Kummissjoni Ewropea > NGE > Falliment > Ingilterra u Wales

L-aħħar aġġornament: 06-10-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Falliment - Ingilterra u Wales

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma t-tipi u l-għanijiet differenti tal-proċeduri tal-falliment? 1.
2. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jinfetħu kull tip ta’ proċeduri tal-falliment? 2.
3. X’inhuwa r-rwol tal-parteċipanti diversi f’kull tip ta’ proċeduri? 3.
4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri? 4.
5. X’inhuma r-regoli speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kategoriji ta’ pretensjonijiet? 5.
6. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ atti detrimentali? 6.
7. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-preżentazzjoni u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet? 7.
8. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri ta’ l-organizzazzjoni mill-ġdid? 8.
9. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri ta’ l-istralċ? 9.
10. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jingħalqu l-proċeduri? 10.

 

1. X’inhuma t-tipi u l-għanijiet differenti tal-proċeduri tal-falliment?

Il-falliment huwa definit jew bħala li wieħed ma jkollux biżżejjed assi biex iħallas id-dejn kollu, jew bħala li ma jistax iħallas id-dejn meta huwa dovut.

Il-Proċeduri “Qabel il-Falliment”

Il-kumpaniji u l-individwi jistgħu jidħlu fi ftehimiet formali mal-kredituri tagħhom biex dawn jaċċettaw inqas mill-ammont sħiħ li huwa dovut lilhom, u dawn l-arranġamenti jorbtu lill-kredituri kollha li huma notifikati bihom.

Il-kumpaniji u l-individwi jistgħu jidħlu fi ftehimiet informali mal-kredituri tagħhom biex jaċċettaw inqas mill-ammont sħiħ li huwa dovut lilhom, u dawn l-arranġamenti ma jorbtux.

Il-Proċeduri tal-Falliment tal-Kumpaniji
L-Amministrazzjoni

Maħsuba prinċipalment bħala proċedura biex tiġi salvata l-kumpanija jew li jinkiseb riżultat aħjar għall-kredituri milli jista’ jinkiseb fi stralċ. Amministratur għandu jaġixxi fl-interessi tal-kredituri kollha.

Ir-Riċevitur Amministrattiv

Prattikant tal-falliment imqabbad mid-detentur ta’ garanzija ġenerika (floating charge) li tkopri l-assi kollha jew sostanzjalment kollha tal-kumpanija. Garanzija ġenerika hija waħda li ma tagħtix id-detentur tal-garanzija xi dritt immedjat in rem fuq l-assi koperti mill-garanzija. Il-kumpanija tista’ tiddisponi mill-assi koperti mill-garanzija sal-mument li l-garanzija ssir torbot b’mod speċifiku. Il-funzjoni tar-riċevitur amministrattiv hija li jsarraf dawk l-assi fi flus f’isem id-detentur tal-garanzija u huwa primarjament responsabbli biss lid-detentur tal-garanzija ġenerika li jkun ħatru.

back

FuqFuq

Il-Likwidazzjoni (Stralċ)

Din tinvolvi li jissarrfu fi flus u jiġu distribwiti l-assi tal-kumpanija u normalment l-għeluq tan-negozju. Hemm tliet tipi ta’ stralċ:

  • Obbligatorju – fejn il-qorti tordna l-istralċ fuq applikazzjoni li normalment issir minn kreditur;
  • Volontarju tal-kredituri – fejn il-kumpanija hija falluta u tiddeċiedi li tiġi stralċjata; u
  • Volontarju tal-Membri – fejn il-kumpanija hija solventi u tiddeċiedi li tiġi stralċjata.
Il-Proċeduri tal-Falliment Personali
Il-Falliment

Dan jinvolvi li jissarrfu fi flus u jiġu distribwiti l-assi ta’ individwu u normalment l-għeluq ta’ kwalunkwe negozju. Il-persuni jiġu dikjarati falluti mill-qorti wara applikazzjoni ta’ kreditur jew ta’ l-individwu stess.

2. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jinfetħu kull tip ta’ proċeduri tal-falliment?

Il-Proċeduri tal-Falliment tal-Kumpaniji
L-Amministrazzjoni

Il-kumpanija għandha tkun, jew x’aktarx se ssir, mhux kapaċi tħallas id-dejn tagħha, kif definit fl-Artikolu 123 ta’ l-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] ta’ l-1986. Fil-każ ta’ persuna li għandha garanzija ġenerika li tikkwalifika l-unika kondizzjoni hija li l-garanzija tista’ tiġi esegwita.

Dawn li ġejjin jistgħu japplikaw lill-qorti għal ordni ta’ l-amministrazzjoni:

  • Il-kumpanija;
  • Id-diretturi;
  • Kreditur wieħed jew aktar tal-kumpanija;
  • L-uffiċjal eżekuttiv ewlieni ta’ l-imħallef fil-qorti tal-maġistrati;
  • Kombinazzjoni ta’ dawn ta’ hawn fuq
  • Is-superviżur ta’ arranġament volontarju ta’ kumpanija; u
  • Il-likwidatur tal-kumpanija.

Id-detentur ta’ garanzija ġenerika li tikkwalifika u l-kumpanija jew id-diretturi tagħha jistgħu jaħtru amministratur billi jippreżentaw avviż il-qorti.

back

FuqFuq

Ladarba jinħatar amministratur għandu jagħti avviż dwar il-ħatra f’bosta modi inkluż li jagħmel reklam fil-gazzetta l-aktar xierqa u fil-Gazzetta ta’ Londra (London Gazette) u jibgħat avviż dwar il-ħatra lir-Reġistratur tal-Kumpaniji u lill-kredituri magħrufin kollha.

Ir-Riċevitur Amministrattiv

Il-garanzija ġenerika fuq l-assi tal-kumpanija li għandha l-persuna li taħtar ir-riċevitur trid tkun tista’ tiġi esegwita.

Il-kondizzjonijiet għall-ħatra ta’ riċevitur amministrattiv huma regolati mid-dokumentazzjoni tal-garanzija. Dokument tal-garanzija huwa kwalunkwe dokument li tagħti lill-kreditur garanzija fuq l-assi ta’ kumpanija jew ta’ individwu. Il-garanzija tista’ tkun speċifika, jiġifieri fuq assi speċifikati, jew fil-każ ta’ kumpanija, ġenerika kif inhuwa deskritt fir-risposta għall-mistoqsija 1.

Ladarba jinħatar, ir-riċevitur amministrattiv għandu jagħti avviż dwar il-ħatra f’bosta modi inkluż li jagħmel reklam fil-gazzetta l-aktar xierqa u fil-Gazzetta ta’ Londra [London Gazette] u jibgħat avviż dwar il-ħatra lill-kredituri kollha magħrufin.

Il-Likwidazzjoni (Stralċ)
  • Obbligatorja

Iċ-ċirkostanzi li fihom il-qorti tista’ tillikwida kumpanija jinsabu fl-Artikolu 122 ta’ l-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] ta’ l-1986 u ll-parti l-kbira tal-kumpaniji li jiġu stralċjati ma jkunux jistgħu jħallsu d-dejn tagħhom kif definit fl-Artikolu 123 ta’ dak l-Att.

Kopja ta’ l-ordni tal-qorti għandha tintbagħat lir-Reġistratur tal-Kumpaniji u l-ħruġ ta’ dik l-ordni hija reklamata f’gazzetta xierqa u fil-Gazzetta ta’ Londra [London Gazette].

back

FuqFuq

Fejn prattikant ta’ l-insolvenza jinħatar bħala likwidatur minflok ir-Riċevitur Uffiċjali, kopja taċ-ċertifikat tal-ħatra għandha tiġi ppreżentata fil-qorti. Ladarba jinħatar, il-likwidatur għandu jagħti avviż dwar il-ħatra f’bosta modi skond il-metodu tal-ħatra, inkluż li jagħmel reklam fil-gazzetta l-aktar xierqa u fil-Gazzetta ta’ Londra [London Gazette] u jibgħat avviż dwar il-ħatra lir-Reġistratur tal-Kumpaniji u lill-kredituri kollha magħrufin.

  • Volontarja

Iċ-ċirkostanzi meta kumpanija tista’ tkun stralċjata volontarjament jinsabu fl-Artikolu 84 ta’ l-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] ta’ l-1986.

  • Tal-Kredituri

Għal-likwidazzjoni volontarja tal-kredituri il-kumpanija tiddeċiedi permezz ta’ riżoluzzjoni straordinarja li ma tistax tkompli n-negozju tagħha minħabba d-dejn tagħha u li huwa rakkomandabbli li tkun likwidata.

Fi żmien 14-il jum mir-riżoluzzjoni l-kumpanija għandha tippubblika d-dettalji b’reklam fil-Gazzetta ta’ Londra [London Gazette].

Il-kumpanija għandha ssejjaħ laqgħa tal-kredituri li għandha ssir fi żmien 14-il jum mid-data tar-riżoluzzjoni biex titqies il-ħatra ta’ likwidatur.

Ladarba jinħatar il-likwidatur għandu jagħti avviż dwar il-ħatra billi jagħmel reklam fil-gazzetta l-aktar xierqa u fil-Gazzetta ta’ Londra [London Gazette] u jibgħat avviż dwar il-ħatra lir-Reġistratur tal-Kumpaniji.

  • Tal-Membri

Id-differenza bejn likwidazzjoni volontarja tal-kredituri u dik tal-membri hija li fil-likwidazzjoni volontarja tal-membri l-kumpanija trid tkun solventi.

Fi żmien 14-il jum mir-riżoluzzjoni l-kumpanija għandha tippubblika d-dettalji billi tagħmel reklam fil-Gazzetta ta’ Londra [London Gazette].

back

FuqFuq

Ladarba jinħatar il-likwidatur għandu jagħti avviż dwar il-ħatra f’bosta modi inkluż li jagħmel reklam fil-gazzetta l-aktar xierqa u fil-Gazzetta ta’ Londra [London Gazette], u jibgħat avviż dwar il-ħatra lir-Reġistratur tal-Kumpaniji.

Il-Proċeduri tal-Falliment Personali
Il-Falliment

Il-Qorti tista’ tiddikjara individwu fallut jekk dik il-persuna ma tistax tħallas id-dejn tagħha.

L-avviż ta’ l-ordni tal-falliment jintbagħat lir-Reġistru ta’ l-Atti u huwa reklamat fil-gazzetta l-aktar xierqa u fil-Gazzetta ta’ Londra [London Gazette].

Fejn jinħatar prattikant tal-falliment bħala trustee minflok ir-Riċevitur Uffiċjali, kopja taċ-ċertifikat tal-ħatra għandha tiġi ppreżentata fil-qorti. Ladarba jinħatar, it-trustee għandu jagħti avviż dwar il-ħatra f’bosta modi, skond il-metodu tal-ħatra, inkluż li jagħmel reklam fil-gazzetta l-aktar xierqa u jibgħat avviż dwar il-ħatra lill-kredituri kollha magħrufin.

3. X’inhuwa r-rwol tal-parteċipanti diversi f’kull tip ta’ proċeduri?

Il-Qorti

Ir-rwol u l-funzjoni tal-Qorti jiddependu fuq it-tip ta’ proċeduri:

L-Amministrazzjoni

Din hija proċedura bbażata fil-qorti fejn l-amministratur huwa uffiċjal tal-qorti u jista’ jitlob istruzzjonijiet mill-qorti. L-azzjonijiet ta’ l-amministratur jistgħu jkunu eżaminati bir-reqqa mill-Qorti u l-kredituri jistgħu japplikaw lill-Qorti jekk jemmnu li l-amministratur qiegħed jaġixxi, jew bi ħsiebu jaġixxi b’mod mhux ġust ta’ preġudizzju għall-interessi tal-kredituri.

back

FuqFuq

Ir-Riċevitur Amministrattiv

Dan mhuwiex proċess ibbażat fil-qorti.

Il-Likwidazzjoni (Stralċ)
Obbligatorja

Din hija proċedura bbażata fil-qorti fejn kumpanija titqiegħed fi stralċ obbligatorju b’ordni tal-qorti. Il-likwidatur jista’ jitlob istruzzjonijiet mill-qorti

Volontarja

Din mhijiex proċedura bbażata fil-qorti, iżda jistgħu jsiru applikazzjonijiet lill-qorti sabiex il-likwidatur ikun sostitwit jew fejn hemm kwistjonijiet li qajmu tilwim.

Il-Proċeduri tal-Falliment Personali
Il-Falliment

Din hija proċedura bbażata fil-qorti fejn individwu jkun fallut permezz ta’ ordni tal- qorti. It-trustee jista’ jitlob istruzzjonijiet mill-qorti.

Il-Prattikanti tal-Falliment

Sabiex jaġixxi bħala detentur ta’ pożizzjoni fi kwalunkwe proċedura tal-falliment, individwu għandu jkun prattikant tal-falliment awtorizzat mis-Segretarju ta’ l-Istat jew minn wieħed minn seba’ Korpijiet Professjonali Magħrufin.

Is-setgħat tad-detentur tal-pożizzjoni f’amministrazzjonijiet, fi stralċ, u fil-fallimenti huma stabbiliti fl-l-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] ta’ l-1986; barra minn dan il-prattikanti tal-falliment għandhom jaġixxu skond l-aħjar prattika u l-linji ta’ gwida etiċi.

Is-setgħat tar-riċevitur amministrattiv huma primarjament stabbiliti fid-dokumenti rilevanti tal-garanzija.

Il-Kredituri

Fl-amministrazzjonijiet, fl-istralċji u fil-fallimenti għandhom jitqiesu l-interessi tal-kredituri kollha. F’każ ta’ riċevituri amministrattivi, id-dmir ta’ l-inkarigat huwa primarjament li jaġixxi fl-interess tad-detentur tal-garanzija li ħatru.

back

FuqFuq

Id-Diretturi

Fil-forom kollha ta’ proċeduri ta’ falliment, id-diretturi għandhom dmir skond il-liġi li jikkooperaw ma’ u jagħtu informazzjoni lill-inkarigat rilevanti u, fil-likwidazzjonijiet obbligatorji, lir-riċevitur uffiċjali.

Falluti

Il-fallut għandu dmir skond il-liġi li jikkoopera ma’ u jagħti informazzjoni lir-riċevitur uffiċjali u lit-trustee.

L-Appelli

L-appelli fil-proċeduri tal-fallimenti huma koperti fir-Regoli 7.47 sa 7.50 tar-Regoli dwar il-Falliment (Insolvency Rules) ta’ l-1986. Għalkemm ir-Regola 7.47 tirreferi għall-istralċ, il-qrati sostnew li r-regoli tkopri wkoll l-amministrazzjonijiet.

4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri?

L-assi huma kwalunkwe ħaġa li hija l-proprjetà tal-kumpanija jew tad-debitur li tista’ tintuża biex jitħallas id-dejn tagħhom.

Il-Falliment tal-Kumpaniji

Il-kumpanija tibqa’ proprjetarja ta’ l-assi wara li tibda l-proċedura tal-falliment.

Il-Falliment Personali

Il-proprjetà ta’ l-assi tal-persuna falluta hija awtomatikament trasferita lit-trustee.

Il-Pretensjonijiet

Il-kategoriji ta’ pretensjonijiet li jista’ jkollu kreditur huma kif ġej:

  • Garantita, jew b’garanzija speċifika jew b’waħda ġenerika (fil-kumpaniji);
  • Preferenzjali, mill-15 ta’ Settembru 2003 dawn għandhom x’jaqsmu l-aktar ma flus dovuti lill-impjegati, u
  • Mingħajr garanzija.
Moratorju eċċ.

Meta kumpanija tidħol, jew tipproponi li tidħol, taħt amministrazzjoni, jiġi fis-seħħ moratorju li, fost effetti oħrajn, iċaħħad lill-kredituri milli jieħdu azzjoni kontra l-kumpanija.

back

FuqFuq

Meta ssir ordni ta’ stralċ kontra kumpanija ebda azzjoni jew proċedura ma tista’ titkompla jew tinbeda kontra l-kumpanija jew l-assi tagħha jekk mhux bil-permess tal-High Court.

Meta tkun ingħatat ordni tal-falliment jew tkun ġiet ippreżentata petizzjoni, il-qorti tista’ twaqqaf kull azzjoni legali kontra dak l-individwu.

 L-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000

Fl-Ingilterra u Wales ebda leġiżlazzjoni speċifika ma ġiet promulgata sabiex tipprovdi għal dawn l-Artikoli. Iżda, fejn likwidatur jagħmel dawn it-talbiet għandhom jiġu segwiti l-proċeduri ordinarji ta’ l-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] ta’ l-1986 u għandhom jiġu mħarsa r-Regoli dwar il-Falliment [Insolvency Rules].

5. X’inhuma r-regoli speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kategoriji ta’ pretensjonijiet?

Id-Drittijiet in Rem

Dawk li għandhom garanzija speċifika fuq l-assi ta’ kumpanija jew individwu għandhom id-dritt għal kwalunkwe dħul minn dawk l-assi qabel il-kredituri l-oħrajn.

Tpaċija

Il-leġiżlazzjoni dwar il-falliment titkellem dwar it-tpaċija fejn hemm negozjati reċiproċi bejn terzi u kumpanija jew individwu qabel l-amministrazzjoni, il-likwidazzjoni jew il-falliment.

Ir-Riżerva tat-Titolu

Il-kredituri li fornew prodotti taħt kuntratt bi klawżola tar-riżerva tat-titolu għandhom id-dritt, f’xi ċirkustanzi, jieħdu lura l-prodotti tagħhom mingħand il-persuna inkarigata mil-falliment.

back

FuqFuq

Il-kuntratti ta’ l-impjieg

L-effett tal-proċeduri tal-falliment fuq l-impjegati jiddependi fuq it-tip ta’ proċedura. Pereżempju, fl-amministrazzjonijiet u fejn tqabbad riċevitur amministrattiv, l-inkarigat għandu 14-il jum biex jiddeċiedi jżommx l-impjegati kollha jew uħud minnhom. B’kuntrast f’likwidazzjoni obbligatorja il-kuntratti ta’ l-impjegati huma awtomatikament terminati meta l-qorti tagħmel l-ordni.

Id-djun dovuti lil impjegati huma preferenzjali u mħallsa bi priorità għal dawk li għandhom garanziji ġeneriċi u kredituri ordinarji mingħajr garanzija.

Il-Priorità tal-Kredituri

Normalment il-kredituri huma mħallsa f’din il-priorità:

  • Id-detenturi ta’ garanzija speċifika;
  • Il-kredituri preferenzjali, li mill-15 ta’ Settembru 2003 għandhom x’jaqsmu l-aktar ma’ flus li huma dovuti lill-impjegati;
  • Id-detenturi ta’ garanzija ġenerika; u
  • Il-kredituri mingħajr garanzija.

6. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ atti detrimentali?

Hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet li jgħoddu għall-amministrazzjonijiet, għal-likwidazzjonijiet u għall-fallimenti li permezz tagħhom l-inkarigat jista’ japplika lill-qorti biex flus jintraddu lura għall-benefiċċju tal-kredituri. Id-dispożizzjonijiet ewlenin huma:

Transazzjonijiet taħt il-valur reali
L-Amministrazzjonijiet u l-Likwidazzjonijiet

Jekk l-inkarigat għandu l-provi li kwalunkwe ass tal-kumpanija kien trasferit mingħajr ħlas jew bi prezz li kien b’mod sinjifikanti inqas mill-valur tiegħu, tista’ ssir applikazzjoni lill-qorti għal ordni biex tiġi restawrata l-pożizzjoni li kienet tkun fis-seħħ kieku t-trasferiment ma seħħx.

back

FuqFuq

Biex jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni t-trasferiment għandu ujkun seħħ ħames snin qabel l-kumpanija bdiet tiġi stralċjata jew ingħatatilha l-ordni ta’ amministrazzjoni jekk t-trasferiment sar lil persuna assoċjata, jew fi żmien sentejn minn dik id-data jekk sar lil xi persuna oħra .

It-trasferimenti fil-perjodu interim bejn il-preżentazzjoni tad-dokumenti fil-qorti u d-dħul tal-kumpanija fl-amministrazzjoni jew l-istralċ tagħha ukoll jinqabdu b’din id-dispożizzjoni.

Il-Fallimenti

Jekk l-inkarigat għandu l-provi li kwalunkwe ass tal-kumpanija kien trasferit f’dawn iċ-ċirkostanzi: mingħajr ħlas, bi prezz li kien b’mod sinjifikanti inqas mill-valur tiegħu jew minħabba żwieġ, tista’ allura ssir applikazzjoni lill-qorti għal ordni biex tiġi restawrata l-pożizzjoni li kienet tkun fis-seħħ kieku t-tranżazzjoni in kwistjoni ma saritx.

Biex taqa’ taħt din id-dispożizzjoni t-tranżazzjoni għandha tkun seħħet fi żmien ħames snin mid-data tat-talba li fuqha saret l-ordni tal-falliment.

Il-Preferenzi
L-Amministrazzjonijiet u l-Likwidazzjonijiet

Jekk l-inkarigat għandu l-provi li xi terz, xi kreditur jew xi garantur ta’ xi dejn, tqiegħed f’pożizzjoni aħjar milli kien ikun il-każ kieku ma seħħitx it-tranżazzjoni, allura tista’ ssir applikazzjoni lill-qorti għal ordni biex tiġi restawrata l-pożizzjoni li kienet tkun fis-seħħ kieku l-kumpanija ma ngħatatx dik il-preferenza.

Biex taqa’ taħt din id-dispożizzjoni il-preferenza għandha tkun seħħet, fil-każ ta’ persuna konnessa, fi żmien sentejn mid-data rilevanti, li hija l-bidu tal-likwidazzjoni jew id-data li ġiet preżentata talba dwar l-amministrazzjoni, jew avviż dwar l-intenzjoni tal-ħatra, fil-qorti; jew jekk ma ġie ppreżentat ebda avviż dwar l-intenzjoni tal-ħatra, id-data meta l-kumpanija daħlet fl-amministrazzjoni. Fi kwalunkwe każ ieħor il-perjodu rilevanti huwa ta’ sitt xhur.

back

FuqFuq

It-tranżazzjonijiet fil-perjodu interim bejn il-preżentazzjoni tad-dokumenti fil-High Court u d-dħul tal-kumpanija fl-amministrazzjoni jew l-istralċ tagħha ukoll jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni.

Il-Fallimenti

Jekk it-trustee għandu l-provi li xi terz, xi kreditur jew xi garantur ta’ xi dejn, tqiegħed f’pożizzjoni aħjar milli kien ikun il-każ kieku ma seħħitx it-tranżazzjoni, allura tista’ ssir applikazzjoni lill-High Court għal ordni biex tiġi restawrata l-pożizzjoni li kienet tkun fis-seħħ kieku l-individwu ma ngħatax dik il-preferenza.

Biex taqa’ taħt din id-dispożizzjoni il-preferenza għandha tkun seħħet, fil-każ ta’ persuna assoċjata, fi żmien sentejn mid-data tat-talba li fuqha saret l-ordni tal-falliment. Fi kwalunkwe każ ieħor il-perjodu rilevanti huwa ta’ sitt xhur.

7. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-preżentazzjoni u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet?

L-inkarigati kollha tal-fallimenti huma meħtieġa jipprovdu tagħrif lill-kredituri mingħajr garanzija; id-dettalji tad-dmirijiet tagħhom tar-rapportar huma stabbiliti fl-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] ta’ l-1986 u fir-Regoli dwar il-Falliment [Insolvency Rules] ta’ l-1986.

Ma jsirux distribuzzjonijiet lill-kredituri mingħajr garanzija fejn huwa mqabbad riċevitur amministrattiv u għalhekk ma hemm ebda regoli dwar il-prova tal-pretensjonijiet tagħhom.

Fl-proċeduri kollha l-oħrajn tal-falliment, tal-kumpaniji u individwali, hemm regoli li huma ġeneralment simili biex it-talbiet jiġu ppreżentati lill-inkarigat. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jinsabu fir-Regoli dwar il-Falliment [Insolvency Rules] ta’ l-1986. Ir-regoli jistabbilixxu wkoll id-dispożizzjonijiet dwar l-ammissjoni ta’ dawk il-pretensjonijiet mill-inkarigat.

back

FuqFuq

Fil-klassijiet tal-kredituri preferenzjali u dawk mingħajr garanzija, il-kredituri kollha għandhom pożizzjoni ndaqs fil-klassi tagħhom u jieħdu sehem mill-assi disponibbli skond l-ammont li għandhom jieħdu.

Jekk kumpanija għandha aktar minn kreditur wieħed garantit minn garanzija ġenerika, jitħallsu skond l-ordni tal-priorità, li hija determinata mid-data meta nħalqet il-garanzija jew fl-ordni stabbilita fi ftehim dwar il-priorità.

8. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri ta’ l-organizzazzjoni mill-ġdid?

Il-Kumpaniji

Il-kumpaniji vijabbli li jidħlu f’diffikultajiet finanzjarji jistgħu jfittxu salvataġġ permezz ta’ l-amministrazzjoni jew arranġament volontarju tal-kumpanija (“CVA” -company voluntary arrangement). Ħafna salvataġġi ta’ kumpaniji li jsiru permezz ta’ amministrazzjoni jsiru permezz ta CVA. Sabiex tinkiseb CVA għall-inqas 75% tal-kredituri għandhom japprovaw il-proposti li jagħmlu d-diretturi, jew jekk il-kumpanija tinsab f’amministrazzjoni, l-amministratur. Ladarba approvat, l-arranġament jorbot lill-kredituri kollha li rċevew avviż dwar il-proposti.

Id-dispożizzjonijiet dwar CVAs u l-amministrazzjonijiet jinsabu fit-Taqsimiet I u II ta’ l-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] ta’ l-1986 u fit-Taqsimiet 1 u 2 tar-Regoli dwar il-Falliment [Insolvency Rules] ta’ l-1986, rispettivament.

L-Individwi

L-individwi li huma f’diffikoltajiet finanzjarji jistgħu jevitaw il-falliment billi jidħlu f’arranġament volontarju individwali (“IVA” - individual voluntary arrangement).  Sabiex jinkiseb IVA għall-inqas 75% tal-kredituri għandhom japprovaw il-proposti li jagħmel id-debitur. Ladarba approvat, l-arranġament jorbot lill-kredituri kollha li rċevew avviż dwar il-proposti.

back

FuqFuq

Id-dispożizzjonijiet dwar IVAs jinsabu fit-Taqsima VIII ta’ l-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] ta’ l-1986 u fit-Taqsima 5 tar-Regoli dwar il-Falliment [Insolvency Rules] ta’ l-1986.

9. X’inhuma r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri ta’ l-istralċ?

Id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri ta’ l-istralċ jinsabu fit-Taqsima IV ta’ l-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] ta’ l-1986 u fit-Taqsima 4 tar-Regoli dwar il-Falliment [Insolvency Rules] ta’ l-1986. Id-dispożizzjoni li tagħti lil-likwidatur is-setgħa li jbiegħ l-assi tal-kumpanija qiegħda fil-paragrafu 6 ta’ l-iskeda 4 ta’ l-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] ta’ l-1986. Id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-distribuzzjonijiet lill-kredituri huma stabbiliti fil-kapitolu 14 tat-Taqsima 4 u fit-Taqsima 11 tar-Regoli dwar il-Falliment [Insolvency Rules] ta’ l-1986.

10. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jingħalqu l-proċeduri?

Id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tmiem ta’ l-amministrazzjonijiet, tal-likwidazzjonijiet u tal-fallimenti jinsabu fl-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] u fir-Regoli dwar il-Falliment [Insolvency Rules] ta’ l-1986.

Il-kondizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tmiem ta’ l-inkarigu tar-riċevitur amministrattiv ikunu regolati mid-dokumenti tal-garanzija.

L-istigma tal-falliment

L-Att dwar l-Intrapriża (Enterprise Act) 2002 jipprova jnaqqas l-istigma tal-falliment u jħeġġeġ is-salvataġġ.

back

FuqFuq

Il-Gvern jagħraf li l-falliment finanzjarju mhuwiex awtomatikament it-tort tad-debitur. L-għan ta’ l-Att huwa li jiżgura li kull fallut jiġi meqjus fuq il-mertu tiegħu u li jitbiegħed mill-istrateġija fejn kulħadd huwa ttrattat bl-istess mod. Il-perjodu tal-falliment tnaqqas minn tipikament tliet snin sa massimu ta’ sena. Biex dan ikun bilanċjat, ġie introdott reġim ġdid ta’ Restrizzjonijiet dwar il-Fallimenti li b’riżultat tiegħu dawk l-individwi li huma ħatja jew negliġenti jkunu soġġetti għal restrizzjonijiet dwar il-fallimenti għal żmien bejn sentejn u ħmistax-il sena. Dawn id-dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2004.

Fil-kumpaniji l-Att dwar l-Intrapriża għamel tibdiliet fil-proċess ta’ l-amministrazzjoni sabiex ikun aktar mgħaġġel, aktar ekwu u ffokat fuq is-salvataġġ. L-għan huwa li l-kumpaniji aktar vijabbli jiġu nkoraġġiti jfittxu l-għajnuna f’punt aktar bikri meta aktar hemm possibbiltà li jkunu salvati minflok stralċjati. Dawn id-dispożizzjonijiet daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Settembru 2003.

Il-Penali

Hemm penali ċivili u kriminali li jistgħu jiġu imposti fuq id-diretturi li jabbużaw mill-privileġġ tar-responsabbiltà limitata

Ċivili

Fejn kumpanija tidħol f’amministrazzjoni jew hemm riċevitur amministrattiv jew tibda l-likwidazzjoni, jekk direttur aġixxa b’mod li jagħmlu mhux xieraq biex ikun direttur, jista’ jkun skwalifikat milli jaġixxi bħala direttur jew ikun involut fl-amministrazzjoni ta’ kumpanija għal żmien bejn sentejn u ħmistax-il sena.

Fil-likwidazzjonijiet il-qorti tista’ wkoll tordna lil direttur jikkontribwixxi lejn l-assi tal-kumpanija jekk il-Qorti hija sodisfatta li d-direttur ġiegħel lill-kumpanija tkompli tmexxi n-negozju bi preġudizzju għall-kredituri wara li kien jaf/kienet taf li l-kumpanija kienet falluta.

Kriminali

Hemm għadd ta’ offiżi speċifiċi stipulati fl-Att dwar il-Falliment [Insolvency Act] ta’ l-1986 għall-kumpaniji fil-likwidazzjoni li għalihom direttur jista’ jiġi mħarrek. Huwa wkoll possibbli li d-diretturi jiġu mħarrka għal offiżi taħt il-liġi tal-kumpaniji u kwalunkwe kwistjoni oħra kriminali li tista’ tiġi pprovata, per eżempju offiżi taħt il-Liġi dwar is-Serq (Theft Act).

Aktar tagħrif

  • Il-Paġna ta’ l-Internet dwar il-Falliment English

« Falliment - Informazzjoni Ġenerali | Renju Unit - Informazzjoni Ġenerali »

back

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 06-10-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit