Kummissjoni Ewropea > NGE > Falliment > Franza

L-aħħar aġġornament: 28-06-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Falliment - Franza

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma t-tipi u l-għanijiet differenti tal-proċeduri tal-falliment? 1.
2. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jinfetħu kull tip ta’ proċeduri tal-falliment? 2.
3. X’inhuwa r-rwol tal-parteċipanti diversi f’kull tip ta’ proċedura? 3.
4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri? 4.
5. X’inhuma r-regoli speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kategoriji ta’ pretensjonijiet? 5.
6. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ atti detrimentali? 6.
7. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-preżentazzjoni u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet? 7.
8. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri ta’ l-organizzazzjoni mill-ġdid? 8.
9. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri ta’ l-istralċ? 9.
10. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jingħalqu l-proċeduri? 10.

 

1. X’inhuma t-tipi u l-għanijiet differenti tal-proċeduri tal-falliment?

Jekk niddefinixxu l-falliment bħala sitwazzjoni fejn id-dejn hu akbar mill-assi, dan il-kunċett mhux magħruf fil-liġi Franċiża dwar il-proċeduri kollettivi. Hawnhekk, inżamm il-kunċett aktar dejjaq tal-waqfien tal-ħlasijiet: meta jsir impossibbli għal min għandu d-dejn biex iħallas l-obbligazzjonijiet tiegħu bl-assi li għandu disponibbli.

Il-proċeduri ta’ qabel il-falliment bl-għan ta’ prevenzjoni huma:
  • il-proċedura ta’ twissija: hekk kif l-Awditur jinnota fatti li jistgħu jikkompromettu l-kontinwità tat-tħaddim tal-kumpannija, hu jinforma b’dan lill-President jew lill-maniġer tal-kumpannija. Fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti, hu jitlob lill-Bord tad-Diretturi biex jiddeliberaw u jinforma lill-President tal-Qorti tal-Kummerċ b’din it-talba. Id-deliberazzjoni hi kkomunikata lill-Kunsill tax-Xogħol. Jekk id-diffikultajiet jibqgħu jippersistu, l-awditur iħejji rapport li jiġi ppreżentat waqt l-assemblea ġenerali segwenti. Jekk il-kontinwità tat-tħaddim tal-kumpannija tibqa’ ma tiġix assigurata mid-deċiżjoni ta’ l-assemblea ġenerali, l-awditur jinforma mill-ġdid lill-President tal-Qorti tal-Kummerċ.
  • il-mandat ad hoc: fuq talba ta’ kull persuna interessata, il-President tal-Qorti jaħtar aġent ad hoc, b’inkarigu ddeterminat esklussivament mill-Qorti kemm fl-iskop kif ukoll fit-tul tiegħu.
Il-proċedura informali ta’ l-organizzazzjoni mill-ġdid jew ir-ristrutturazzjoni:
  • ir-ristrutturazzjoni bonarja: meta intrapriża tkun tinsab f’diffikultà jew fejn xi ħtiġijiet ma jistgħux jiġu kopruti b’finanzjament adattat għall-possibbiltajiet tagħha, mingħajr ma tasal f’pożizzjoni li twaqqaf il-ħlasijiet, din tista’ titlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni bonarja. Imbagħad, il-President tal-Qorti jaħtar medjatur, li l-inkarigu tiegħu, li ma jistax teċċedi l-erba’ xhur, jikkonsisti f’li jgħin biex l-intrapriża tkompli taħdem u jfittex li jilħaq ftehim mal-kredituri.  Il-kawżi individwali jistgħu jkunu sospiżi mill-President tal-Qorti matul it-tul tal-missjoni tal-medjatur. Id-debitur ma jistax iħallas il-kredituri preċedenti u lanqas jagħmel trasferimenti mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-President. Jekk il-President japprova dan il-ftehim, il-kawżi individwali jiġu sospiżi matul it-tul ta’ l-eżekuzzjoni tal-ftehim. Jekk il-ftehim ma jiġix rispettat, il-Qorti wara li tintalab biex terġa’ tagħmel ftuħ ta’ ristrutturazzjoni jew likwidazzjoni ġudizzjarja tista’ tikkunsidra, kuntrarju għall-apprezzament tal-President, li sad-data tal-ftuħ tar-ristrutturazzjoni bonarja, l-intrapriża kienet effettivament fi stat li waqqfet il-ħlasijiet.
Il-proċeduri formali ta’ falliment għall-amministrazzjoni jew il-likwidazzjoni huma :
  • ir-ristrutturazzjoni ġudizzjarja għandha l-għan li tippermetti s-salvagwardja ta’ l-intrapriża, iż-żamma ta’ l-attività u ta’ l-impjiegi u l-ħlas ta’ l-obbligazzjonijiet. Il-proċedura tikkonsisti fl-adozzjoni mill-Qorti ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, jew permezz tat-tkomplija tat-tħaddim tal-kumpanija (jingħataw limiti ta’ żmien lill-kredituri) jew permezz tal-bejgħ tagħha (l-intrapriża, u l-kuntratti prinċipali tagħha, huma mibjugħa lil terzi li jieħdu ċerti impenji).
  • il-likwidazzjoni ġudizzjarja tiġi ppronunzjata meta jkun evidenti li r-ristrutturazzjoni ġudizzjarja mhux possibbli. L-attività ta’ l-intrapriża titwaqqaf jew tinbiegħ lil terzi, skond modalitajiet aktar flessibbli milli fil-proċedura ta’ ristrutturazzjoni ġudizzjarja.

2. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jinfetħu kull tip ta’ proċeduri tal-falliment?

Il-liġi Franċiża tagħraf żewġ sistemi legali differenti fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ falliment:

FuqFuq

  1. Fir-rigward tan-negozjanti, bdiewa jew artiġġjani, u kull persuna ġuridika (bl-eċċezzjoni ta’ sindikati b’kontroll konġunt): il-proċeduri huma r-ristrutturazzjoni u l-likwidazzjoni ġudizzjarja msemmija hawn fuq u deskritti hawn taħt. Persuni fiżiċi li jeżerċitaw professjoni liberali ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn il-proċeduri. Il-proċeduri jinfetħu hekk kif id-debitur jinstab fi stat li jkollu jwaqqaf il-ħlasijiet, definit bħala l-impossibbiltà għad-debitur li jħallas l-obbligazzjonijiet tiegħu bl-assi li għandu disponibbli.
  2. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi li għandhom djun mhux professjonali, (li jinkludi dejn li joriġina mill-għoti ta’ garanzija lill-kumpannija, peress li din il-garanzija ma torbotx): il-kondizzjonijiet tal-ftuħ tal-proċedura huma l-ġenwinità u l-impossibbiltà evidenti li jitħallsu d-djun kollha. Eventwalment, il-proċedura tkun kif ġej:

Il-persuna titlob lill-bord amministrattiv, biex jidentifika l-istat tad-djun wara li jkun ġabar l-osservazzjonijiet tal-kredituri, u li jista’ jitlob lill-imħallef biex jissospendi r-rikorsi. Il-kummissjoni sservi ta’ medjatriċi bejn il-partijiet u tipproponi pjan li jinkludi miżuri biex id-dejn jitħallas aktar tard, jitqassam fuq iż-żmien jew ikun maqtugħ. Fil-każ li t-tentattivi ta’ konċiljazzjoni jfallu, il-kummissjoni tirrakkmanda ċertu miżuri fuq tul ta’ 10 snin jew aktar jekk dawn il-miżuri jinkludu r-rimborż tas-self meħud għax-xiri tar-residenza prinċipali. Jekk din tinnota nuqqas ta’ riżorsi jew assi li jistgħu jintużaw biex titħallas parti mid-dejn, il-kummissjoni tirrakkmanda s-sospensjoni ta’ l-obbligazzjoni preżenti tad-djun. L-imħallef jieħu deċiżjoni fuq ir-rikorsi li jitressqu kontra dawn ir-rakkmandazzjonijiet.

FuqFuq

Jekk il-persuna, barra mill-ġenwinità tagħha, tiġġustifika li s-sitwazzjoni tagħha hi kompromessa b’mod li ma jistax jiġi rimedjat, li jfisser li hi kkaratterizzata mill-impossibbiltà li jkunu implimentati l-miżuri evokati hawn fuq, din tista’ tikseb mill-imħallef il-ftuħ ta’ proċedura ta’ riabilitazzjoni personali: il-kredituri huma elenkati, l-assi huma evalwati. L-imħallef iħabbar il-likwidazzjoni ġudizzjarja tal-patrimonju personali tad-debitur. Hu jaħtar likwidatur li jqassam il-prodott ta’ l-assi bejn il-kredituri, skond il-klassifikazzjoni tagħhom. Jekk ma jkunx possibbli li jintlaħqu d-djun tal-kredituri kollha, hu jiddikjara l-proċeduri bħala magħluqa minħabba assi mhux suffiċjenti, li jirriżulta fit-tħassir tad-djun mhux professjonali tad-debitur, bl-eċċezzjoni ta’ dawn imħallsa permezz ta’ garanzija.

Għall-proċeduri kummerċjali, id-debitur, kreditur, jew il-prosekuzzjoni pubblika jistgħu jressqu l-kwistjoni quddiem il-Qorti. Din tista’ wkoll tieħu din l-inzjattiva hi stess.

Is-sentenza li tiftaħ il-proċedura tiġi mħabbra fir-reġistru kummerċjali u f’dak ta’ l-intrapriżi jew, fil-każ ta’ bżonn, fid-direttorju tal-professjonijiet li fih huma reġistrati l-artiġġjani. Din hi ppubblikata wkoll f’żewġ ġurnali ta’ avviżi legali.

3. X’inhuwa r-rwol tal-parteċipanti diversi f’kull tip ta’ proċedura?

Il-Qorti kompetenti hi, għall-professjonisti u l-intrapriżi, il-Qorti tal-Kummerċ, komposta minn negozjanti eletti. B’mod eċċezzjonali, f’ċertu départements, m’hemmx Qorti tal-Kummerċ, u f’dan il-każ, il-Qorti Reġjonali, iffurmata minn tliet maġistrati professjonali, li tieħu d-deċiżjoni. Fl-Alsace-Moselle, is-sezzjoni kummerċjali tal-Qorti Reġjonali hi komposta minn maġistrat professjonali li jippresjedi u żewġ imħallfin li huma negozjanti eletti (sistema ta’ imħallfin mhux professjonisti). Għall-bdiewa, il-kompetenza hi tal-Qorti Reġjonali. Għad-debituri mhux professjonali, l-imħallef kompetenti għandu l-awtorità, u dan hu imħallef professjonali waħdu.

FuqFuq

Il-qorti teżamina jekk l-intrapriża tistax tkompli topera. Jekk dan hu l-każ, din tapprova pjan ta’ ristrutturazzjoni ġudizzjarja, li jista’ jkun jew pjan ta’ tkomplija (f’dan il-każ, jiġu imposti limiti ta’ żmien għall-kredituri, u l-intrapriża tkompli bl-attività tagħha bħala proprjetà ta’ l-istess debitur) jew pjan ta’ bejgħ (f’dan il-każ l-intrapriża tinbiegħ lil terzi, u l-prezz tal-bejgħ iservi biex jitħallsu l-kredituri). F’każ negattiv, din tippronunzja l-likwidazzjoni ġudizzjarja. F’dan il-każ, l-assi ta’ l-intrapriża jinbiegħu f’daqqa jew seperatament.

Imħallef-kummissarju, maħtur mill-Qorti li tiftaħ il-proċedura, hu inkarigat li jara li l-proċedura sseħħ malajr u li jħares l-interessi preżenti. Hu jieħu deċiżjoni, b’mod partikolari, fuq:

  • il-kontestazzjonijiet li joriġinaw minn talbiet fir-rigward tal-proprjetà ta’ assi, fejn terzi jsostnu li huma l-proprjetarji ta’ l-assi tad-debitur
  • l-ilmenti mressqa kontra l-amministraturi maħtura mill-qorti
  • il-krediti kkontestati
  • talbiet tad-debitur jew ta’ l-amministratur li jitolbu l-awtorizzazzjoni biex iwettqu ċertu atti matul il-proċedura.
  • fil-każ ta’ likwidazzjoni, il-kondizzjonijiet għall-bejgħ ta’ l-assi.

Id-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jiġu appellati quddiem il-qorti.

Fil-każ ta’ ristrutturazzjoni ġudizzjarja:
  1. L-amministratur maħtur mill-qorti (li l-ħatra tiegħu mill-qorti hi fakultattiva ħlief għall-intrapriżi li jħaddmu aktar minn 50 impjegat u li għandhom fatturat ta’ aktar minn 3,100,000 Ewro) hu maħtur minn lista ta’ professjonisti awtorizzati. Dan iħejji rapport dwar il-possibbiltajiet ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-intrapriża u, skond il-każ, imexxi l-intrapriża jew jgħin lill-maniġer, f’każ li dan mhux ipprojbit milli jmexxi l-kumpannija, matul il-perjodu li jtul mill-ftuħ tal-proċedura sad-deċiżjoni ta’ ristrutturazzjoni jew likwidazzjoni. Jekk ikun ordnat li tinbiegħ l-intrapriża, dan jimplimentaha.
  2. Ir-rappreżentant tal-kredituri, maħtur mill-qorti minn lista oħra ta’ professjonisti, javża l-kredituri bil-ftuħ tal-proċedura, jirċievi d-dikjarazzjonijiet ta’ kreditu tagħhom u jipproponi lill-imħallef-kummissarju biex japprovahom jew jirrifjutahom. Hu biss għandu l-awtorità li jaġixxi fl-interess kollettiv tal-kredituri.
  3. L-awditur responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-pjan hu inkarigat, meta jkun approva pjan ta’ ristrutturazzjoni, li jissorvelja l-eżekuzzjoni tiegħu, li jħallas lill-kredituri u li jinforma lill-qorti f’każ li ma jkunx hemm konformità mal-pjan biex jitlob li jitwaqqaf il-pjan.

Fil-każ ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja: il-likwidatur, maħtur minn lista oħra ta’ professjonisti approvati, iwettaq dak li hemm bżonn biex jiġu realizzati l-assi u jħallas lill-kredituri.

FuqFuq

Fil-każ ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni personali mitluba minn individwu: il-likwidatur jelenka l-kredituri, iħejji dikjarazzjoni tas-sitwazzjoni tad-debitur u jħallas lill-kredituri.

Id-dmirijiet tad-debitur:

Fil-każ ta’ ristrutturazzjoni ġudizzjarja, il-qorti tista’ taħtar amministratur ġudizzjarju. Din iiddefinixxi l-inkarigu tiegħu, li tista’ tkun li jgħin lid-debitur jew li jmexxi waħdu l-intrapriża. Id-debitur jibqa’ jeżerċita fuq il-patrimonju tiegħu d-drittijiet u l-azzjonijiet li mhumiex inklużi fil-missjoni ta’ l-amministratur. Azzjonijiet amministrattivi ta’ kuljum li jwettaq waħdu huma meqjusa bħala validi fil-konfront ta’ terzi ġenwini. Madankollu, dan m’għandu jħallas l-ebda djun preċedenti (ħlief bħala kumpens għal obbligazzjonijiet relatati).

Meta l-qorti ma taħtarx amministratur, id-debitur jibqa’ jmexxi waħdu l-intrapriża tiegħu u jipprepara abbozz ta’ pjan ta’ ħlas.

Fil-każ ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, id-debitur hu pprojbit milli jamministra u jbiegħ l-assi tiegħu, sakemm tingħalaq il-proċedura. Il-likwidatur jeżerċita dawn id-drittijiet minfloku. Id-debitur ma jistax jeżerċita ħlief id-drittijiet tiegħu personali, fosthom id-drittijiet mhux marbuta ma’ flus.

Fil-każ ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni personali, id-debitur hu pprojbit milli jamministra u jbiegħ l-assi tiegħu, sakemm tingħalaq il-proċedura. Il-likwidatur jeżerċita dawn id-drittijiet minfloku.

Id-drittijiet tal-kredituri u l-appelli:

Il-kredituri għandhom iressqu l-appelli tagħhom għand ir-rappreżentant tal-kredituri. Proċeduri individwali mibdija qabel il-ftuħ tal-proċedura jitwaqqfu awtomatikament.

FuqFuq

Kull kreditur jista’ jappella deċiżjoni li tiċħad it-talba tagħhom. Hu biss il-kreditur li qed iressaq it-talba li jista’ jappella deċiżjoni li tiftaħ jew tiċħad li tiftaħ proċedura.

4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri?

  • Il-ftuħ tal-proċedura timplika s-sospensjoni ta’ rikorsi individwali bbażati fuq dejn li oriġina qabel, il-projbizzjoni li jkun imħallas dan id-dejn, it-tkomplija ta’ kuntratti attwali bil-kondizzjoni li l-limiti ta’ żmien li jmiss jiġu rispettati. Tkeċċijiet ta’ ħaddiema jridu jiġu awtorizzati mill-imħallef-kummissarju.
  • Hekk kif tkun miftuħa l-proċedura, jitħejja inventarju ta’ l-assi tad-debitur. Il-propretarji ta’ l-assi li kienu sempliċiment qegħdin għand l-intrapriża jistgħu jieħduhom lura immedjatament.
  • Fil-każ ta’ ristrutturazzjoni, id-debitur jibqa’ responsabbli mill-bejgħ u l-ġestjoni ta’ l-assi tiegħu. Fil-każ ta’ likwidazzjoni, il-likwidatur jeżerċita d-drittijiet tad-debitur, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma purament personali.
  • Il-krediti kollha jridu jkunu murija bl-eċċezzjoni tal-krediti marbuta ma’ kuntratt tax-xogħol.
  • M’hemm l-ebda miżuri temporanji speċifiċi, ħlief dawk elenkati fl-ewwel paragrafu hawn fuq. Il-miżuri ta’ prekawzjoni, li huma t-teħid ta’ kontroll preventiv u l-miżuri restrittivi (self, spejjeż fuq in-negozju, rahan fuq l-ishma tal-kumpannija, rahan fuq sigurtajiet…) jfissru li dawk l-assi li fuqhom ittieħed il-kontroll, ma jistgħux jinbiegħu. Dawn għandhom ikunu dikjarati bħala nulli jekk dawn ikunu saru mid-debitur wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment.
  • In-notifika mit-Teżor ta’ parti terzi li rċevew assi flimkien ma’ somom ta’ flus li għaddew f’idejn persuni terzi mhumiex milquta mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment.
  • Ir-regoli huma l-istess għall-proċeduri miftuħa kontra persuni fiżiċi għad-djun mhux professjonali tagħhom.
  • Ir-regoli dwar ir-reklamar fi Franza ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment li ngħatat fi Stat ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea skond l-Art. 3.1 tar-Regolament tat-22 ta’ Mejju 2000, għadhom mhumiex ippreċiżati f’testi, iżda dan ir-reklamar hu obbligatorju, minħabba l-effett dirett ta’ dan ir-Regolament. Abbozz ta’ Digriet jipprevedi li dan ir-reklamar isir minn uffiċjal tar-Reġistratur kummerċjali u ta’ l-intrapriżi.

5. X’inhuma r-regoli speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kategoriji ta’ pretensjonijiet?

  • Ir-regoli partikolari marbuta mad-drittijiet reali ta’ terzi: il-kredituri kollha li għandhom dritt reali (li jfisser ipoteka jew rahan li tagħtihom dritt ta’ preferenza fuq il-prezz tal-bejgħ ta’ xi ħaġa u/jew dritt ta’ segwitu) għandhom iressqu l-pretensjoni tagħhom, u l-proċeduri jiġu sospiżi.
  • Ir-regoli marbuta mal-kumpens: dawn japplikaw meta żewġ persuni għandhom id-dejn ma’ xulxin. Id-dejn reċiproku hu maqtugħ minn ma’ xulxin sakemm jibqa’ pendenti l-iżgħar wieħed. Il-kreditur jista’ jipproċedi waħdu għall-kumpens, mingħajr awtorizzazzjoni, iżda ħlief għall-krediti marbuta.
  • il-klawżola ta’ riserva tal-proprjetà: din il-klawżola konkluża bejn il-bejjiegħ u x-xerrej għandha l-effett li tissospendi t-trasferiment tal-proprjetà sakemm jitħallas kompletament il-prezz. Din hi infurzabbli fil-proċedura kollettiva.
  • il-kuntratti tax-xogħol: ara l-paragrafu 7 hawn fuq: l-impjegati m’għandhomx għalfejn jippreżentaw pretensjoni.
  • Teżisti istituzzjoni ta’ garanzija (Fond Nazzjonali ta’ Garanzija tas-Salarji) li tgħaddi minn qabel il-krediti salarjali, f’perjodu ferm qasir li jvarja skond in-natura tal-kreditu salarjali u d-data ta’ meta dan oriġina (jekk hux qabel jew wara l-ftuħ tal-proċedura). Is-salarji dovuti qabel il-ftuħ huma garantiti mill-Fond Nazzjonali ta’ Garanzija tas-Salarji; is-salarji li ma tħallsux matul il-perjodu bejn il-ftuħ tal-proċedura u l-adozzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni mhumiex garantiti. Fil-każ ta’ likwidazzjoni, is-salarji mhumiex garantiti fil-prinċipju ħlief għal dawk is-somom dovuti matul l-ewwel ħmistax-il ġurnata wara l-likwidazzjoni. Il-ħlasijiet f’każ ta’ tkeċċija mix-xogħol mhumiex garantiti jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol isir fil-ħmistax tal-likwidazzjoni jew fix-xahar tad-deċiżjoni li tapprova l-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

6. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ atti detrimentali?

Il-perjodu ta’ osservazzjoni jibda mid-data tal-waqfien tal-ħlasijiet u d-data tal-ftuħ tal-proċedura. Il-qorti ma tistax tistipula perjodu itwal minn tmintax-il xahar.

FuqFuq

L-atti kollha ta’ ħlas imwettqa matul dan il-perjodu jistgħu jkunu ddikjarati bħala nulli jekk il-parti kuntraenti kienet taf li waqfu l-ħlasijiet. Il-qorti għandha s-setgħa li tiddeċiedi jekk għandux ikun hemm dan l-annullament.

Ċertu atti, restrittivament elenkati mil-liġi, għandhom ikunu obbligatorjament annullati jekk dawn saru matul il-perjodu ta’ osservazzjoni, irrispettivament minn jekk il-kuntrattant kien jafx jew le mill-waqfien tal-ħlasijiet: dan jinkludi, partikolarment, kuntratti fejn l-obbligazzjonijiet tad-debitur huma ferm akbar minn dawk tal-parti l-oħra, tal-ħlas imwettaq permezz ta’ mezz li normalment mhux aċċettat, ta’ self fuq dejn preċedenti u kull att ieħor li sar b’xejn.

7. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-preżentazzjoni u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet?

1)  Verifika tal-pretensjonijiet

Ir-rappreżentant tal-kredituri jinforma lill-kredituri magħrufa biex jinfurmawh bil-pretensjonijiet tagħhom. Id-debitur għandu jgħaddilu l-lista tal-kredituri.

Il-kredituri kollha bl-eċċezzjoni ta’ l-impjegati għandhom iressqu l-pretensjoni tagħhom fi żmien xahrejn mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura. Meta tiskadi din id-data, huma għandhom jitolbu estensjoni taż-żmien biex iressqu l-pretensjonijiet tagħhom, jekk jistgħu juru li ma kienux responsabbli għan-nuqqas tagħhom li jressqu l-pretensjonijiet tagħhom.

Ir-rappreżentant tal-kredituri jipproċedi għall-ewwel verifika tal-pretensjonijiet u jipproponi lill-imħallef-kummissarju biex japprovahom jew li jiċħadhom. Meta hu jipproponi li pretensjoni tkun miċħuda, hu għandu jinforma lill-kreditur b’dan. Jekk dan ma jirrispondix sa tletin ġurnata, dan ma jkunx jista’ jappella kontra l-proposta tar-rappreżentant tal-kredituri.

FuqFuq

Id-deċiżjoni ta’ l-imħallef-kummissarju tista’ tiġi appellata minn kull min hu involut.

Il-pretensjonijiet fil-forma ta’ salarji huma verifikati u stabbiliti mir-rappreżentant tal-kredituri skond l-elementi li jkun ġabar. Hu jinforma lill-impjegati li tkun ġiet ippreżentata pretensjoni tas-salarju; dawk ikkonċernati jistgħu jikkontestaw din id-dikjarazzjoni quddiem it-Tribunal Industrijali fi żmien xahrejn.

2) Klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet

Pretensjoni hi privileġġjata, jiġifieri li sidha jibbenifika minn priorità fil-ħlas li jista’ jsir fuq l-assi tad-debitur jew fuq uħud minnhom (per eżempju, proprjetà mobbli, jew ass mogħti b’rahan).

Għall-kuntrarju, jekk il-pretensjoni mhux garantita, ifisser li sidha mhux se jitħallas ħlief wara li jkunu tħallsu il-kredituri privileġġjati. Privileġġ jista’ jkun ippubblikat jew le (l-impjegati għandhom privileġġ akbar). Il-prinċipju tal-proċeduri kollettivi jimplika l-ugwaljanza bejn il-kredituri mhux privileġġjati: meta tinfetaħ proċedura kollettiva, dawn il-kredituri jitqiegħdu fuq l-istess livell, ma jistgħux jaġixxu individwalment f’kompetizzjoni ma’ xulxin. Il-kredituri privileġġjati għall-kuntrarju huma tradizzjonalment imħarsa fil-proċeduri kollettivi.

Il-pretensjonijiet li joriġinaw wara d-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ proċeduri huma fil-prinċipju mħallsa wara l-pretensjonijiet li joriġinaw qabel, anke għal dawk privileġġjati.

Jeżistu diversi eċċezzjonijiet:

  • ikun x’ikun ir-riżultat tal-proċedura, l-ispejjeż legali u s-salarji għas-sittin ġurnata qabel il-ftuħ tal-proċeduri huma mħallsa b’mod prioritarju għall-pretensjonijiet magħmula wara l-ftuħ tal-proċedura.
  • meta l-proċedura tintemm b’likwidazzjoni, il-pretensjonijiet garantiti b’sigurtà jitħallsu wkoll bi priorità qabel il-pretensjonijiet li joriġinaw wara l-ftuħ tal-proċedura.

8. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri ta’ l-organizzazzjoni mill-ġdid?

L-organizzazzjoni mill-ġdid ta’ l-intrapriża tista’ tieħu l-forma ta’ tkomplija jew tal-bejgħ tagħha.

FuqFuq

- Il-kontinwazzjoni

Il-pjan jipprevedi limitu ta’ żmien għall-ħlas uniformi li jistgħu jitwalu aktar minn 10 snin. Il-pjan hu deċiż mill-qorti fuq proposta ta’ l-amministratur. Il-kredituri huma sempliċiment ikkonsultati, huma ma jistgħux jopponuh. Il-kredituri ma jistgħux ikunu obbligati jħallsu d-dejn.

- Il-bejgħ:

Kull persuna li mhix direttur ta’ l-intrapriża jew membru tal-familja tad-direttur tista’ tippreżenta offerta ta’ xiri.

L-offerta tista’ ssir għall-intrapriża kollha jew għal ċertu fergħat minnha. Partijiet terzi m’għandhomx ikollhom aċċess għaliha.

Il-qorti taċċetta dik l-offerta li tiggarantixxi fuq l-itwal ta’ żmien l-impjiegi u l-ħlas tal-kredituri.

Meta l-qorti tapprova l-pjan tal-bejgħ, din issemmi l-impenji meħudha mix-xerrej marbuta mal-futur ta’ l-attività, il-modalitajiet biex titkompla l-intrapriża u ta’ kif se jitħallsu l-obbligazzjonijiet.

Il-pjan jindika n-numru ta’ impjegati li t-tkeċċija tagħhom kienet approvata barra mill-attivitajiet u l-kategoriji professjonali kkonċernati.

Il-kuntratti meħtieġa biex titkompla l-attività huma trasferiti lix-xerrej.

Dan hu obbligat iħallas il-prezz tax-xiri. Fil-prinċipju, hu mhux responsabbli għall-obbligazzjonijiet, ħlief partikolarment għall-krediti dovuti għall-finanzjament ta’ proprjetà li hi garantita inkluża fil-pjan.

Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll modifika sostanzjali fil-mezzi u l-għanijiet tal-pjan.

9. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri ta’ l-istralċ?

Meta assi jiffurmaw unità ta’ produzzjoni (li l-qrati ddefinixxew bħala ġabra ta’ mezzi materjali u umani li jippermettu t-tkomplija jew il-bidu ta’ attività ekonomika), dawn jistgħu jinbiegħu kollha flimkien. Il-likwidatur isejjaħ għall-offerti li jistgħu jkunu spezzjonati minn dawk kollha interessati. L-imħallef-kummissarju jagħżel l-offerta li hu jqis hi l-aktar serja u li tippermetti l-aqwa kondizzjonijiet li jassiguraw l-impjiegi u l-ħlas tal-kredituri b’mod permanenti.

FuqFuq

Assi iżolati li ma jiffurmawx unità ta’ produzzjoni huma mibjugħa fuq deċiżjoni ta’ l-imħallef-kummissarju li jawtorizza l-bejgħ privat jew b’irkant.

It-tqassim ta’ dak li jirriżulta mill-bejgħ ta’ l-assi ssir mil-likwidatur. Dan għandu jiġbor flimkien is-sigurtajiet, partikolarment dawk tal-proprjetà immobbli, li huma l-proprjetà ta’ xi kredituri flimkien mal-privileġġi ġenerali marbuta ma’ l-ispejjeż legali u l-Fond Nazzjonali ta’ Garanzija tas-Salarji (istituzzjoni li tħallas minn qabel is-salarji skond il-pretensjonijiet salarjali u li għandha dritt għal rimborż tal-flus li tkun għaddiet). Il-kredituri mhux privileġġjati ma jitħallsux qabel ma jitħallsu kompletament il-kredituri li jibbenefikaw minn garanziji u privileġġi.

10. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jingħalqu l-proċeduri?

L-għeluq jitħabbar meta ma jkun fadal l-ebda obbligazzjoni ulterjuri jew meta t-tkomplija ta’ l-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni ssir impossibbli minħabba li l-assi ma jservux. Dan il-punt jista’ jitressaq lill-qorti f’kull mument u l-qorti tista’ taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess. Il-likwidatur jippreżenta l-kontijiet tiegħu, li juru d-dettalji ta’ l-operazzjonijiet ta’ realizzazzjoni ta’ l-assi u t-tqassim tad-dħul li jsir minnhom. Id-debitur jista’ jikkontestahom.

Fil-prinċipju, debitur li hu persuna fiżika jieħu lura l-kapaċità sħiħa tiegħu u jista’ jibda kull attività professjonali ġdida wara d-deċiżjoni ta’ l-għeluq tal-likwidazzjoni. Madankollu, dan mhux il-każ jekk il-qorti timponi fuqu projbizzjoni ta’ tmexxija jew miżura ta’ falliment personali (ta’ tul ta’ 5 snin mill-anqas, mingħajr massimu) għaliex hu wettaq xi żbalji fit-tmexxija jew wettaq xi atti, elenkati mil-liġi, li huma ta’ dannu għall-kredituri (pereżempju t-tkomplija ta’ negozju li qed jagħmel telf, miżapproprjazzjoni ta’ assi, użu ta’ mezzi rovinużi biex jikseb il-fondi, ħlas ta’ kreditur wara l-waqfien tal-ħlas, nuqqas ta’ żamma tal-kontijiet).

FuqFuq

Fil-prinċipju, il-kredituri ma jistgħux jibqgħu jfittxu lid-debitur wara li tingħalaq il-likwidazzjoni. Madankollu, dan jista’ jkun il-każ, jekk il-qorti timponi introduzzjoni ta’ tmexxija jew miżura ta’ falliment, jew anke jekk il-kreditur juri li kien iffrodat (per eżempju, il-fatt, li d-debitur ma jkunx informa lil-likwidatur bl-eżistenza ta’ pretensjoni) jew billi jagħmel użu minn proċeduri kriminali għall-fatti mhux marbuta ma’ l-attivitajiet professjonali.

Il-kredituri jistgħu dejjem jiftħu proċeduri bbażati fuq il-garanziji mogħtija mid-debitur.

RIMARKA:

Il-liġi dwar il-proċeduri kollettivi tista’ tkun emendata, għaliex il-Gvern ressaq abbozz importanti lill-Kunsill ta’ l-Istat, li l-elementi ewlenin tiegħu huma kif ġej:

  • Debitur li jista’ jipprovdi evidenza ta’ diffikultajiet rikonoxxuti jew prevedibbli, jista’ jitlob lill-qorti biex taħtar medjatur li jkun inkarigat biex jinnegozja mal-kredituri prinċipali l-miżuri kollha biex tkun assigurata t-tkomplija tal-kumpannija. L-approvazzjoni ta’ dan il-ftehim mill-qorti ma jistax jiġi appellat jekk, sussegwentement, jinfetħu proċeduri ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ likwidazzjoni.

  • Debitur li jista’ jipprovdi evidenza ta’ diffikultajiet li aktarx se jwasslu għall-waqfien tal-ħlasijiet jista’ jitlob lill-qorti biex tiftaħ proċeduri ta’ kontinġenza, li jistgħu jwasslu għas-sospensjoni tal-prosekuzzjonijiet individiwali u l-adozzjoni ta’ pjan ta’ kontinwazzjoni. Il-pjan ta’ kontinwazzjoni li aktarx jista’ jkun approvat mill-qorti fil-qafas ta’ proċedura ta’ kontinġenza jew ta’ ristrutturazzjoni ġudizzjarja jista’ jinkludi t-tneħħija ta’ djun, li ċerti istituzzjonijiet tal-kredituri jew provdituri jkollhom jaċċettaw jekk il-maġġoranza ta’ l-istituzzjonijiet tal-kredituri u l-provdituri jaċċettawhom u l-qorti tagħti l-approvazzjoni tagħha.

  • Ir-ristrutturazzjoni ġudizzjarja m’għandiex tibqa’ jwassal għall-bejgħ ta’ l-intrapriża, u dan ir-riżultat jibqa’ riservat għal-likwidazzjoni ġudizzjarja.

  • Il-persuni fiżiċi li jeżerċitaw attività liberali individwali se jkunu jistgħu jgawdu minn proċeduri ta’ falliment.

  • Hu evidenti li b’din id-deskrizzjoni fil-qosor ta’ dan l-abbozz ma jfissirx li dan ma jistax jinbidel la darba jasal quddiem il-Parlament.

« Falliment - Informazzjoni Ġenerali | Franza - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 28-06-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit