tat-Talbiet iż-Żgħar jissiġilla u jieħu inventarju tal-proprjetà involuta fil-falliment fi żmien 24 siegħa mid-dikjarazzjoni ta’ falliment. L-oġġetti jingħataw lill-fiduċjarju u l-flus lit-teżor tal-gvern. Ladarba jinħatar riċevitur tal-kumpanija u ladarba tkun ippubblikata d-deċiżjoni, jiġu sospiżi l-miżuri individwali ta’ infurzar. Dan ma japplikax għall-azzjoni legali jew għar-rimedji. Jitqassmu l-assi u l-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni jiġu emendati bil-kunsens tar-riċevitur. Il-ftehim ratifikat mill-qorti ikun jorbot lill-kredituri li ma jkunux parti għalih. Jekk il-kumpanija titqiegħed f’likwidazzjoni speċjali, l-infurzar, l-inġunzjonijiet u d-dikjrazzjonijiet ta’ falliment jiġu pprojbiti l-għada ta’ meta tkun ippreżentata l-applikazzjoni. Ladarba d-deċiżjoni dwar il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-proprjetà tkun ġiet ippublikata, tgħaddi f’idejn il-likwidatur speċjali. Fejn kumpanija titqegħed taħt amministrazzjoni temporanja jew taħt il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-kredituri, ladarba tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni, jiġu pprojbiti l-infurzar, l-inġunzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet ta’ falliment għal djun li akkumulaw qabel l-applikazzjoni. Għall-ewwel l-amministrazzjoni tal-kumpanija tkun f’idejn l-amministratur u mbagħad tgħaddi f’idejn il-kumitat ta’ ġestjoni tal-kredituri.

FuqFuq

5. X’inhuma r-regoli speċifiċi relatati ma’ ċerti kategoriji ta’ pretensjonijiet?

Meta jiġi ddikjarat falliment, il-proċeduri ta’ falliment jestendu biss sal-proprjetà tal-fallut. Kwalunkwe oġġett miżmum minnu jew li jkun fil-pussess tiegħu jista’ jiġi pretiż mis-sid. Il-partijiet għall-kuntratti li saru miegħu mhumiex obbligati li jonorow il-kuntratti bilaterali mhux sodisfatti l-ewwel. Il-kuntratti ta’ impjieg ma jiġux ikkanċellati u dawk li jħaddmu li jkunu falluti li jkunu ilhom ma jħallsu lanqas ma jkunu xolti milli jaċċettaw is-servizzi mogħtija jew mill-ħlas tal-pagi. Il-falliment ta’ kerrejja jew ta’ sidien il-kera ma jikkanċellax il-ftehimiet ta’ kera. Il-falliment ta’ msieħeb f’negozju jirriżulta fix-xoljiment ta’ soċjetà jew ta’ sħubija ċivili, ħlief jekk kien hemm ftehim li s-soċjetà jew is-sħubija tinżamm fost l-imsieħba rimanenti. Il-kumpaniji limitati bl-ishma jiġu xolti mal-falliment, iżda jżommu l-istatus kummerċjali u l-personalità legali tagħhom waqt il-likwidazzjoni, imma l-falliment ta’ msieħeb ma jwassalx biex dawn jiġu xolti. L-istruzzjonijiet jiġu kanċellati u l-kontijiet kurrenti jingħalqu u l-ftehimiet ta’ self jiġu kkanċellati awtomatikament. It-tpaċija unilaterali skond it-termini ta’ kuntratt tkun nulla. It-tqegħid ta’ kumpanija f’likwidazzjoni speċjali ma jwassalx biex din tkun xolta jew jaffetwa l-kuntratti li għadhom ma ġewx sodisfatti, ħlief jekk il-partijiet kienu qed jimmiraw lejn fiduċja reċiproka jew ir-reputazzjoni personali ta’ waħda mill-partijiet. Il-likwidazzjoni speċjali twassal biex il-kuntratti eżistenti ta’ impjieg jiġu kkanċellati, għalkemm il-qorti tista’ tordna li wħud mill-impjegati jinżammu temporanjament fuq it-talba tal-kredituri, jekk dan ikun fl-interess tal-kumpanija. Il-ftehimiet ta’ kiri għall-vetturi, għall-makkinarju u għal impjanti oħra jiġu kkanċellati, flimkien ma’ l-arranġamenti kollha li permezz tagħhom parti terz jkollha, tipposjedi jew tuża dawn il-vetturi, dan il-makkinarju jew dawn l-impjanti. Il-garanziji jew is-sigurtà tal-partijiet terzi ma jiġux affetwati. Il-likwidatur jista’ jħallas id-djun li misshom diġà tħallsu u jista’ jpaċi l-pretensjonijiet tal-kumpanija fil-konfront tal-pretensjonijiet ta’ partijiet terzi jew ibigħhom. Jekk il-kumpanija titqiegħed f’idejn riċevitur, il-garanziji, l-ipoteki, r-rahan jew drittijiet inċidentali oħra in rem jew li ma jiżgurawx il-pretensjoni u l-privileġġi marbuta magħha jinżammu. Jekk il-kumpanija titqiegħed taħt amministrazzjoni temporanja jew taħt il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-kredituri, hija tkompli bin-negozju normali tagħha, imma l-assi ma jkunux jistgħu jinbiegħu u lanqas ma tkun tista’ tingħata ipoteka fuq il-proprjetà u mingħajr il-permess tal-qorti ma jistgħux isiru tranżazzjonijiet legali li jdumu għal aktar minn sena. L-ipoteki, ir-rahan jew il-privileġġi jibqgħu sakemm ikunu ġew sodisfatti dawk li kellhom rahan favur tagħhom, dawk li silfu l-flus garantit b’ipoteka jew il-kredituri ppreferuti u l-garanziji ma jkunux affetwati.

FuqFuq

6. X’inhuma r-regoli relatati ma’ atti detrimentali?

L-atti min-naħa tal-fallut fil-perjodu suspett li jnaqqsu l-proprjetà involuta fil-falliment jiġu revokati. Kwalunkwe att unilaterali li jnaqqas il-proprjetà involuta fil-falliment, kwalunkwe ħlas bi flus kontanti, kwlaunkwe ħlas li sar b’konċessjoni, b’bejgħ, bi tpaċija jew b’mod ieħor pjuttost milli bi flus kontanti jew kont kummerċjali għal ħlasijiet li għadhom mhumiex dovuti jew misshom diġà tħallsu u kwalunkwe att biex tkun stabbilita sigurtà għal djun preċedenti huma nulli fil-konfront tal-kreditur jekk isiru mid-debitur matul il-perjodu meta twaqqfu l-ħlasijiet jew 10 ijiem qabel isir dan.

7. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni u għall-ammissjoni tal-pretensjonijiet?

Il-kredituri jkunu informati b’falliment permezz tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li taħtar l-arbitru u fiduċjarju u li tiffissa ż-żmien u l-post għal-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti. Il-kredituri jiddikjaraw min ikunu billi jippreżentaw ċertifikati ta’ ishma u memoranda, għall-ewwel ma’ l-arbitru jew, fejn jinħatar fiduċjarju b’mod definittiv, miegħu jew ma’ l-arbitru. Il-kredituri li ma jippreżentawx irwieħhom jiġu mistiedna jagħmlu dan b’mod individwali u billi jkun ippubblikat avviż fil-bullettin tal-Fond tal-Pensjoni ta’ l-Avukati. Il-pretensjonijiet jiġu spezzjonati u l-arbitru jabbozza rapport. Jekk il-pretensjoni tiġi aċċettata, il-kreditur jaħlef quddiemu li tkun vera u onesta. Il-kredituri li jonqsu milli jiddikjaraw il-pretensjoni tagħhom jistgħu jippreżentaw applikazzjoni sabiex tiġi annullata sentenza fil-kontumaċja sat-tqassim finali tal-qligħ mil-likwidazzjoni u, jekk tiġi aċċettata, jiġu inklużi fit-tqassim. Il-pretensjonijiet min-naħa tal-kredituri kollettivi jiġu sodisfatti qabel il-kredituri tal-falliment u fi kwalunkwe tqassim ta’ l-assi, wara l-kredituri ġenerali ppreferuti, il-kredituri speċjali ppreferuti, dawk li silfu l-flus għall-kuntratti b’ipoteka u dawk li sar rahan favur tagħhom. Jekk il-kumpanija titqiegħed f’likwidazzjoni speċjali, il-kredituri jirrappurtaw lil-likwidatur, li jipprepara lista. Din il-proċedura tinkludi pretensjonijiet li akkumulaw qabel ma l-kumpanija ġiet ri-organizzata mill-Aġenzija tar-Ri-organizzazzjoni tal-Kumpaniji, l-applikazzjoni biex il-kumpanija titqiegħed f’likwidazzjoni speċjali ġiet ippreżentata u l-kumpanija tqiegħdet f’idejn riċevitur. L-ispejjeż tal-likwidazzjoni speċjali u tan-negozju li jkompli għaddej, l-ispejjeż amministrattivi ta’ qabel il-falliment u l-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni ma jiġux inklużi u ma jiġux irrappurtati. Imbagħad tiġi ppreparata tabella ta’ klassifikazzjoni. Il-pretensjonijiet dubjużi jew il-pretensjonijiet li ġew ikklassifikati ħażin jiġu kklassifikati bl-addoċċ jew b’mod kundizzjonali. Jekk il-kumpanija tiġi likwidata skond l-Artikolu 46(a), il-likwidatur jippubblika stedina biex il-kredituri jippreżentaw irwieħhom u japplikaw ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-Artikolu 46. Jekk il-kumpanija titqiegħed f’likwidazzjoni speċjali taħt il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-kredituri, il-pretensjonijiet jiġu klassifikati skond l-Artikoli 975 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u skond l-Artikolu 61 tal-Kodiċi tal-Ġbir tad-Dħul Pubbliku.

FuqFuq

8. X’inhuma r-regoli li huma relatati mal-proċeduri ta’ organizzazzjoni mill-ġdid?

Il-proċeduri ta’ ri-organizzazzjoni jirreferu għall-ġestjoni u għall-amministrazzjoni ta’ kumpanija mill-kredituri tagħha, ir-ri-organizzazzjoni tan-negozju u l-proċeduri skond l-Artikoli 44 u 45. Fejn il-kumpanija tqiegħdet taħt ġestjoni u amministrazzjoni, ladarba l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata jiġu pprojbiti l-infurzar, l-inġunzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet ta’ falliment. Il-kumitat ta’ ġestjoni jamministra l-kumpanija, jikkontrolla l-krediti, iżid il-kapital ta’ l-ishma u jqassam iċ-ċertifikati ta’ l-ishma. Tliet snin wara l-applikazzjoni, 3/5 mill-kredituri jistgħu jitolbu li l-kumpanija tkun xolta jew imqiegħda f’likwidazzjoni speċjali. Il-kumpanija jew il-kredituri jistgħu japplikaw biex il-kumpanija tidħol fil-proċedura ta’ ri-organizzazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru, fejn l-Aġenzija tar-Ri-organizzazzjoin tal-Kumpaniji tinħatar bħala l-amministratur provviżorju u jiġi abbozzat ftehim mal-kredituri. Il-ħlas tad-djun li misshom diġà tħallsu, il-miżuri ta’ infurzar, l-imgħax u l-limitazzjoni tal-pretensjonijiet jiġu sospiżi. Il-ftehim bejn l-azzjonisti, il-kredituri u l-Kumpanija tar-Ri-organizzazzjoni tal-Kumpaniji ma jaffetwax il-garanziji, l-ipoteki, r-rahan jew privileġġi speċjali oħra li jnaqqsu l-pretensjonijiet jew it-termini sabiex jitħallsu l-għotjiet. L-amministrazzjoni provviżorja titwaqqaf u, bl-approvazzjoni tal-Ministru, li tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, titneħħa s-sospensjoni tal-pretensjonijiet individwali u ta’ miżuri oħra. Il-ftehim bejn il-kredituri u l-kumpanija jorbot lill-kredituri li mhumiex parti għalih u jagħti terminu sabiex jitħallsu l-pretensjonijiet, inaqqas l-ammont tal-pretensjoni (bit-telf tar-rimanenti), jirrestrinġi s-sigurtà u jiggarantixxi l-ammont miftiehem għall-ħlas u jirrevoka l-falliment. Meta tiġi ppubblikata d-deċiżjoni li l-kumpanija titqiegħed f’idejn riċevitur, jiġu sospiżi l-miżuri ta’ l-infurzar, id-dritt li tinkiseb inġunzjoni u l-imgħax. Xogħol ir-riċevitur huwa li jinnegozja ftehim bejn il-kredituri u l-kumpanija li jorbot lill-kredituri li ma jkunux parti għalih u jirrestrinġi s-sigurtà u l-garanziji fuq l-ammont miftiehem għall-ħlas.

FuqFuq

9. X’inhuma r-regoli relatati mal-proċedura ta’ l-istralċ?

Meta jintlaħaq kompromess, il-kredituri jkunu fi stat ta’ għaqda; l-għan tax-xogħol imwettaq ikun sabiex isir l-istralċ ta’ l-assi u jitqassam il-qligħ u l-fiduċjarju jbigħ l-assi mobbli u immobbli. Jekk l-istralċ ma jkunx possibbli jew ma jkunx ekonomiku, il-qorti se tiddeċiedi fuq it-talba tal-fiduċjarju li jitwaqqaf ix-xogħol u, jekk ikun hemm biżżejjed assi, l-assi mobbli jinbiegħu f’irkant pubbliku jew bi ftehim u l-assi immobbli jinbiegħu bil-permess ta’ l-arbitru. Il-flus jiġu ddepożitati fil-Fond tal-Konsenji u tas-Self u, qabel ma jitqassmu bejn il-kredituri mingħajr garanziji, jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tal-qorti u tal-falliment, l-għajnuna finanzjarja għall-fallut u għall-familja tiegħu, il-pretensjonijiet tal-kredituri ġenerali ppreferuti, il-pretensjonijiet kollettivi u d-djun bil-garanziji u porzjon jinżamm għall-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ġew provviżorjament aċċettati, li naqsu li jirrappurtaw il-krediti tagħhom f’waqt xieraq u li ppreżentaw applikazzjoni sabiex tiġi annullata sentenza fil-kontumaċja u sabiex il-pretensjonijiet tagħhom jiġu vverifikati, li jgħixu barra mill-pajjiż (jekk il-pretensjonijiet tagħhom jiġu rrappurtati fuq il-karta tal-bilanċ) u li għandhom pretensjonijiet kundizzjonali fi żmien it-tqassim. L-arbitru jsejjaħ laqgħa tal-kredituri fejn il-fiduċjarju jagħti rendikont lill-fallut dwar jekk il-kredituri tal-fallut kinux sodisfatti għalkollox mill-qligħ. Kumpanija taħt il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-kredituri titqiegħed f’likwidazzjoni b’deċiżjoni tal-qorti u tiġi ffissata data biex jitwaqqfu l-ħlasijiet. L-amministratur ibigħ l-assi mobbli u immobbli kollha f’irkant. Jekk ma jkun hemm l-ebda offerent rebbieħ, l-irkant jiġi pospost u l-proċedura tiġi ripetuta sakemm ikun hemm wieħed. Waqt it-tqassim, tingħata preferenza lil dawk li selfu l-flus għall-kuntratti ta’ l-ipoteka, lill-kredituri b’garanziji jew lill-kredituri ppreferuti, skond l-ordni ta’ kull ipoteka, rahan jew privileġġ. Jekk il-ftehimiet li jissemmew fl-Artikoli 44 u 45 ma jiġux onorati, skond l-Artikolu 46 jiġi ordnat l-istralċ b’deċiżjoni tal-Qorti ta’ l-Appell. Il-likwidatur ibigħ l-assi b’mod individwali jew bħala lott f’irkant obbligatorju. Fil-każ ta’ stralċ speċjali skond l-Artikolu 46(a), il-likwidatur jippubblika stedina għal offerti bil-miktub biex tinxtara l-kumpanija, jabbozza memorandum ta’ offerta, jagħti lil kull persuna kopja u jippubblika avviż ta’ rkant pubbliku b’mill-inqas 35 jum u mhux aktar minn 60 jum ta’ pre-avviż. L-offerti ppreżentati jitneħħilhom is-siġill u l-likwidatur jabozza rapport ta’ evalwazzjoni li jipproponi l-bejgħ lill-ogħla offerent, li jitressaq quddiem il-kredituri biex jiġi approvat. Jekk min-naħa tagħhom jonqsu milli jippreżentaw id-deċiżjoni bil-miktub tagħhom fi żmien xahar, dan jiġi interpretat bħala li aċċettaw il-proposta u jiġi ffirmat il-kuntratt tat-trasferiment ta’ l-assi mar-rebbieħ u r-rebbieħ iħallas il-prezz, li jiġi ddepożitat f’kont f’bank awtorizzat għall-kummerċ fil-Greċja. Imbagħad jitħassru l-ipoteki. Jekk ma titressaq l-ebda offerta legali, jew jekk il-kredituri jqisu li l-offerti mressqa ma kinux adegwati jew ekonomiċi, fuq it-talba tagħhom il-likwidatur jirrepeti l-irkant bl-istess formalitajiet. Jekk it-tieni rkant ma jġibx riżultati, il-Qorti ta’ l-Appell tordna l-bejgħ biċċa biċċa ta’ l-assi f’irkant jew isir it-tielet irkant jew issir applikazzjoni quddiem il-Qorti ta’ l-Appell biex id-deċiżjoni li tqiegħed lill-kumpanija f’likwidazzjoni speċjali tkun revokata. Ladarba l-assi jkunu ġew trasferiti, il-likwidatur ikollu 15-il jum biex jippubblika stedina ħalli jkunu rrappurati l-pretensjonijiet, li jitniżżlu fil-lista u jitqassam il-qligħ.

10. X’inhuma l-kundizzjonijiet biex il-proċedura tingħalaq?

Il-proċeduri ta’ falliment jingħalqu a) jekk il-fallut ma jkunx akkużat b’insolvenza frawdolenta, meta kompromess, il-proposti meħtieġa għall-kompromess mill-fallut u riżoluzzjoni ta’ aċċettazzjoni mil-laqgħa ġenerali tal-kredituri jiġu abbozzati, u jkunu ratifikati mill-qorti, b) meta l-għaqda tal-kredituri tkun ikkompletata, f’liema każ ladarba l-assi u l-obbligazzjonijiet ikunu ġew likwidati, l-arbitru isejjaħ laqgħa tal-kredituri, fejn il-fiduċjarju jagħti rendikont u fejn ikun deċiż jekk il-falliment jista’ jiġi skużat jew le, għalkemm id-deċiżjoni finali tittieħed mill-qorti. Fil-każ ta’ likwidazzjoni, il-proċeduri jingħalqu a) meta ċ-ċertifikati kollha ta’ l-ishma l-ġodda kollha jkunu ġew sottoskritti, b) meta jintlaħaq kompromess bejn il-kumpanija u l-kredituri, u ċ) meta l-qligħ jitqassam. Il-proċeduri skond il-liġi 1386/83 jingħalqu a) meta l-ftehim tal-vjiabbiltà tal-kumpanija jiġi approvat mill-Ministru u jkun ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern, b) bl-istralċ u bitt-tqassim tal-qligħ. Il-proċeduri skond l-Artikoli 44 u 45 jingħalqu b’deċiżjoni tal-Qorti ta’ l-Appell li tirratifika l-ftehim bejn il-kredituri u l-kumpanija. Il-likwidazzjoni speċjali tingħalaq meta jitqassam il-qligħ.

« Falliment - Informazzjoni Ġenerali | Greċja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 29-08-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit