Kummissjoni Ewropea > NGE > Falliment > Awstrija

L-aħħar aġġornament: 02-04-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Falliment - Awstrija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Liema huma t-tipi differenti u għanijiet ta’ proċeduri legali tal-falliment? 1.
2. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ kull tip ta’ proċedura legali tal-falliment? 2.
3. X’inhu r-rwol tal-parteċipanti individwali f’kull tip ta’ proċedura legali? 3.
4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ ta’ proċedura legali? 4.
5. X’inhuma r-regoli speċifiċi tal-kategoriji diversi ta’ klejm? 5.
6. X’inhuma r-regoli dwar azzjonijiet li jikkaġunaw il-ħsara? 6.
7. Liema kundizzjonijiet japplikaw għar-reġistrazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ klejms? 7.
8. X’inhuma r-regoli tal-proċedura tar-riorganizzazzjoni? 8.
9. X’inhuma r-regoli tal-proċedura ta’ l-istralċ? 9.
10. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-egħluq tal-proċedura? 10.

 

1. Liema huma t-tipi differenti u għanijiet ta’ proċeduri legali tal-falliment?

Il-liġi Awstrijaka tagħmel distinzjoni bejn il-proċedura tal-ftehim [Ausgleichsverfahren] skond ir-regolamenti dwar il-ftehim [Ausgleichsordnung] (AO), u l-proċedura tal-falliment [Konkursverfahren] skond ir-regolamenti tal-falliment [Konkursordnung] (KO).

Il-ftuħ tal-proċedura tal-falliment tippresupponi li d-debitur ma jistax iħallas id-djun tiegħu. Dan huwa partikolarment il-każ meta d-debitur iwaqqaf il-pagamenti tiegħu. In-nuqqas ta’ kapaċità li jitħallsu d-djun ma jissopponix li xi kredituri qegħdin jagħmlu pressjoni biex jiġu mħallsin. Il-fatt li d-debitur ikun diġà ħallas kompletament jew parzjalment, jew li għadu jista’ jħallas, ċerti kredituri, ma jiġġustifikax li wieħed jassumi li għandu l-kapaċità li jħallas id-djun (§ 66 KO). Fil- każ ta’ dejn eċċessiv, il-proċedura tinfetaħ ukoll b’relazzjoni għall-kumpaniji kummerċjali mingħajr persuna naturali responsabbli għad-dejn, b’relazzjoni għall-assi ta’ persuni legali, kif ukoll b’relazzjoni għall-assi ta’ persuni mejtin (§ 67 KO).

Jekk jeżistu l-kriterji għall-ftuħ ta’ proċedura tal-falliment, jew jekk id-debitur wasal biex jitlef il-kapaċità li jħallas, id-debitur jista’ japplika biex tinfetaħ proċedura tal-ftehim minflok proċedura tal-falliment (§ 1 AO).

L-għan ewlieni tal-proċedura tal-falliment huwa li l-kredituri kollha jiġu sodisfatti b’mod ugwali. Kull kreditur jirċievi proporzjon indaqs tal-klejm tiegħu, skond l-assi disponibbli. Kull fejn hu possibbli, irid ikun evitat li titfarrak kumpanija li tista’ tiġi salvata, u d-debitur irid jingħata l-opportunità għar-rikostruzzjoni finanzjarja. Dan l-għan huwa importanti b’mod partikolari meta l-proċedura tal-falliment tinkludi dik li tissejjaħ il-proċedura tal-ftehim obbligatorju [Zwangsausgleichsverfahren]. Il-proċedura tal-ftehim obbligatorju jwassal għal eżenzjoni mid-dejn li għad irid jitħallas, jekk id-debitur fallut iħallas mill-anqas 20% tad-djun tiegħu fi żmien sentejn.

FuqFuq

Il-proċedura tal-falliment tinkludi regoli speċjali matul il-falliment ta’ persuni naturali, billi tinkludi ġeneralment il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mid-djun li għad iridu jitħallsu. Dan huwa minħabba l-interess soċjali, fejn persuni li jsibu rwieħhom f’sitwazzjoni finanzjarja ddisprata jingħataw iċ-ċans li jerġgħu jibdew mill-ġdid. Il-proċedura tal-falliment għall-persuni naturali li ma jmexxux kumpanija, hija deskritta bħala l-proċedura tar-regolazzjoni tad-dejn [Schuldenregulierungsverfahren] (§ 25 KO).

Il-proċedura tal-ftehim tagħti l-possibbiltà ta’ eżenzjoni parzjali mid-dejn skond riżoluzzjoni tal-maġġoranza tal-kredituri, sabiex il-kumpanija bid-dejn tingħata ċ-ċans għar-rikostruzzjoni, jekk id-debitur iħallas mill-anqas 40% tal-klejms fi żmien sentejn.

Filwaqt li jkompli mal-proċedura tal-falliment fil-qorti, id-debitur jista’ wkoll jipprova jasal għar-rikostruzzjoni barra mill-qorti. Madankollu, l-iżvantaġġ ta’ proċedura fil-qorti huwa li f’dan il-każ irid jintlaħaq ftehim mal-kredituri kollha, u li l-maġġoranza tal-voti ma tistax taqbeż lil kredituri individwali li jopponu. Barra minn hekk, id-debitur huwa obbligat skond § 69 para. 2 KO, li japplika għall-falliment fi żmien 60 jum, hekk kif il-kundizzjonijiet għall-ftuħ tal-proċedura jkunu sodisfatti.

Bl-iskop li l-falliment ikun evitat f’każijiet fejn tista’ ssir rikostruzzjoni leġittima, tista’ wkoll tinfetaħ proċedura tar-riorganizzazzjoni [Reorganisationsverfahren] skond il-liġi dwar ir-riorganizzazzjoni tal-kumpaniji [Unternehmensreorganisationsgesetz]. F’dan il-każ irid ikun hemm il-bżonn ta’ rikostruzzjoni, iżda ma jkunx hemm il-falliment. Il-bżonn ta’ rikostruzzjoni jeżisti meta kumpanija taqa’ fil-periklu minħabba xi żvilupp kummerċjali b’konsegwenzi negattivi, bir-riżultat li jkun hemm bżonn ta’ intervent sabiex il-kumpanija tkun tista’ tibqa’ tkompli bl-attivitajiet tagħha.

FuqFuq

2. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ kull tip ta’ proċedura legali tal-falliment?

Il-proċedura tal-falliment:
  • In-nuqqas ta’ kapaċità li jitħallsu id-djun, jew dejn eċċessiv (ara fuq);
  • Assi li fundamentalment ikopru l-ispejjeż;
  • Applikazzjoni mid-debitur jew minn xi kreditur.
Il-proċedura tal-ftehim:
  • Il-kapaċità li jitħallsu id-djun, il-periklu tan-nuqqas ta’ kapaċità li jitħallsu id-djun, jew dejn eċċessiv;
  • Applikazzjoni mid-debitur flimkien ma’ proposta aċċettabbli għal ftehim.

3. X’inhu r-rwol tal-parteċipanti individwali f’kull tip ta’ proċedura legali?

Il-proċedura tal-falliment:
  • Il-qorti tal-falliment
    • jiftaħ u jmexxi l-proċedura;
    • jaħtar u jissorvelja l-amministratur ta’ l-assi [Masseverwalter];
    • jipproteġi l-assi tal-fallut;
    • imexxi l-kumitati tal-kredituri, speċjalment il-vot dwar il-ftehim obbligatorju jew xi skema ta’ pagamenti;
    • jiddeċiedi fuq xi kwistjonijiet pendenti partikolari;
    • jagħlaq il-proċedura.
  • L-amministratur ta’ l-assi
    • huwa responsabbli għat-tmexxija prattika tal-proċedura tal-falliment;
    • jirrevedi l-pożizzjoni finanzjarja tad-debitur fallut;
    • jevalwa jekk il-kumpanija tistax tkompli teżisti, jew jekk kumpanija diġà xolta tistax tiġi mwaqqfa mill-ġdid;
    • jirrivedi jekk ftehim obbligatorju jkunx qiegħed fl-interess tal-kredituri, u jekk dan jistax jintlaħaq;
    • jistabilixxi x’inhuma l-assi u jiddisponi minnhom;
    • jamministra u jirrappreżenta l-assi tal-fallut;
    • għandu d-dritt tar-rikuża għall-assi tal-fallut;
    • jgħin biex il-pożizzjoni tad-dejn tiġi stabbilita;
    • iqassam il-qligħ ta’ l-assi.

Il-ħatra ta’ amministratur ta’ l-assi m’hix obbligatorja fil-każ ta’ proċedura tal-falliment li tinvolvi persuni naturali li ma jmexxux kumpanija (proċedura tar-regolazzjoni tad-dejn). Jekk il-qorti tal-falliment ma taħtarx amministratur ta’ l-assi, il-qorti stess għandha tieħu ħsieb l-affarijiet li jaqgħu taħt l-amministratur ta’ l-assi.

FuqFuq

  • Id-debitur
    • hu intitolat biex japplika għall-falliment, kif ukoll biex jappella kontra l-ftuħ ta’ proċedura tal-falliment;
    • iċedi l-kontroll liberu fuq id-disponiment ta’ l-assi tal-falliment malli tibda l-proċedura tal-falliment;
    • għandu d-dritt li jieħu sehem fil-laqgħat tal-kredituri kif ukoll fil-kumitat tal-kredituri;
    • għandu d-dritt japplika biex proċedura tal-ftehim obbligatorju tingħalaq.
  • Il-kredituri
    • Il-laqgħa tal-kredituri;
    • għandha d-dritt li tapplika għal affarijiet partikolari (eż. biex jinħatar kumitat tal-kredituri, jew biex jitneħħa l-amministratur ta’ l-assi mill-kariga tiegħu);
    • jivvota fuq proposta għall-proċedura tal-ftehim obbligatorju;
    • Il-kumitat tal-kredituri li jkun inħatar mill-qorti;
    • jgħin u jissorvelja l-amministratur ta’ l-assi;
    • jesprimi l-opinjoni tiegħu minn qabel fuq il-miżuri importanti implimentati mill-amministratur ta’ l-assi;
    • għandu d-dritt ta’ approvazzjoni f’ċirkostanzi partikolari.
Il-proċedura tal-ftehim:
  • Il-qorti tal-ftehim
    • tiftaħ u tmexxi l-proċedura;
    • taħtar u tissorvelja l-amministratur ta’ l-assi u l-entitajiet l-oħra;
    • tieħu d-deċiżjoni finali fuq xi kwistjonijiet partikolari pendenti;
    • tagħlaq il-proċedura tal-ftehim.
  • L-amministratur tal-ftehim
    • jissorvelja d-debitur u l-mod kif qiegħed imexxi;
    • jistabbilixxi l-pożizzjoni finanzjarja tad-debitur u jħejji rapport provviżorju bil-miktub;
    • jirrivedi l-klejms li jkunu ġew irreġistrati;
    • għandu japprova ċerti azzjonijiet legali.
  • Id-debitur
    • japplika għall-ftuħ tal-proċedura tal-ftehim, billi jagħti proposta għal ftehim aċċettabbli;
    • iżomm, fil-prinċipju, d-dritt tiegħu biex jiddisponi u jkompli jamministra l-assi tiegħu;
    • jiġi ssorveljat mill-amministratur ta’ l-assi.
  • Il-kredituri
    • il-laqgħa tal-kredituri tivvota fuq il-proposta għal ftehim;
    • il-laqgħa tal-kredituri tagħti parir lill-bord konsultattiv maħtur mill-qorti, u tgħin u tissorvelja l-amministratur ta’ l-assi.

4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ ta’ proċedura legali?

Il-proċedura tal-falliment:

Il-ftuħ ta’ proċedura tal-falliment jiġi ppubblikat bħala editt fuq il-website Deutsch. L-effetti legali tal-ftuħ ta’ proċedura tal-falliment jibdew japplikaw mill-bidu tal-ġurnata wara dik meta l-editt ikun ġie ppubblikat. Il-ftuħ ta’ proċedura jiġi wkoll reġistrat fir-reġistri pubbliċi (reġistru ta’ l-artijiet [Landesregister], reġistru tal-kumpaniji [Firmenbuch] eċċ.).

FuqFuq

Malli tinfetaħ proċedura tal-falliment, id-debitur iċedi l-kontroll liberu fuq dawk l-assi kollha li huma diġà tiegħu jew li jakkwista matul il-proċedura (l-assi tal-falliment), li huma soġġetti għall-proċedura. L-assi tal-falliment jiġu miżmuma u amministrati, u jiġu utilizzati b’mod li jissodisfa lill-kredituri (§ 1 KO).

Malli tinfetaħ proċedura tal-falliment, kull att legali mid-debitur tal-falliment b’relazzjoni għall-assi tal-falliment, ma jistax jorbot lil kredituri tal-falliment (§ 3 para. 1 KO).

Wara li tinfetaħ il-proċedura tal-falliment, ma jistgħux jinfetħu jew ikomplu proċeduri legali kontra d-debitur tal-falliment li jissottomettu, jew jippruvaw jassiguraw, xi klejms fuq l-assi tal-falliment. Proċeduri legali b’relazzjoni għal xi klejms preferenzjali jew għas-separazzjoni jew l-irkuprar ta’ affarijiet li m’humiex parti mill-assi tal-falliment, jistgħu jinfetħu jew ikomplu wara li tinfetaħ il-proċedura tal-falliment, imma dan kontra l-amministratur tal-falliment biss (§ 6 para. 1 u 2 KO).

Il-proċeduri legali kollha fejn id-debitur huwa l-kwerelant jew l-akkużat jiġu sospiżi mal-ftuħ ta’ proċedura tal-falliment, minbarra dawk li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ l-assi tal-falliment (§ 7 para. 1 KO).

Il-proċedura tal-ftehim:

Il-ftuħ ta’ proċedura tal-ftehim jiġi wkoll ippubblikat fir-reġistru ta’ l-editti. L-effetti legali tal-ftuħ ta’ proċedura tal-ftehim jibdew mill-bidu tal-ġurnata wara dik meta jkun ġie ppubblikat il-kontenut ta’ l-editt (§ 7 para. 1 AO). Minbarra dan, il-ftuħ ta’ proċedura tal-ftehim jiġi wkoll irreġistrat fir-reġistri pubbliċi (reġistru ta’ l-artijiet [Landesregister], reġistru tal-kumpaniji [Firmenbuch], eċċ.).

FuqFuq

Mill-ġurnata li japplika, sal-ftuħ tal-proċedura, id-debitur ma jistax ibiegħ jew jingombra xi propjetà, jagħti drittijiet preferenzjali lill-assi tiegħu, jagħti garanziji jew jagħmel xi trasferimenti mhux awtorizzati. Dawn id-drittijiet legali m’għandhom l-ebda validità b’relazzjoni mal-kredituri. Malli tinfetaħ il-proċedura, id-debitur ma jistax jagħlaq jew jerġa’ jiftaħ il-kumpanija tiegħu mingħajr l-approvazzjoni tal-qorti tal-ftehim. Minbarra dan, għandu wkoll bżonn l-approvazzjoni ta’ l-amministratur ta’ l-assi biex jagħmel ċerti transazzjonijiet legali kif ukoll ċerti azzjonijiet legali. Matul il-proċedura tal-ftehim, id-debitur jista’ jagħmel użu biss mill-fondi disponibbli biex isostni stil ta’ ħajja modesta għalih u għall-familja tiegħu (§ 8 AO).

Meta klejm jiġi reġistrat fil-proċedura tal-ftehim, dan ifisser li l-perijodu ta’ preskrizzjoni tal-klejm jiġi interrott (§ 9 AO).

Mill-ftuħ tal-proċedura, ebda rahan jew garanzija legali jew dritt għal ħlas, jista’ jiġi mgħoti b’relazzjoni għall-assi tad-debitur (§ 10 AO).

5. X’inhuma r-regoli speċifiċi tal-kategoriji diversi ta’ klejm?

Il-proċedura tal-falliment:
Id-drittijiet għas-separazzjoni u l-irkuprar ta’ l-assi

Id-dritt għas-separazzjoni u l-irkuprar ta’ l-assi japplika għall-affarijiet li huma fil-pussess tad-debitur, iżda li m’humiex tiegħu (§ 44 KO). Peress li l-assi tal-falliment jinkludu biss affarijiet li jappartjenu lid-debitur, il-ftuħ ta’ proċedura tal-falliment ma jolqotx id-drittijiet għas-separazzjoni u l-irkuprar ta’ assi.

Id-drittijiet preferenzjali

Drittijiet preferenzjali jirriferu għal klejms li ma jiġux milquta mill-proċedura tal-falliment, jiġifieri, klejms fuq assi partikolari tad-debitur fallut. Il-kreditur preferenzjali jieħu preċedenza fuq il-kredituri tal-falliment, sakemm il-klejm tiegħu taqa’ taħt l-assi garantiti bħala sigurtà (eż. Garanzija ta’ ħlas ta’ self). L-assi kollha li jibqgħu mid-dħul tal-disponiment, jsiru parti mill-assi komuni tal-falliment (§ 48 KO). Fil-prinċipju, id-drittijiet preferenzjali m’humiex milquta mill-ftuħ ta’ proċedura tal-falliment.

FuqFuq

Il-klejms tal-falliment

Il-klejms tal-falliment huma klejms ta’ kredituri li, fl-istess żmien li tinfetaħ il-proċedura tal-falliment, għandhom klejms fuq l-assi tad-debitur (§ 51 KO). Il-klejms tal-falliment ma jinkludux l-imgħaxijiet fuq il-klejms tal-falliment li jakkumulaw wara li tinfetaħ il-proċedura tal-falliment, l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura tal-falliment, multi għal atti kriminali ta’ kwalunkwe tip, kif ukoll klejms li għandhom x’jaqsmu ma’ rigali (§ 58 KO).

Il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza japplika fil-każ ta’ klejms fil-proċedura tal-falliment. Preferenzi ma jingħatawx lil awtoritajiet pubbliċi, jew lil impjegati fil-proċedura tal-falliment. Madankollu, il-klejms ta’ azzjonisti għall-ħlas b’relazzjoni għal self ta’ azzjonista li jissostitwixxi l-valur ta’ l-ishma, jingħataw importanza inqas.

Il-kumpens

Klejms li kienu diġà eliġibbli għall-kumpens malli tkun infetħet il-proċedura tal-falliment, m’għandhomx jiġu ppreżentati fil-proċedura tal-falliment (§ 19 para. 1 KO). B’hekk, kreditur li huwa wkoll debitur tad-debitur fallut, isib ruħu f’pożizzjoni ta’ kreditur assigurat. Madankollu, il-kreditur ikollu żbilanċ jekk il-klejm tiegħu fil-proċedura tal-falliment huwa akbar mill-klejm tad-debitur fallut. Il-kreditur jista’ jikklejmja dan l-iżbilanċ fil-proċedura tal-falliment. Il-kriterji individwali għal kumpens jistgħu jinqraw fil-liġi (§ 20 KO) fuq il-website tal-Kanċellerat Federali Deutsch [Bundeskanzleramt].

FuqFuq

Il-klejms fuq l-assi

Il-klejms fuq l-assi huma klejms fuq l-assi tal-falliment li għandhom jiġu sodisfatti qabel dawk tal-kredituri tal-falliment (§ 47 para. 1 KO). Il-klejms fuq l-assi l-aktar importanti huma (§ 46 para. 1 KO):

  • l-ispejjeż tal-proċedura tal-falliment;
  • il-pagamenti li għandhom x’jaqsmu mal-manteniment, ma’ l-amministrazzjoni u mat-tmexxija ta’ l-assi tal-falliment;
  • il-ħlasijiet pubbliċi kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ l-assi tal-falliment, iżda biss jekk dawn il-ħlasijiet ġew dovuti wara li tkun nfetħet il-proċedura tal-falliment;
  • klejms ta’ l-impjegati għall-pagamenti regolari b’relazzjoni għal perijodu ta’ żmien wara li tkun infetħet il-proċedura tal-falliment;
  • klejms għas-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet ta’ kuntratt bilaterali li jolqot lill-amministratur ta’ l-assi;
  • klejms li jsiru minħabba azzjonijiet legali meħuda mill-amministratur ta’ l-assi;
  • klejms li jsiru minħabba t-tkabbir mingħajr raġuni ta’ l-assi tal-falliment;
  • klejms li jsiru minħabba t-tmiem ta’ impjieg, jekk dan l-impjieg ikun inbeda mill-amministratur ta’ l-assi matul il-proċedura tal-falliment.

Klejms fuq l-assi m’għandhomx jiġu rreġistrati fil-proċedura tal-falliment. Jekk l-amministratur ta’ l-assi ma jridx jissodisfa xi klejms fuq l-assi, il-kreditur jista’ jsostni l-klejms tiegħu fil-qorti.

Il-kuntratti tad-debitur fallut
  • Offerti: l-offerti kollha li jkunu saru lid-debitur qabel ma spiċċa fallut, jibqgħu validi. L-amministratur tal-falliment jista’ jiddeċiedi jekk offerta tiġix aċċettata jew le. Jekk jiddeċiedi li jaċċettaha, il-klejms tas-sieħeb tal-kuntratt jiġu klejms fuq l-assi (§ 26 para. 2 KO). L-offerti li jkunu saru mid-debitur qabel ma spiċċa fallut, ma jorbtux lill-amministratur ta’ l-assi (§ 26 para. 3 KO).
  • Kuntratti bilaterali: jekk xi kuntratt bilaterali ma jkunx ġie sodisfatt għal kollox, jew min-naħa tad-debitur fallut jew inkella min-naħa tal-parti l-oħra, l-amministratur ta’ l-assi jista’ jew jissodisfa l-kuntratt (fl-intier tiegħu) minflok id-debitur u jirrikjedi li l-parti l-oħra tal-kuntratt tissodisfa l-kuntratt, jew inkella jista’ jirtira mill-kuntratt (§ 21 para. 1 KO).
  • Kuntratt tal-kera: kuntratt tal-kera inizjalment ma jintlaqatx mill-ftuħ ta’ proċedura tal-falliment. Jekk il-parti li jkun ta b’kera tfalli, l-amministratur ta’ l-assi kif ukoll il-parti li jkun ta b’kera, għandhom id-dritt itemmu l-kuntratt tal-kera b’avviż skond il-liġi, jew inkella b’avviż aktar qasir miftiehem (§ 23 KO).
  • Kuntratti ta’ l-impjiegi: jekk id-debitur fallut iħaddem persuna, u jekk l- impjieg ikun diġà beda, l-impjegat jista’ jtemm l-impjieg tiegħu billi jirriżenja kmieni, jew inkella l-amministratur ta’ l-assi jista’ wkoll itemm ix-xogħol ta’ l-impjegat billi jżomm ma’ l-avviż stipulat mil-liġi, jew mill-ftehim kollettiv, jew inkella skond xi avviż aktar qasir miftiehem, dejjem b’relazzjoni mal-liġi li titratta r-regoli fuq it-tmiem ta’ l-impjiegi. Dan irid isir fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tar-riżoluzzjoni li tordna, tapprova jew tistabbilixxi l-għeluq tal-kumpanija jew l-attivitajiet tagħha.
Il-proċedura tal-ftehim
Il-klejms tal-ftehim

Il-klejms tal-ftehim huma klejms mhux preferenzjali, u jiġu sodisfatti proporzjonalment. Il-klejms tal-ftehim li jiġu rreġistrati, iridu jiġu aċċettati jew rifjutati mid-debitur fiż-żmien stipulat. Ir-reġistrazzjoni ta’ klejms tolqot id-drittijiet ta’ votazzjoni fil-laqgħa tal-ftehim (dwar il-proposta għal ftehim). Jekk il-proposta għal ftehim tiġi aċċettata u konfermata mill-qorti, u jkun mistenni li d-debitur ser jissodisfa l-ftehim, il-klejms tal-ftehim jiġu kkalkolati proporzjonalment. Dan japplika wkoll għall-klejms mhux reġistrati.

FuqFuq

Id-drittijiet għas-separazzjoni u l-irkuprar ta’ l-assi u d-drittijiet preferenzjali

Bħal fil-proċedura tal-falliment, id-drittijiet għas-separazzjoni u l-irkuprar ta’ l-assi, kif ukoll id-drittijiet preferenzjali, ma jiġux milquta mill-ftehim. Madankollu, f’xi każijiet jista’ jkun hemm differiment obbligatorju ta’ dawn id-drittijiet.

Il-kumpens

Il-dispożizzjonijiet (§§ 19, 20 AO) huma l-istess bħal dawk tal-proċedura tal-falliment.

Il-kuntratti

Klejms minħabba kuntratti bilaterali, fejn mal-ftuħ ta’ proċedura tal-ftehim ħadd mill-partijiet tal-kuntratt ikun issodisfa l-kuntratt fl-intier tiegħu, inizjalment ma jintlaqtux mill-proċedura tal-ftehim. Madankollu, id-debitur jista’ jagħżel jekk iridx li l-parti l-oħra tissodisfa l-kuntratt, jew inkella jirtirax mill-kuntratt (§ 20b AO). L-irtirar jista’ jsir biss bl-approvazzjoni ta’ l-amministratur tal-ftehim. L-amministratur tal-ftehim jista’ japprova biss jekk is-sodisfazzjon tal-kuntratt jew it-tkomplija tal-kuntratt, jistgħu jkunu ta’ periklu għat-twaqqif jew għas-sodisfazzjon tal-ftehim jew tat-tkomplija tal-kumpanija (§ 20b AO). Kuntratti tal-kera u kuntratti ta’ l-impjiegi għandhom kriterji partikolari.

  • Kuntratti tal-kera: jekk id-debitur ikun ħa b’kera, hu jista’ jtemm il-kuntratt bl-approvazzjoni ta’ l-amministratur ta’ l-assi, jew skond l-avviż stipulat mill-liġi jew skond xi avviż miftiehem. Dan irid isir fi żmien xahar minn meta r-riżoluzzjoni fuq il-proċedura tal-ftehim tkun ġiet ippubblikata (§ 20c para. 2 AO).
  • Kuntratti ta’ l-impjiegi: jekk id-debitur iħaddem persuna, hu jista’ jtemm il-kuntratt ta’ l-impjieg bl-approvazzjoni ta’ l-amministratur ta’ l-assi, billi jżomm ma’ l-avviż stipulat mil-liġi jew mill-ftehim kollettiv, jew inkella skond xi avviż aktar qasir miftiehem, dejjem b’relazzjoni mal-liġi li titratta r-regoli fuq it-tmiem ta’ l-impjiegi. Dan irid isir fi żmien xahar minn meta r-riżoluzzjoni fuq il-ftuħ tal-proċedura tal-ftehim tkun ġiet ippubblikata.

6. X’inhuma r-regoli dwar azzjonijiet li jikkaġunaw il-ħsara?

Azzjonijiet legali li jkunu nbdew qabel il-ftuħ ta’ proċedura tal-falliment u li għandhom x’jaqsmu ma’ l-assi tad-debitur fallut, jistgħu jkunu sfidati minħabba l-intenzjoni ta’ diskriminazzjoni, minħabba l-ħela ta’ l-assi (§ 28 KO), minħabba trattament preferenzjali (§ 30 KO), jew minħabba n-nuqqas tal-kapaċità ta’ ħlas (§ 31 KO). Disponimenti mingħajr awtorità kif ukoll disponimenti ekwivalenti (§ 29 KO) jistgħu jkunu wkoll sfidati. Il-kriterji fid-dettall għal sfida huma stipulati fil-liġi, li tista’ tinqara fuq il-website tal-Kanċellerat Federali Deutsch.

FuqFuq

7. Liema kundizzjonijiet japplikaw għar-reġistrazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ klejms?

Ara r-risposta għad-domanda 5.

8. X’inhuma r-regoli tal-proċedura tar-riorganizzazzjoni?

Il-proċedura tal-ftehim obbligatorju

Il-proċedura tal-ftehim obbligatorju m’hix proċedura tal-falliment separata, iżda “ftehim fil-proċedura tal-falliment”. Il-konklużjoni u s-sodisfazzjon tal-ftehim obbligatorju jwasslu wkoll għall-eżenzjoni mid-djun li għad iridu jitħallsu. Id-debitur fallut iħallas il-kumpens obbligatorju u jiġi eżentat mill-klejms tal-falliment.

Proċedura tal-ftehim obbligatorju tista’ tinfetaħ biss minn debitur fallut ġenwin (u mhux wieħed misjub ħati ta’ falliment frodulenti, jew ta’ intenzjoni li jdewwem il-proċedura, eċċ). Fl-istess ħin, id-debitur fallut irid ifassal proposta ta’ kif il-kredituri se jkunu jew sodisfatti jew protetti (§ 140 para. 1 KO). Il-proposta ma tistax tiġi aċċettata jekk ma toffrix lill-kredituri mill-anqas l-20% tal-klejms tal-falliment kif stipulat mil-liġi, pagabbli fi żmien sentejn. Persuni naturali li ma jmexxux kumpanija jistgħu jkunu mgħotija perijodu ta’ ħlas fuq medda ta’ ħames snin. Jekk il-perijodu ta’ ħlas ikun aktar minn sentejn, il-proporzjon irid ikun mill-anqas 30% (§ 141 Z 3 KO). Barra minn hekk, il-klejms ta’ separazzjoni u rkuprar ta’ l-assi ma jistgħux jiġu affettwati, il-kredituri bil-klejms fuq l-assi jridu jiġu sodisfatti għal kollox, u l-kredituri tal-falliment iridu jiġu ttrattati b’mod ugwali (§ 149 u segwenti KO). Id-drittijiet tal-kredituri tal-falliment kontra l-garanti jew id-debituri komuni tad-debitur fallut, jew kontra partijiet responsabbli taħt rikors ma jistgħux jiġu ristretti mingħajr l-approvazzjoni espliċita tal-parti intitolata (151 KO). Il-ftehim obbligatorju jrid ikun approvat mill-maġġoranza tal-kredituri tal-falliment li għandhom vot u li jieħdu sehem fil-laqgħa tal-ftehim obbligatorju. Barra minn hekk, l-ammont totali tal-klejms tal-kredituri li jieħdu sehem fil-laqgħa, irid ikun mill-anqas tliet kwarti minn l-ammont totali tal-klejms tal-kredituri li għandhom vot (§ 147 para. 1 KO).

FuqFuq

Jekk il-ftehim obbligatorju sussegwentement jiġi kkonfermat mill-qorti, id-debitur fallut jiġi eżentat mill-bqija tad-dejn tiegħu lil kredituri tal-falliment li jkun aktar mill-proporzjon miftiehem (§ 156 KO).

Il-proċedura tar-regolazzjoni tad-dejn

Jekk il-proċedura tar-regolazzjoni tad-dejn ma tasalx għal ftehim obbligatorju, l-assi tad-debitur jiġu stralċjati. Iżda d-djun jistgħu wkoll jinħafru bi skema ta’ ħlas jew inkella b’proċedura fejn jinġibdu flus biex ikun hemm opzjoni ta’ ħelsien mid-dejn ulterjuri [Abschöpfungsverfahren]. Skema ta’ ħlas tirreferi għal forma speċjali tal-proċedura tal-ftehim obbligatorju. Id-differenzi prinċipali bejniethom huma li l-iskeda ma tinvolvix ammont minimu legali, u li d-djun iridu jitħallsu fi żmien seba’ snin. Bħal fil-każ tal-ftehim obbligatorju kif ukoll fil-proċedura tal-ftehim, l-iskema ta’ ħlas trid tiġi aċċettata mill-istess maġġoranzi tal-kredituri.

Jekk il-kredituri ma japprovawx l-iskema ta’ ħlas, il-qorti trid tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni tad-debitur għall-proċedura biex id-djun jinġibdu, b’eżenzjoni mid-djun residwi (§ 200 para. 1 KO). L-approvazzjoni tal-kredituri m’hix neċessarja f’dan il-każ. Għall-ewwel, il-proċedura tapplika għall-parti li tista’ tiġi maqbuda. Id-debitur irid jalloka taħt il-kontroll ta’ amministratur maħtur mill-kredituri, l-ammont ekwivalenti għall-klejms fuq salarji għal seba’ snin. Il-proċedura tkun irnexxiet jekk id-debitur ikun jista’ jissodisfa mill-anqas 50% tal-klejms tal-kredituri fi żmien tliet snin, jew inkella mill-anqas 10% fi żmien seba’ snin, mill-qligħ ta’ l-istralċ ta’ l-assi tal-falliment kif ukoll mill-proċedura biex id-djun jinġibdu. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tiddikjara t-tmiem tal-proċedura biex id-djun jinġibdu u jagħti eżenzjoni mid-dejn residwu (§ 213 KO). Jekk id-djun ma jitħallsux fi żmien seba’ snin, il-qorti xorta tista’ tagħti eżenzjoni mid-dejn residwu, jew tissospendi xi deċiżjoni, jew ittawwal il-proċedura biex id-djun jitqiegħdu apparti għal mhux aktar minn tliet snin, dejjem skond il-prinċipju ta’ ekwità.

FuqFuq

Il-proċedura tal-ftehim

Jekk id-debitur ma jistax iħallas jew jekk ikollu dejn eċċessiv (ara Domanda 1 fuq), jew jekk ikun wasal biex jitlef il-kapaċità li jħallas, jista’ japplika biex tinfetaħ proċedura tal-ftehim. Ma’ l-applikazzjoni għal proċedura tal-ftehim, id-debitur irid jehmeż numru ta’ dokumenti (skeda ta’ l-assi, lista tal-kredituri u tad-debituri, il-bilanċi fiskali ta’ l-aħħar tliet snin, proposta għal ftehim, eċċ.). Minbarra l-onestà tad-debitur, kriterju ieħor li jrid ikun sodisfatt sabiex il-ftehim ikun aċċettat huwa proposta għal ħlas ta’ l-ammont minimu skond il-liġi, jiġifieri, 40% tal-klejms tal-kredituri fi żmien sentejn minn meta l-ftehim ikun ġie aċċettat.

Ġeneralment, ftehim irid jiġi aċċettat fi żmien 90 jum wara li tinfetaħ il-proċedura (§ 67 para. 1 Z 2 AO). Irid ikun hemm l-istess maġġoranzi bħal dawk stipulati fil-każ tal-ftehim obbligatorju (ara fuq). Il-ftehim irid ikun kkonfermat mill-qorti. Id-deċiżjoni fuq il-ftehim tiġi ppubblikata fil-fajl tal-falliment (§ 49 para. 3 AO).

Għall-aħħar fażi tal-proċedura jeżistu tliet opzjonijiet: kanċellazzjoni tal-proċedura mingħajr sorveljanza fuq id-debitur, kanċellazzjoni tal-proċedura b’sorveljanza minn amministratur jew it-tkomplija tal-proċedura tal-ftehim b’sorveljanza mill-amministratur ta’ l-assi.

9. X’inhuma r-regoli tal-proċedura ta’ l-istralċ?

Fil-prinċipju, l-amministratur ta’ l-assi jrid jiddisponi mill-affarijiet li huma parti mill-assi tal-falliment, b’mezz ta’ bejgħ fis-suq miftuħ barra mill-qorti. F’ċerti każijiet speċjali biss, l-amministratur ta’ l-assi jista’ applika fil-qorti tal-falliment għal irkant mill-qorti skond il-kodiċi ta’ l-infurzar [Executionsordnung].

FuqFuq

Fil-każ ta’ xi arranġamenti importanti, l-amministratur ta’ l-assi jrid l-ewwel iġib dikjarazzjoni mill-kumitat tal-kredituri (§ 114 para. 1 KO). Minbarra dan, l-amministratur ta’ l-assi jrid jiddikjara transazzjonijiet legali li jaqbżu l-valur ta’ EUR 100,000 lill-qorti tal-falliment, u dan mill-anqas tmint ijiem bil-quddiem. Il-qorti tista’ tipprojbixxi t-tkomplija ta’ dawn it-transazzjonijiet (§ 116 KO: il-konklużjoni ta’ ftehim, ir-rikonoxximent ta’ klejms litiġjużi ta’ separazzjoni u rkuprar, klejms għal drittijiet preferenzjali, u klejms għal kumpens, klejms litiġjużi fuq l-assi, l-iffajljar ta’ kawżi ta’ sfida, eċċ.). Minkejja l-valur tagħhom, ċerti transazzjonijiet legali jridu jiġu approvati mill-kumitat tal-kredituri u mill-qorti tal-falliment (§ 117 KO).

Bl-approvazzjoni tal-qorti tal-falliment, il-kumitat tal-kredituri jista’ jiddeċiedi, li ċerti klejms li ma jidhrux li ser jirnexxu, kif ukoll xi klejms b’relazzjoni għal affarijiet ta’ valur minimu, jitħallew għad-disponiment liberu tad-debitur (§ 119 para. 5 KO).

Minkejja l-istat fejn tkun waslet il-proċedura, il-kredituri tal-falliment iridu jiġu sodisfatti minnufih meta l-klejms tagħhom jiġu ffissati u dovuti (§ 124 para. 1 KO). Jekk l-assi tal-falliment m’humiex biżżejjed biex jissodisfaw il-klejms tal-falliment, l-amministratur ta’ l-assi jrid jinforma l-qorti tal-falliment b’dan immedjatament, u jżomm milli jissodisfa lill-kredituri tal-falliment. Dan jirriżulta f’ “falliment ġol-falliment” " (§ 124a KO).

Il-kredituri ma jistgħux jiġu sodisfatti qabel ma tkun saret il-laqgħa ġenerali eżaminatorja. Fil-prinċipju, l-amministratur ta’ l-assi jrid jibda d-distribuzzjoni wara li jkun ikkonsulta mal-kumitat tal-kredituri, u skond l-approvazzjoni mill-qorti tal-falliment dwar l-iskema tad-distribuzzjoni (§§ 128-130 KO). Regolamenti speċjali japplikaw għal klejms litiġjużi (§ 131 KO) u għal klejms li jkunu ġew reġistrati tard (§ 134 KO), kif ukoll għal kredituri tal-falliment li jkunu fl-istess ħin kredituri preferenzjali (§ 132 KO).

FuqFuq

10. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-egħluq tal-proċedura?

Il-proċedura tal-falliment

Il-proċedura tal-falliment tista’ tingħalaq meta l-qorti jkollha l-provi li d-distribuzzjoni finali tkun saret għal kollox, u fil-każ ta’ proċedura tal-ftehim obbligatorju (§ 139 para. 1 KO), meta tkun ġiet ikkonfermata skond il-liġi li l-klejms ta’ separazzjoni u rkuprar, il-kredituri preferenzjali, kif ukoll il-kredituri ta’ l-assi, ikunu ġew sodisfatti jew assigurati (§ 157 para. 1 KO). Il-proċedura tista’ wkoll tingħalaq meta skema ta’ ħlas tiġi kkonfermata skond il-liġi (§ 196 para. 1 KO) jew meta proċedura biex id-djun jinġibdu tiġi finalment istitwita (§ 200 para. 4 KO).

Minbarra dan, proċedura tal-falliment tingħalaq meta il-kredituri kollha ta’ l-assi u tal-falliment jagħtu l-approvazzjoni tagħhom (§ 167 para. 1 KO) jew meta matul il-proċedura tal-falliment jiġi stabbilit, li l-assi m’humiex biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż tal-proċedura tal-falliment (§ 166 KO).

L-egħluq tal-proċedura tal-falliment skond il-liġi jkollu dawn l-effetti speċifiċi:

  • Id-debitur fallut ta’ qabel jerġa’ jkollu l-kontroll totali tad-disponiment fir-rigward ta’ l-assi tiegħu (§ 59 KO), u l-poteri ta’ l-amministratur ta’ l-assi jintemmu.
  • Id-debitur fallut ta’ qabel jakkwista mill-ġdid il-kapaċità bla ebda restrizzjoni li  jħarrek u jiġi mħarrek. Fil-każ ta’ kawżi pendenti ssir bidla legali fil-partijiet, mill-assi għad-debitur fallut ta’ qabel.
  • Il-kredituri tal-falliment jistgħu jiftħu kawżi legali mingħajr restrizzjonijiet kontra d-debitur fallut ta’ qabel, biex jieħdu l-ammont tal-klejm tagħhom li kien jaqbeż l-ammont tal-falliment.

F’ċerti setturi jeżistu xi restrizzjonijiet amministrattivi (eż. skond Il-Kodiċi Industrijali [Gewerbeordnung]) jew restrizzjonijiet professjonali (eż. skond il-Kodiċi ta’ l-Avukati [Rechtsanwaltsordnung]) li jistgħu jillimitaw kemm id-debitur ikun jista’ jerġa’ jmexxi kumpanija. Sanzjonijiet legali jistgħu jkunu nfurzati fil-każ ta’ preġudizzju intenzjonat kontra l-kredituri.

Il-proċedura tal-ftehim

L-egħluq tal-proċedura jtemm ir-restrizzjonijiet legali skond il-ftehim u d-debitur jerġa’ jingħata d-dritt tad-disponiment liberu.

« Falliment - Informazzjoni Ġenerali | Awstrija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 02-04-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit