Kummissjoni Ewropea > NGE > Falliment > Ġermanja

L-aħħar aġġornament: 15-03-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Falliment - Ġermanja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Liema huma t-tipi differenti ta’ proċedura legali tal-falliment u x’inhuma l-għanijiet tagħhom? 1.
2. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-ftuħ ta’ kull tip ta’ proċedura legali tal-falliment? 2.
3. X’inhu r-rwol tal-parteċipanti individwali f’kull tip ta’ proċedura legali? 3.
4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ ta’ proċedura legali? 4.
5. X’inhuma r-regoli speċifiċi tal-kategoriji diversi ta’ klejm? 5.
6. X’inhuma r-regoli dwar azzjonijiet li jikkaġunaw il-ħsara? 6.
7. Liema kundizzjonijiet japplikaw għar-reġistrazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ klejms? 7.
8. X’inhi l-proċedura tar-riorganizzazzjoni? 8.
9. X’inhi l-proċedura ta’ l-istralċ? 9.
10. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-għeluq tal-proċedura? 10.

 

1. Liema huma t-tipi differenti ta’ proċedura legali tal-falliment u x’inhuma l-għanijiet tagħhom?

Il-liġi Ġermaniża dwar il-falliment tirrikonoxxi biss proċedura tal-falliment waħda. L-għan tagħha hija biex il-kredituri jiġu sodisfatti ugwalment bl-aħjar mod (§ 1 S.1 Insolvenzordnung [InsO]). Il-proċedura tal-falliment titmexxa skond ir-regoli legali dwar l-amministrazzjoni, il-valutazzjoni u t-tqassim ta’ l-assi tal-falliment (l-hekk imsejħa proċedura tal-falliment regolari). Iżda l-parteċipanti tal-proċedura jistgħu wkoll jiddeterminaw xi regoli oħrajn fl-iskema tal-falliment, speċjalment għall-manteniment tal-kumpanija.

Il-proċedura tal-falliment trid tagħti l-possibilità ta’ bidu finanzjarju ġdid (l-hekk imsejjaħ ‘fresh start’) lill-persuni naturali. Għalhekk, wara li tingħalaq il-proċedura tal-falliment jistgħu jinħafru d-djun li għadhom iridu jitħallsu (l-hekk imsejjaħ Restschuldbefreiung).

2. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-ftuħ ta’ kull tip ta’ proċedura legali tal-falliment?

Proċedura tal-falliment tista’ tinfetaħ b’relazzjoni għall-assi ta’ kull persuna legali jew naturali, anke jekk m’hix attiva fin-negozju (l-hekk imsejjaħ konsumatur). L-ewwelnett trid issir applikazzjoni biex tinfetaħ proċedura tal-falliment. Din tista’ ssir mid-debitur jew minn xi kreditur. Entitajiet tal-gvern ma jistgħux jissottomettu applikazzjoni. Kumpaniji pubbliċi huma obbligati li jissottomettu applikazzjoni fil-każ ta’ falliment. Jekk isofru d-danni, jistgħu jressqu klejm għall-kumpens. Jekk jidher li huwa ġġustifikat, id-debitur jista’ jeħel piena.

FuqFuq

Ir-raġunijiet għall-ftuħ ta’ proċedura tal-falliment huma n-nuqqas ta’ kapaċità li jitħallsu d-djun u/jew dejn eċċessiv. In-nuqqas ta’ kapaċità li jitħallsu d-djun ifisser li d-debitur ma jistax jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu (§ 17 para. 2 InsO). Id-dejn eċċessiv jeżisti meta l-assi tad-debitur ma jkoprux l-obbligi finanzjarji tiegħu (ara § 18 para. 2 InsO). Meta l-assi tad-debitur jiġu vvalutati, il-kumpanija għandha xxolji jekk dan jidher f’loku minħabba ċ-ċirkostanzi. Il-periklu li se tintilef il-kapaċità li jitħallsu d-djun huwa biżżejjed biex issir applikazzjoni għall-falliment min-naħa tad-debitur (§ 18 para. 1 InsO).

Sabiex il-qorti u d-debitur ikunu protetti minn applikazzjonijiet sottomessi b’nuqqas ta’ ħsieb jew biss minħabba possibilità li se jsiru d-danni, kreditur li jissottometti applikazzjoni jrid juri li hija kredibbli, li teżisti raġuni għall-falliment u li għandu klejm.

Irid jiġi żgurat wkoll li l-finanzi biex ikopru l-ispejjeż tal-proċedura tal-falliment huma disponibbli. Għalhekk, applikazzjoni għall-ftuħ ta’ proċedura għandha tiġi rrifjutata jekk jidher li l-assi tad-debitur mhux se jkopru l-ispejjeż tal-proċedura (§ 26 para. 1 S. 1 InsO).

Jekk il-kondizzjonijiet jiġu sodisfatti, il-qorti tal-falliment tiddeċiedi li se tinfetaħ proċedura u d-dikjarazzjoni tagħha tkun ippubblikata. Il-qorti tieħu ħsieb li d-dikjarazzjoni tkun ippubblikata fuq l-internet (www.insolvenzbekanntmachungen.de Deutsch) jew fil-fuljett fejn jkunu ppubblikati d-dikjarazzjonijiet uffiċjali tal-qorti. Skond abbozz tal-liġi, huwa mistenni li fil-futur id-dikjarazzjonijiet uffiċjali kollha se jkunu ppubblikati biss fuq l-internet.

FuqFuq

3. X’inhu r-rwol tal-parteċipanti individwali f’kull tip ta’ proċedura legali?

Il-qorti tal-falliment [Insolvenzgericht] għandha d-dmir li takkompanja u tissorvelja t-tmexxija skond il-liġi tal-proċedura tal-falliment. Dan ifisser li għandha tgħin lill-parteċipanti tal-proċedura billi tqassam l-informazzjoni u tarbitra fil-proċedura, sabiex jintlaħaq l-għan li l-konflitt jitmexxa mill-parteċipanti flimkien. Wara li tinfetaħ il-proċedura tal-falliment, id-deċiżjonijiet prinċipali (il-valutazzjoni, l-istralċ, ir-rikostruzzjoni u l-iskema tal-falliment) jittieħdu mill-kredituri. Minkejja dan, il-qorti għandha ċerta awtorità u dmirijiet waqt li qiegħda tinfetaħ il-proċedura. Per eżempju, il-qorti tiddeċiedi fuq il-ftuħ tal-proċedura, fuq il-miżuri temporanji ta’ sigurtà, u fuq il-ħatra ta’ amministratur tal-falliment. Il-qorti għandha wkoll tissorvelja l-amministratur tal-falliment. Iżda tissorvelja biss li qiegħed jaġixxi skond il-liġi u mhux kemm huwa adattat il-mod ta’ kif qiegħed jaġixxi, u ma tistax tagħti istruzzjonijiet.

L-amministratur tal-falliment għandu rwol prinċipali fil-proċedura tal-falliment. Nies partikularment adattati għal dan ir-rwol huma l-avukati, in-negozjanti, l-akkawntants jew il-konsulenti tat-taxxa. Malli tinfetaħ il-proċedura tal-falliment, l-amministratur tal-falliment jingħata l-awtorità fuq l-amministrazzjoni u d-disponiment ta’ l-assi tad-debitur. Ix-xogħol ewlieni tiegħu huwa li jitneħħew mill-assi li jeżistu mal-ftuħ tal-proċedura tal-falliment l-affarijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mal-kredituri. Barra minn hekk, għandu jittrasferixxi għall-assi tad-debitur dawk l-affarijiet li bil-liġi jifformaw parti mill-assi vvalutati, iżda li sa meta tkun infetħet il-proċedura tal-falliment ma kienux għadhom parti mill-assi tad-debitur. L-assi tad-debitur li jiġu ddeterminati b’dan il-mod, jikkostitwixxu l-assi tal-falliment (§ 35 InsO), minn fejn il-kredituri jistgħu jiġu sodisfatti. Ix-xogħol ta’ l-amministratur tal-falliment jinkludi, fost affarijiet oħrajn, ukoll:

FuqFuq

  • il-ħlas tal-pagi tal-ħaddiema tad-debitur tal-falliment
  • id-deċiżjoni fuq kuntratti pendenti (§ 103 InsO)
  • it-twaqqif ta’ servej ta’ l-assi (§ 153 para. 1 S. 1 InsO)
  • il-valutazzjoni ta’ l-assi tal-falliment (§ 159 InsO)
  • it-tqassim tal-qligħ tal-valutazzjoni (§ 187 InsO).

Ir-regoli tal-falliment jinfluwenzaw konsiderevolment lill-kredituri fil-proċedura tal-falliment. Laqgħa tal-kredituri hija dejjem possibbli. Barra minn hekk teżisti wkoll il-possibilità li jitwaqqaf kumitat tal-kredituri. Il-laqgħa tal-kredituri hija l-mezz bażiku kif il-kredituri jmexxu lilhom infushom, filwaqt li l-kumitat tal-kredituri huwa l-mezz prinċipali kif il-kredituri jiġu ssorveljati, u jaħdem bħala tip ta’ awtorità ta’ sorveljanza.

Il-laqgħa tal-kredituri tissejjaħ mill-qorti tal-falliment (§ 74 para. 1 S. 1 InsO) u titmexxa wkoll minnha (§ 76 para. 1 InsO). Dritt għall-parteċipazzjoni jingħata lill-kredituri li għandhom id-dritt għall-irkuprar ta’ l-assi tagħhom, lill-kredituri tal-falliment, lill-amministraturi tal-falliment u lid-debituri tal-falliment (§ 74 para. 1 S. 2 InsO). Deċiżjoni tista’ ttieħed mill-laqgħa tal-kredituri meta l-ammont totali mressaq fil-klejms tal-kredituri li jaqblu mad-deċiżjoni, huwa aktar minn nofs l-ammont totali mressaq fil-klejms tal-kredituri kollha li jivvutaw (il-maġġoranza ta’ l-ammont totali).

Il-laqgħa tal-kredituri tiddetermina kif jinħatar il-kumitat tal-kredituri (§ 68 InsO). Jekk il-kumitat tal-kredituri jinħatar mill-qorti tal-falliment qabel issir l-ewwel laqgħa tal-kredituri, dan jinħatar skond § 67 para. 2 InsO. Il-laqgħa tal-kredituri għandha d-dritt ixxolji dan il-kumitat temporanju.

FuqFuq

L-għan tal-laqgħa tal-kredituri huwa li tiddeċiedi fuq kif għandha titmexxa l-proċedura – partikularment kif issir il-valutazzjoni. Xogħol ieħor tal-laqgħa tal-kredituri, jew il-kumitat tal-kredituri, jinkludi:

  • il-ħatra ta’ amministratur tal-falliment ieħor (§ 57 S. 1 InsO)
  • il-kontroll fuq l-amministratur tal-falliment (§§ 66, 79, 197 para. 1 Nru. 1 InsO)
  • il-qbil ma’ ċerti azzjonijiet legali importanti ta’ l-amministratur tal-falliment (§§ 160 para. 1 InsO)
  • il-parteċipazzjoni fit-tfassil u fl-esekuzzjoni ta’ l-iskema tal-falliment (§§ 218 para. 2, 231 para. 2, 232 para. 1 Nru. 1, 233 S. 2, 248 para. 2, 258 para. 2 S. 3, 261 para. 2 S. 2, 262 InsO).

Id-debitur tal-falliment huwa s-sid ta’ l-assi li jridu jiġu vvalutati, u l-kredituri tal-falliment għandhom jindirizzaw lilu l-klejms tagħhom (§§ 38, 39 InsO). L-assi kollha tiegħu huma bażikament suġġetti għall-klejms. Anke meta tinfetaħ proċedura tal-falliment, hu jibqa’ s-sid ta’ l-assi tiegħu u d-debitur tad-dejn tiegħu. Minkejja dan, il-kontroll fuq l-amministrazzjoni u d-disponiment ta’ l-assi kollha tiegħu miġburin fil-falliment jgħaddu f’idejn l-amministratur tal-falliment (eċċezzjoni: li jamministra lilu nnifsu [Eigenverwaltung], §§ 270 ff. InsO). Il-ftuħ tal-proċedura tal-falliment jinvolvi bosta obbligi marbutin ma’ l-għotja ta’ tagħrif u l-parteċipazzjoni. Fl-istess ħin, id-debitur tal-falliment jista’ wkoll jipparteċipa fil-proċedura.

Sabiex il-proċedura tal-falliment tingħalaq fi żmien raġonevoli, il-qorti tal-falliment għandha dritt legali għad-deċiżjonijiet f’każijiet meta l-liġi tipprovdi għall-kwereli immedjati [sofortige Beschwerde] (ara § 6 para. 1 InsO). Kwerela immedjata tista’ titressaq fil-qorti tal-falliment jew fil-qorti tal-kwereli (il-qorti tal-pajjiż li tiġi fuq il-qorti tal-falliment) bil-miktub jew b’dikjarazzjoni lill-awtorità fejn qiegħda ssir. Il-kwerela ma tikkaġunax sospensjoni; iżda l-qorti tal-kwereli u l-imħallef tal-falliment jistgħu jordnaw li l-attwazzjoni tagħha tiġi sospiża temporanjament.

FuqFuq

4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ ta’ proċedura legali?

Mal-ftuħ tal-proċedura tal-falliment, id-dritt tad-debitur li jamministra u jiddisponi mill-assi li jappartjenu lill-assi tal-falliment jgħaddi f’idejn l-amministratur ta’ l-assi (§ 80 para. 1 InsO). Dan japplika mhux biss għall-assi li jappartjenu lid-debitur mal-ftuħ tal-proċedura, iżda wkoll għall-assi ġodda li jakkwista matul il-proċedura. Dan is-sekwestru ma jinkludix l-affarijiet personali meħtieġa għall-għajxien tad-debitur. Fil-każ tal-qligħ tad-debitur, l-assi tal-falliment jiġbdu biss din il-parti tal-qligħ li hija aktar mill-ammont minimu neċessarju għall-għajxien tad-debitur.

Biex l-assi tal-falliment jiġu protetti – per eżempju minn klejms żejda mressqin mid-debitur jew minn kredituri individwali – l-amministratur ta’ l-assi huwa obbligat li jieħu l-assi tal-falliment taħt il-kontroll tiegħu minnufih. Jekk id-debitur ma jċedix l-assi volontarjament, l-amministratur jista’ jieħu passi kontrih biex isir sekwestru obbligatorju. Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura sservi bħala dritt għal sekwestru. L-amministratur ta’ l-assi għandu wkoll ifassal karta tal-bilanċ ta’ l-assi, fejn l-assi jiġu vvalutati u mqabblin ma’ l-obbligi tad-debitur (§ 153 InsO). Barra minn hekk, huwa wkoll obbligat li jiftaħ reġistru tal-kredituri, fejn il-klejms jiġu reġistrati u fejn il-kredituri ta’ anqas importanza jew li għandhom id-dritt għall-irkuprar ta’ l-assi jiġu reġistrati għalihom (§ 152 InsO).

Peress li l-proċedura tal-falliment għandha l-għan li l-kredituri jiġu kollha sodisfatti b’mod ugwali, il-ftuħ tal-proċedura jipprojbixxi li jsir infurzar obbligatorju individwali. Dan ifisser li matul il-proċedura tal-falliment il-kredituri tal-falliment ma jistgħux jaqbdu parti mill-assi tal-falliment jew parti mill-assi l-oħrajn tad-debitur.

FuqFuq

5. X’inhuma r-regoli speċifiċi tal-kategoriji diversi ta’ klejm?

Ċerti kredituri ta’ l-assi jingħataw preferenza biex jiġu sodisfatti (§ 53 InsO). Il-klejms ta’ dawn il-kredituri jiġu stabbiliti mill-amministratur b’relazzjoni għall-iżvilupp tal-falliment wara li tinfetaħ il-proċedura (eż. klejms għall-pagi minn ħaddiema li għadhom jaħdmu mal-kumpanija, jew pretenzjoni minn l-avukat inkarigat mill-amministratur tal-falliment biex iressaq bil-liġi l-klejms kontra d-debitur tal-falliment). Raġuni għas-sodisfazzjon preferenzjali hija li l-amministratur irid ikollu l-possibilità li jidħol fl-obbligi ġodda li jistgħu ċertament jiġu sodisfatti għal kollox, biex imexxi l-proċedura skond ir-regoli.

Kredituri li kellhom bħala sigurtà xi affarijiet li jappartjenu lill-assi tal-falliment, għandhom klejm preferenzjali fuq il-qligħ marbut magħhom. Il-qligħ mill-valutazzjoni ta’ xi ħaġa bħal din jiġi mqassam sa l-ammont tal-klejm żgurat lill-kredituri li għandhom din it-tip ta’ sigurtà. Jekk ikun hemm xi qligħ li jaqbeż l-ammont tal-klejm, dan isir parti mill-assi tal-falliment u jista’ jintuża biex jissodisfa l-klejms tal-kredituri oħrajn. Dan id-dritt preferenzjali huwa stabbilit skond id-drittijiet kostituzzjonali dwar id-depożiti, id-drittijiet dwar l-affarijiet personali jew il-protezzjoni tal-propjetà, fost affarijiet oħrajn (§§ 50, 51 InsO).

Il-kredituri bi drittijiet preferenzjali ma jgħoddux bħala kredituri tal-falliment (§ 47 InsO). Is-sekwestru japplika biss għall-assi tad-debitur. Jekk mal-ftuħ tal-proċedura d-debitur ikollu fil-pussess tiegħu xi assi li fuqhom persuna terza għandha dritt materjali jew personali, il-persuna terza tista’ tressaq id-dritt tagħha fl-intier tiegħu (l-hekk imsejjaħ dritt preferenzjali). Għalhekk hi tista’ tressaq il-klejm tagħha quddiem l-amministratur tal-falliment biex jingħataw dawn l-assi, barra mill-proċedura tal-falliment. Il-kapital u l-kapital bażiku riżervat huma partikularment indikati għad-dritt ta’ l-irkuprar, kif ukoll klejm fuq depożitu li għandu jingħata lura bħala dejn bil-liġi (eż. minn dak li jkun ħa b’kera mingħand min ikun ta b’kera).

FuqFuq

6. X’inhuma r-regoli dwar azzjonijiet li jikkaġunaw il-ħsara?

Skond ir-regoli fuq l-appell kontra l-falliment stipulati fil-§§ 129 ff. InsO, għandu jiġi evitat li d-debitur tal-falliment ineħħi xi assi mis-sekwestru, jew li xi kredituri individwali jippruvaw jiżguraw xi vantaġġi preferenzjali meta tkun se tinfetaħ il-proċedura tal-falliment. Jekk l-amministratur tal-falliment jaċċetta l-appell, il-persuna li tkun ibbenefikat mir-raġuni li għaliha sar l-appell għandha tagħti lura l-assi kollha li tneħħew mill-assi tad-debitur tal-falliment minħabba r-raġuni li għaliha jkun sar l-appell. Jekk dan m’hux possibbli, din il-persuna għandha tħallas il-kumpens. Jekk din il-persuna għandha xi klejms kuntrarji, dawn jerġgħu jiġu kkunsidrati malli jkun intradd lura dak li jkun mitlub (§ 144 InsO).

Biex isir appell, il-kredituri tal-falliment iridu jkunu se jsofru xi żvantaġġi minħabba azzjoni li tkun bdiet qabel ma tinfetaħ il-proċedura tal-falliment (§ 129 InsO), u trid teżisti raġuni għall-appell kif stipulat fil-§§ 130 - 136 InsO. Raġunijiet għall-appell jinkludu partikularment:

  • servizzi bla ħlas tad-debitur, minbarra dawk li jkunu nbdew aktar minn erba’ snin qabel ma saret l-applikazzjoni biex tinfetaħ il-proċedura tal-falliment (§ 134 InsO);
  • proċessi legali, mressqin mid-debitur matul l-aħħar għaxar snin qabel ma saret l-applikazzjoni għall-ftuħ bl-għan li joħolqu l-iżvantaġġi għall-kredituri tiegħu, jekk il-persuna li tibbenefika minnhom kienet taf bl-intenzjoni tad-debitur (§ 133 InsO);
  • negozji tad-debitur li jkunu nbdew matul l-aħħar tliet xhur qabel ma saret l-applikazzjoni għall-ftuħ, jekk f’dak iż-żmien kien diġà tilef il-kapaċità biex iħallas u l-parti l-oħra kienet taf (§ 132 Abs. 1 Nru. 1 InsO);

Minbarra dan, f’każijiet bħal dawn teżisti responsabbiltà marbuta mal-liġi kriminali min-naħa tad-debitur kif ukoll min-naħa tal-kreditur li jibbenefika (§§ 283 - 283d Strafgesetzbuch [kodiċi kriminali] [StGB]).

FuqFuq

7. Liema kundizzjonijiet japplikaw għar-reġistrazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ klejms?

Il-klejms tal-falliment ma jsirux awtomatikament, iżda biss meta u sakemm il-kreditur tal-falliment jeżerċita d-dritt tiegħu billi jissottometti applikazzjoni biex jitressaq klejm tal-falliment. Il-qorti tal-falliment għandha tirrikjedi fid-deċiżjoni għall-ftuħ, li l-kredituri tal-falliment iressqu l-klejms tagħhom quddiem l-amministratur tal-falliment fi żmien mhux anqas minn ġimgħatejn u mhux aktar minn tliet xhur (§ 28 para. 1 S. 1, S. 2 InsO). Iżda m’hemmx preklużjoni barra dak il-perijodu. Għalhekk huwa possibbli li ssir applikazzjoni biex jitressaq klejm anke wara ż-żmien stipulat (ara. § 177 para. 1 S. 1 InsO).

Klejms li jkunu diġà ġew stabbiliti mill-qorti (klejms titolari) għandhom ukoll jiġu reġistrati bil-miktub. Ma’ l-applikazzjoni trid tiġi ppreżentata r-raġuni għall-klejm, jiġifieri, il-fatti li jifformaw il-bażi tal-każ. Dan huwa importanti partikularment meta l-applikazzjoni trid issir f’perijodu ta’ żmien limitat. Dokumenti li jsostnu l-klejm iridu jiġu mehmużin (§ 174 para. 1 S. 2 InsO), per eżempju kuntratti u kontijiet.

L-amministratur jirreġistra l-klejms mressqin fir-reġistru tal-falliment ( § 175 para. 1 S. 1 InsO). Meta jispiċċa l-perijodu għas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet, ir-reġistru jista’ jinqara mill-parteċipanti fil-qorti tal-falliment.

Fid-data fissa għall-verifika, il-klejms mressqin jiġu vverifikati formalment mill-qorti tal-falliment. Din id-data tiġi ffissata mal-ftuħ tal-proċedura. Il-kredituri tal-falliment li jkunu ressqu klejm jistgħu jattendu, kif ukoll l-amministratur tal-falliment u d-debitur tal-falliment. Il-qorti ma tivverifikax il-fatti tal-klejms imressqin, iżda tiddetermina biss jekk ġewx ikkontestati mill-amministratur tal-falliment, mid-debitur tal-falliment jew minn xi kreditur tal-falliment. Ir-riżultat tal-verifika jiġi mniżżel fir-reġistru tal-falliment (§ 178 para. 2 InsO).

FuqFuq

Kull klejm m’hux ikkontestat mill-amministratur jew minn xi kreditur jiġi aċċettat. Jiġi inkluż awtomatikament meta jitqassmu l-assi tal-falliment. Ir-reġistrazzjoni ta’ klejm verifikat fir-reġistru tal-falliment tgħodd bħala deċiżjoni tal-liġi (§ 178 para. 3 InsO). Jekk ir-reġistrazzjoni tiegħu jiġi kkontestat, il-kreditur irid jippreżenta l-provi li jsostnu l-klejm.

Jekk dan jirnexxielu, għandu jirrikjedi fil-qorti tal-falliment li r-reġistru jiġi kkoreġut (§ 183 para. 2 InsO). Titolu għall-klejm li l-kreditur ikun diġà rebaħ qabel ma nfetħet il-proċedura tal-falliment, ma jistax jiġi kkontestat.

Matul il-proċedura tal-falliment, id-debitur ma jistax jikkontesta klejm imressaq. Jekk id-debitur ma jkunx ikkontesta xi klejm, bis-saħħa tar-reġistru tal-falliment il-kreditur jista’ jitlob għall-infurzar obbligatorju kontra d-debitur wara li tkun ingħalqet il-proċedura tal-falliment (§ 201 para. 2 InsO). Jekk issir kontestazzjoni mid-debitur, il-kreditur irid joqgħod fuq klejm preċedenti.

8. X’inhi l-proċedura tar-riorganizzazzjoni?

Il-laqgħa tal-kredituri tiddeċiedi kif titmexxa l-proċedura. Hija tiddeċiedi jekk il-kumpanija tad-debitur għandhiex ixxolji jew jekk hux se tkompli provviżorjament. Hija tista’ tirrikjedi li l-amministratur ifassal skema tal-falliment u tista’ tagħtih l-għan ta’ l-iskema (§ 218 para. 2 InsO). Id-debitur u l-amministratur tal-falliment għandhom ukoll id-dritt li jippreżentaw skema tal-falliment (§ 218 para. 1 InsO). Din l-iskema tista’ tinkludi regoli li jvarjaw mir-regoli bil-liġi, partikularment dwar il-manutenzjoni tal-kumpanija.

FuqFuq

L-iskema tal-falliment tinkludi parti deskrittiva u parti kostruttiva. Il-parti deskrittiva tagħti l-informazzjoni lill-parteċipanti, u tiddeskrivi l-miżuri li ttieħdu wara l-ftuħ tal-proċedura tal-falliment jew li għadhom iridu jittieħdu (§ 220 InsO). Il-parti kostruttiva tiddetermina kif id-drittijiet tal-parteċipanti jridu jinbidlu skond l-iskema (§ 221 InsO)..

Il-laqgħa tal-kredituri m’għandhiex id-dritt li tieħu l-inizjattivi, iżda tista’ tirrikjedi li l-amministratur ifassal skema tal-falliment. Wara li l-iskema tiġi ppreżentata, il-valutazzjoni preliminari ssir mill-qorti (§ 231 InsO). Din issir biex jiġi evitat li l-parteċipanti jsegwu skema tal-falliment li tkun kontra l-liġi jew mingħajr il-kapaċità li tilħaq l-għanijiet tagħha u li l-proċedura tal-falliment tittawwal minħabba f’hekk. Jekk il-valutazzjoni tirriżulta pożittiva, il-qorti tgħaddi l-iskema lill-kumitat tal-kredituri, lid-debitur, lill-amministratur tal-falliment u l-konsulenti tal-kumpanija għall-opinjoni tagħhom u tiffissa data sa meta l-opinjonijiet iridu jingħataw (§ 232 InsO). Fl-aħħar, tiffissa d-data sa meta jridu jsiru d-diskussjoni u l-votazzjoni, li tiġi ppubblikata u li għaliha jiġu mistiedna b’mod partikolari l-kredituri tal-falliment, l-amministratur tal-falliment, id-debitur u l-konsulenti tal-kumpanija (§ 235 para. 3 InsO). Hawnhekk il-parteċipanti preżenti jkollhom l-opportunità sabiex jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar ir-regoli ta’ l-iskema tal-falliment. Fl-aħħar issir il-votazzjoni tal-kredituri fuq l-iskema (§§ 243 – 246 InsO). Id-debitur għandu bilfors jaċċetta l-iskema, u ma jistax jikkontestaha sakemm bl-iskema ma jsibx ruħu f’pożizzjoni agħar minn kif kien mingħajr l-iskema, u sakemm xi kreditur tal-falliment m’għandux jirċievi ammont ta’ flus aktar mill-ammont totali tal-klejm tiegħu (§ 247 para. 2 InsO). Jekk l-iskema tiġi aċċettata mill-maġġoranza stipulata tal-kredituri, din imbagħad tiġi ratifikata mill-qorti tal-falliment (§ 248 para. 1 InsO).

FuqFuq

Bis-saħħa legali tar-ratifikazzjoni tal-qorti, iseħħu l-miżuri stipulati fil-parti kostruttiva ta’ l-iskema tal-falliment, favur u kontra l-parteċipanti kollha (§ 254 para. 1 S. 1 InsO). Il-qorti tal-falliment tiddeċiedi jekk il-proċedura tal-falliment tiġix irtirata (§ 258 Abs. 1 InsO). B’hekk tispiċċa l-awtorità ta’ l-amministratur tal-falliment u tal-membri tal-kumitat tal-kredituri u d-debitur jieħu lura d-dritt li jikkontrolla l-assi tal-falliment (§ 259 para. 1 InsO). Wara li tiġi rtirata l-proċedura tal-falliment, is-sodisfazzjon tal-klejms tal-falliment skond ir-regoli stipulati fl-iskema tal-falliment għandu jitwettaq minn dak li qabel kien id-debitur tal-falliment. Iżda jista’ wkoll ikun il-każ li l-parti kostruttiva ta’ l-iskema tal-falliment tistipula li l-attwazzjoni tagħha tiġi ssorveljata mill-amministratur tal-falliment (§ 261 para. 1 S. 1 InsO).

9. X’inhi l-proċedura ta’ l-istralċ?

Jekk l-ebda skema tal-falliment ma tiġi ppreżentata, l-amministratur tal-falliment għandu jagħmel il-valutazzjoni ta’ l-assi tal-falliment sabiex l-assi tal-falliment jiġu kkalkolati f’ammont ta’ flus u sabiex dan l-ammont jista’ jitqassam bejn il-kredituri. Il-mod dettaljat kif għandha ssir din il-valutazzjoni jiġi deċiż mill-amministratur tal-falliment skond metodu stipulat u bl-għan li joħroġ l-aktar qligħ possibbli minnu. Huwa possibbli li l-kumpanija sħiħa tad-debitur jew partijiet minnha jiġu kkontrollati, jew li tiġi xolta u li jiġu kkontrollati għalihom affarijiet individwali li jifformaw parti mill-assi.

FuqFuq

L-inventarju tat-tqassim jifforma l-bażi għat-tqassim tal-qligħ mill-amministratur tal-falliment, li jitfassal minnu u li jkun ibbażat fuq ir-reġistru tal-falliment (§ 175 InsO). Dan irid jinkludi l-klejms kollha tal-falliment li jridu jiġu kkunsidrati mat-tqassim. Il-qligħ jitqassam lill-kredituri proporzjonalment skond l-ammonti tal-klejms tal-falliment.

Ġeneralment, it-tqassim ma jibdix biss meta l-valutazzjoni ta’ l-assi tal-falliment tispiċċa. Minnufih meta jkunu disponibbli xi flus kontanti mill-assi tal-falliment, normalment jitħallsu xi ammonti ta’ flus minn qabel (§ 187 para. 2 S. 1 InsO). It-tqassim finali jsir meta tispiċċa l-valutazzjoni (§ 188 S. 1 InsO). Dan irid jiġi ratifikat mill-qorti tal-falliment (§ 196 para. 2 InsO). Jekk diversi klejms tal-falliment jistgħu jiġu sodisfatti għal kollox, l-amministratur tal-falliment għandu jagħti lid-debitur tal-falliment l-ammont li jaqbeż il-klejms (§ 199 S. 1 InsO).

10. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-għeluq tal-proċedura?

Wara li jkun sar it-tqassim finali, il-proċedura tal-falliment tingħalaq awtomatikament. Id-deċiżjoni dwar l-għeluq tiġi ppubblikata. Wara li tingħalaq il-proċedura tal-falliment, il-kredituri jistgħu jressqu l-klejms l-oħrajn tagħhom kontra d-debitur mingħajr restrizzjonijiet. Dan ivarja jekk id-debitur huwa persuna naturali u jkun applika biex jinħafru d-djun li għadhom iridu jitħallsu. Jekk jinħafru d-djun, il-kredituri ma jistgħux ikomplu jressqu l-klejms tagħhom kontra d-debitur (eċċezzjoni: il-klejms deskritti fil-§ 302 InsO). Ma’ l-għeluq tal-proċedura tal-falliment, id-debitur jerġa’ jieħu f’idejh il-kontroll fuq l-amministrazzjoni u d-disponiment ta’ l-assi li qabel kienu sekwestrati fil-falliment.

Skond il-proċedura ta’ l-iskema, il-proċedura tal-falliment tingħalaq meta l-iskema tiġi rratifikata bil-liġi ( § 258 I 2 InsO).

« Falliment - Informazzjoni Ġenerali | Ġermanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 15-03-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit