Kummissjoni Ewropea > NGE > Liġi applikabbli > Isvezja

L-aħħar aġġornament: 22-04-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Liġi applikabbli - Isvezja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

I. Sorsi tar-regoli fis-seħħ I.
I.1. Regoli nazzjonali I.1.
I.2. Konvenzjonijiet multilaterali I.2.
I.3. Konvenzjonijiet bilaterali I.3.
II. Applikazzjoni ta’ regoli dwar il-kunflitt fil-liġijiet II.
II.1. Il-Qrati jridu japplikaw ir-regoli dwar il-kunflitt fil-liġijiet b’inizjattiva tagħhom? II.1.
II.2. Renvoi II.2.
II.3. Bidla fil-fattur tal-konnessjoni II.3.
II.4. Politika pubblika u regoli internazzjonali mandatorji II.4.
II.5. Prova tal-liġi barranija II.5.
III. Regoli tal-għażla tal-liġijiet III.
III.1. Kuntratti III.1.
III.2. Obbligi mhux kuntrattwali III.2.
III.3. Stat personali III.3.
III.4. Paternità u adozzjoni III.4.
III.5. Żwieġ eċċ. u manteniment III.5.
III.6. Propjetà matrimonjali III.6.
III.7. Suċċessjoni, testmenti III.7.
III.8. Liġi tal-proprjetà III.8.
III.9. Xoljiment III.9.

 

I. Sorsi tar-regoli fis-seħħ

I.1. Regoli nazzjonali

Id-dritt internazzjonali privat fl-Iżvezja hu kodifikat biss parzjalment, u jikkonsisti f'taħlita ta' statuti u każistika. L-istatuti huma fil-biċċa l-kbira intenzjonati biex jagħtu effett għal konvenzjonijiet internazzjonali li minnhom tagħmel parti l-Iżvezja. Il-leġislazzjoni ewlenija hi din li ġejja:

Żwieġ u tfal

  • Kapitoli 3, Sezzjonijiet  4 u 6, tal-Att dwar Ċertu Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ u l-Kustodja (1904:26 s. 1).
  • Sezzjonijiet 9, 12 u 13 tal-Ordni dwar Ċertu Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u l-Kustodja (1931:429).
  • Sezzjoni 2 tal-Att dwar Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward tal-Adozzjoni (1971:796).
  • Sezzjonijiet 2, 3 u 6 tal-Att dwar Kwistjonijiet tal-Paternità Internazzjonali (1985:367).
  • Sezzjonijiet 3-5 tal-Att dwar Ċertu Kwistjonijiet Internazzjonali relatati mal-Propjetà tan-Nies Miżżewġa (1990:272).

Wirt

  • Sezzjonijiet 1-5, 7-19 u 21 tal-Att dwar il-Ġid ta' Ċittadini Daniżi, Finlandiżi, Iżlandiċi jew Norveġiżi li mietu li kellhom ir-Residenza Abitwali tagħhom fl-Iżvezja (1935:44).
  • Kapitolu 1 tal-Att dwar ir-Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward tal-Ġid ta' Persuni Mejta (1937:81).

Kuntratti u bejgħ

  • Sezzjonijiet 79-87 tal-Att dwar il-Kambjali (1932:130).
  • Sezzjonijiet 58-65 tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet (1932:131).
  • L-Att dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ tal-Oġġetti (1964:528).
  • Sezzjonijiet 25a, 31a u 42 tal-Att dwar il-ko-determinazzjoni fix-xogħol (1976:580).
  • L-Att dwar il-Liġi Applikabbli għal Ċertu Kuntratti tal-Assigurazzjoni (1993:645).
  • Kapitolu 13, Sezzjoni 2, tal-Att dwar il-Bastimenti Merkantili (1994:1009).
  • Sezzjoni 13 tal-Att dwar Kundizzjonijiet Kuntrattwali f'Relazzjonijiet mal-Konsumatur (1994:1512).
  • Sezzjoni 18 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Propjetà f'Time-share (1997:218).
  • L-Att dwar il-Liġi applikabbli għal Obbligi Kuntrattwali (1998:167).
  • Kapitolu 5, Sezzjoni 2, tal-Att dwar Bejgħ mill-Bogħod u Bejgħ minn Bieb għal Bieb (2005:59).

Kumpens għal dannu fiżiku

FuqFuq

  • Sezzjonijiet 8, 14 u 38 tal-Att dwar Dannu Fiżiku minn Aċċidenti fit-Toroq (1975:1410).
  • Sezzjoni 1 tal-Att (1972:114) b'rabta mal-Konvenzjoni tad-9 ta' Frar 1972 bejn l-Iżvezja u n-Norveġja dwar il-Mergħa tar-Renna.
  • Sezzjoni 1 tal-Att (1974:268) b'rabta mal-Konvenzjoni tal-Protezzjoni Ambjentali tad-19 ta' Frar 1974 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Iżvezja.

I.2. Konvenzjonijiet multilaterali

L-Iżvezja tagħmel parti minn dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali li ġejjin li jistabilixxu regoli dwar il-liġi applikabbli. L-Iżvezja tieħu avviċinament dualistiku għat-trattati internazzjonali, u dawn il-konvenzjonijiet multilaterali ġew ukoll mogħtija effett mil-leġislazzjoni domestika: ara hawn fuq.

Il-Lega tan-Nazzjonijiet

  • Il-Konvenzjoni tal-1930 għar-Risolviment ta' Ċertu Kunflitti fil-Liġijiet marbuta mal-Kambjali u Noti ta' Wegħda tal-Ħlas.
  • Il-Konvenzjoni tal-1931 dwar ir-Risolviment ta' Ċertu Kunflitti fil-Liġijiet marbuta maċ-Ċekkijiet.

Il-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat

  • Il-Konvenzjoni tal-1955 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ Internazzjonali tal-Oġġetti.
  • Il-Konvenzjoni tal-1961 dwar il-Kunflitt fil-Liġijiet relatat mal-Forma ta' Dispożizzjonijiet Testamentari.

UE

  • Il-Konvenzjoni tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali.

Konvenzjonijiet Nordiċi

  • Il-Konvenzjoni tal-1931 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja li tistabilixxi Regoli tad-Dritt Internazzjonali Privat dwar il-Liġi, l-Adozzjoni u l-Kustodja (emendata l-aħħar b'konvenzjoni li temenda tal-2001).
  • Il-Konvenzjoni tal-1934 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja dwar is-Suċċessjoni, it-Testmenti u l-Amministrazzjoni tal-Ġid (emendata l-aħħar b'konvenzjoni li temenda tal-1975).
  • Il-Konvenzjoni Ambjentali tal-1974 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja.

I.3. Konvenzjonijiet bilaterali

  • Il-Konvenzjoni tal-1972 bejn l-Iżvezja u n-Norveġja dwar il-Mergħa tar-Renna.

II. Applikazzjoni ta’ regoli dwar il-kunflitt fil-liġijiet

II.1. Il-Qrati jridu japplikaw ir-regoli dwar il-kunflitt fil-liġijiet b’inizjattiva tagħhom?

M’hemm l-ebda regola fil-liġi Żvediża li tirrikjedi li l-qorti tapplika liġi barranija b’inizjattiva tagħha. Din il-mistoqsija ġiet indirizzata l-iżjed fil-każistika, u jidher li hemm qasma bejn proċeduri mhux obbligatorji (dispositiva mål), jiġifieri proċeduri fuq kwistjonijiet li fihom il-partijiet huma liberi li jirrisolvuhom bi ftehim, u proċeduri mandatorji (indispositiva mål), jiġifieri proċeduri fuq kwistjonijiet li jistgħu jiġu deċiżi biss minn qorti. Fi proċeduri tat-tip mhux obbligatorju, jidher li waħda mill-partijiet trid tkun invokat il-liġi barranija qabel ma din tkun tista’ tiġi applikata. Kien hemm ħafna każijiet b’element barrani ċar li fihom ġiet applikata l-liġi Żvediża mingħajr ebda kwistjoni peress li l-ebda parti ma kienet invokat il-liġi barranija. Fi proċeduri tat-tip mandatorju, mill-banda l-oħra, li jinvolvu d-determinazzjoni tal-paternità, per eżempju, kien hemm każijiet fejn il-qrati applikaw liġi barranija minn jeddhom.

FuqFuq

II.2. Renvoi

L-avviċinament normalment meħud f’każ ta’ renvoi fid-dritt privat internazzjonali Żvediż hu negattiv. Madankollu, teżisti eċċezzjoni f’Sezzjoni 79(2) tal-Att dwar il-Kambjali u Sezzjoni 58(2) tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet, fir-rigward tal-kapaċità taċ-ċittadini barranin li jidħlu fi transazzjonijiet li jinvolvu kambjali jew ċekkijiet. Ir-raġuni hi li dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq konvenzjonijiet internazzjonali. Hemm eċċezzjonijiet oħra f’Sezzjoni 9(2) tal-Att dwar l-Effetti tax-Xoljiment li jseħħ f’pajjiż ieħor Nordiku (1981:7) u Sezzjonijiet 5-7 tal-Att dwar il-Liġi Applikabbli għal Ċertu Kuntratti tal-Assigurazzjoni (1993:645). Fl-aħħarnett, fejn tidħol il-validità formali taż-żwieġ, renvoi hu rikonoxxut f’Sezzjoni 1(7) tal-Att dwar Ċertu Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ u l-Kustodja (1904:26 s. 1).

II.3. Bidla fil-fattur tal-konnessjoni

Id-dritt internazzjonali privat Żvediż m’għandux regola ġenerali dwar l-effett tal-bidla fil-fattur tal-konnessjoni: il-kwistjoni hi regolata b’mod speċifiku f’kull statut separat. Per eżempju, Sezzjoni 4(1) tal-Att dwar Ċertu Kwistjonijiet Internazzjonali relatati mal-Propjetà tan-Nies Miżżewġa (1990:272) tgħid li “Jekk il-liġi applikabbli ma tkunx ġiet determinata bi ftehim, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-Istat fejn il-miżżewġin stabilixxew ir-residenza abitwali tagħhom (hemvist) meta żżewwġu”, u Sezzjoni 4(2) tal-istess Att tgħid li “Jekk iż-żewġ miżżewġin sussegwentament stabbilixxew ir-residenza abitwali tagħhom fi stat ieħor u għexu hemm għal mill-inqas sentejn, għandha tapplika l-liġi ta’ dak l-Istat”.

FuqFuq

II.4. Politika pubblika u regoli internazzjonali mandatorji

Hu meqjus bħala prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali privat Żvediż li dispożizzjoni tal-liġi barranija m’għandhiex tiġi applikata jekk l-applikazzjoni tagħha tkun manifestament inkompatibbli mal-aspetti fundamentali tas-sistema legali f’dan il-pajjiż. Dispożizzjonijiet ta’ din ix-xorta jistgħu jinstabu f’ħafna leġislazzjoni tad-dritt internazzjonali privat. Iżda wieħed m’għandux jiġbed konklużjoni li restrizzjoni tal-politika pubblika tirrikjedi bażi fil-leġislazzjoni. Kien hemm verament ftit sentenzi li jgħidu li liġi barranija ma setgħetx tiġi applikata fuq il-bażi tal-politika pubblika. 

Li jiġi determinat liema regoli tal-liġi Żvediża huma mandatorji internazzjonalment hi normalment kwistjoni għall-ġudikatura.

II.5. Prova tal-liġi barranija

Jekk il-qorti ma tkunx familjari mal-kontenut tal-liġi barranija li tqis li għandha tiġi applikata, hemm żewġ toroq x’tista’ tieħu. Jew tagħmel investigazzjoni hi stess, jew tistaqsi lil xi parti biex tipproduċi l-informazzjoni meħtieġa. Liema alternattiva tiġi magħżula hi kwistjoni ta’ espedjenza. Jekk il-qorti tiddeċiedi li tinvestiga l-kwistjoni hi stess, tista’ ġġib l-assistenza tal-Ministeru tal-Ġustizzja. B’mod ġenerali, il-qorti se tassumi rwol iżjed attiv fi proċeduri mandatorji milli fi proċeduri mhux obbligatorji (ara hawn fuq); fi proċeduri mhux obbligatorji tista’ tħalli l-biċċa l-kbira tal-investigazzjoni f’idejn il-partijiet.

FuqFuq

III. Regoli tal-għażla tal-liġijiet

III.1. Kuntratti

L-Iżvezja tagħmel parti mill-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi Kuntrattwali. Regoli oħra tal-liġi japplikaw f’ċertu oqsma.

Il-bejgħ ta’ oġġetti hu rregolat bl-Att dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ tal-Oġġetti (1964:528), li tinkorpora fil-liġi domestika l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1955 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ Internazzjonali tal-Oġġetti. L-Att hu bbażat fuq ir-regoli fil-Konvenzjoni ta’ Ruma. Madankollu, dan ma jkoprix kuntratti tal-konsumatur. Sezzjoni 3 tippermetti li x-xerrej u l-bejjiegħ jiddeterminaw il-liġi applikabbli bi ftehim. Sezzjoni 4 tgħid li jekk il-partijiet ma jkunux għażlu l-liġi applikabbli, il-liġi li tapplika hi dik tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-bejjiegħ. Teżisti eċċezzjoni għal din ir-regola jekk il-bejjiegħ ikun aċċetta l-ordni fil-pajjiż tar-residenza abitwali tax-xerrej, u għal xirjiet f’każ ta’ tpartit jew f’irkant.

Teżisti eċċezzjoni oħra mir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għal ċertu kuntratti tal-konsumatur. F’Sezzjoni 13 tal-Att dwar il-Kundizzjonijiet Kuntrattwali f’Relazzjonijiet mal-Konsumatur (1994:1512), Sezzjoni 18 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta’ propjeta f’Time-share (1997:218) u Sezzjoni 5(2) tal-Att dwar Bejgħ mill-Bogħod u Bejgħ minn Bieb għal Bieb (2005:59) jeżistu regoli speċjali mmirati lejn il-protezzjoni tal-konsumaturi minn klawżoli tal-għażla tal-liġi. Dawn jgħidu li taħt ċertu kundizzjonijiet il-liġi ta’ pajjiż tal-EEA għandu jiġi applikat jekk din tipprovdi protezzjoni aħjar għall-konsumatur.

FuqFuq

Jeżistu regoli speċifiċi għal kambjali u ċekkijiet f’Sezzjonijiet 79-87 tal-Att dwar il-Kambjali (1932:130) u Sezzjonijiet 58-65 tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet (1932:131). Dawn huma bbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1930 dwar ir-Risolviment ta’ Ċertu Kunflitti fil-Liġijiet marbuta ma’ Kambjali u Noti ta’ Wegħda tal-Ħlas u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1931 dwar ir-Risolviment ta’ Ċertu Kunflitti fil-Liġijiet marbuta maċ-Ċekkijiet.

Xi kuntratti tal-assigurazzjoni tal-ħajja u kuntratti tal-assigurazzjoni oħra huma gvernati mill-Att dwar il-Liġi Applikabbli għal Ċertu Kuntratti tal-Assigurazzjoni (1993:645).

III.2. Obbligi mhux kuntrattwali

Il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali mhix regolata ġeneralment bil-leġislazzjoni. Fis-sentenza fil-każ b’ref. NJA 1969 s. 163 ġie deċiż li fi kwistjonijiet mhux kuntrattwali r-responsabbiltà biex jiġi kkumpensat id-dannu kellha tiġi determinata skont il-liġi tal-pajjiż fejn twettqet l-azzjoni li kkawżat id-dannu (il-lex loci delicti). F’dak il-każ ma ġiex ikkunsidrat il-fatt li l-person li kkawżat id-dannu u l-persuna li sofriet id-dannu kellhom l-istess residenza abitwali. M’hemmx sentenzi li jistgħu jwieġbu din id-domanda dwar liema liġi ta’ liema pajjiż għandha tapplika meta l-azzjoni li tikkawża d-dannu tkun twettqet f’pajjiż ieħor minbarra dak fejn id-dannu dirett ikun sar.

III.3. Stat personali

Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż il-fattur tal-konnessjoni deċiżiv biex jistabilixxi l-istat personali tradizzjonalment kien in-nazzjonalità. Iżda issa tant hemm każijiet fejn in-nazzjonalità kellha tagħti preċedenza lir-residenza abitwali bħala l-fattur tal-konessjoni deċiżiv li hu dubjuż kemm wieħed jista’ jibqa’ jitkellem dwar fattur tal-konnessjoni wieħed għal stat personali. Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż, “stat personali” tinftiehem li fiha essenzjalment mistoqsijiet dwar il-kapaċità legali u l-isem.

FuqFuq

Taħt Kapitolu 1, Sezzjoni 1, tal-Att dwar Ċertu Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ u l-Kustodja (1904:26 s. 1), il-kapaċità li tiżżewweġ quddiem awtorità Żvediża bħala prinċipju għandha tiġi stabbilita skont il-liġi Żvediża jekk xi waħda mill-partijiet hi ċittadina Żvediża jew hi abitwalment residenta fl-Iżvezja. Regoli simili japplikaw fil-qafas Nordiku taħt Sezzjoni tal-Ordni  dwar Ċertu Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u l-Kustodja (1931:429).

Hemm regoli speċjali dwar il-kustodja u l-kurazija f’Kapitoli 4 u 5 tal-Att dwar Ċertu Kwistjonijiet Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ u l-Kustodja (1904:26 s. 1) u f’Sezzjonijiet 14-21a tal-Ordni  dwar Ċertu Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u l-Kustodja (1931:429).

Taħt Kapitoli 1, Sezzjoni 3, tal-Att dwar Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward tal-Ġid ta’ Persuni Mejta (1937:81), il-kapaċità li tagħmel jew li tħassar testment hi rregolata mil-liġi tal-pajjiż ta’ fejn hu ċittadin it-testatur.

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ liema liġi hi applikabbli għall-kapaċità li tagħmel kuntratt, tweġiba parzjali tinsab provduta f’Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Il-kapaċità li wieħed jidħol fi transazzjonijiet li jinvolvu kambjali jew ċekkijiet hi rregolata minn regoli speċjali f’Sezzjoni 79 tal-Att dwar il-Kambjali u Sezzjoni 58 tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet.

Teżisti regola speċjali dwar il-kapaċità li tħarrek u li tiġi mħarrek f’Kapitolu 11, Sezzjoni 3, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja, li tgħid li barrani li f’pajjiżu ma jistax ikun involut fi proċeduri legali jista’ madankollu jagħmel hekk fl-Iżvezja jekk għandu l-kapaċità skont il-liġi Żvediża.

FuqFuq

Id-dritt internazzjonali privat Żvediż jikkunsidra li kwistjonijiet tal-isem jaqgħu taħt l-istat personali. Dan ifisser, per eżempju, li meta waħda mill-partijiet fiż-żwieġ tieħu l-isem tal-parti l-oħra, dan mhux klassifikat bħala kwistjoni tal-effetti legali taż-żwieġ fl-isfera personali. Skont Sezzjoni 50 tal-Att dwar l-Ismijiet Personali (1982:670), l-Att ma japplikax għal ċittadini Żvediżi li huma abitwalment residenti fid-Danimarka, in-Norveġja jew il-Finlandja; jista’ jiġi konkluż a contrario li allura dan japplika għal ċittadini Żvediżi li jinsabu band’oħra. Sezzjoni 51 tgħid li l-Att japplika wkoll għal ċittadini barranin li huma abitwalment residenti fl-Iżvezja.

III.4. Paternità u adozzjoni

Il-liġi sostantiva Żvediża ma tiddistingwix bejn ulied leġittimi u illeġittimi, u d-dritt internazzjonali privat Żvediż m’għandux regoli speċifiċi għall-għażla tal-liġi li jiddeterminaw jekk wild għandux jitqies li twieled fiż-żwieġ jew barra miż-żwieġ, jew jekk wild jistax jiġi leġitimatizzat wara.

Fir-rigward tal-liġi applikabbli biex tiġi stabbilita l-paternità, jeżistu regoli differenti għall-preżunzjoni tal-paternità minn qorti tal-ġustizzja. Il-preżunzjoni tal-paternità hi rregolata minn Sezzjoni 2 tal-Att dwar il-Kwistjonijiet tal-Paternità Internazzjonali (1985:367). Din tipprovdi li raġel li hu miżżewweġ jew li kien miżżewweġ lill-omm il-wild jitqies li hu missier il-wild jekk din hi l-konsegwenza tal-liġi tal-Istat fejn il-wild sar abitwalment residenti mat-twelid, jew, fejn il-liġi ma tqis lil ħadd bħala l-missier, jekk tkun konsegwenza tal-liġi ta’ Stat fejn il-wild sar ċittadin mat-twelid. Jekk ir-residenza abitwali tal-wild mat-twelid kienet fl-Iżvezja, madankollu, il-kwistjoni dejjem se tiġi deċiża skont il-liġi Żvediża. Jekk il-paternità għandha tiġi stabbilita fil-qorti, il-qorti se tapplika l-liġi tal-pajjiż fejn il-wild kien abitwalment residenti fiż-żmien meta ngħatat is-sentenza tal-prim istanza.

FuqFuq

Taħt Sezzjoni 2(1) tal-Att dwar ir-Relazzjonijiet Legali Internazzjonali marbuta mal-Adozzjoni (1971:796), qorti Żvediża li tkun qed tikkunsidra applikazzjoni għall-adozzjoni għandha tapplika l-liġi Żvediża. Sezzjoni 2(2) tgħid, madankollu, li jekk l-applikazzjoni jkollha x’taqsam ma’ minuri taħt it-18 –il sena, il-qorti għandha tikkunsidra jekk l-applikant jew il-minuri huwiex konness mal-Istat barrani permezz taċ-ċittadinanza, ir-residenza abitwali jew xi ħaġa oħra, u jekk dan jistax iwassal biex jikkawża diffikultà għall-minuri jekk l-adozzjoni ma tkunx rikonoxxuta f’dak il-pajjiż.

Fir-rigward tal-effetti legali tal-adozzjoni, meta ordni tal-adozzjoni barranija tkun valida fl-Iżvezja, il-minuri adottat jitqies bħala t-tifel tal-ġenitur adottiv fi żwieġ Żvediż għall-finijiet ta’ kustodja, kura u manteniment. Fil-każ ta’ suċċessjoni, madankollu, il-liġi tirrikjedi trattament ugwali bejn tfal adottati u t-tfal naturali tal-ġenitur adottiv f’każ biss li l-adozzjoni tkun saret fl-Iżvezja. Jekk l-adozzjoni tkun saret barra mill-pajjiż, il-jedd tat-tifel adottat li jiret se jitqies skont il-liġi li tirregola b’mod ġenerali l-jedd għall-wirt, jiġifieri l-liġi tal-pajjiż taċ-ċittadinanza.

III.5. Żwieġ eċċ. u manteniment

Fir-rigward tal-kapaċità li tiżżewweġ, are punt 3.3 hawn fuq. Żwieġ jitqies li hu validu fil-forma jekk ikun validu fil-pajjiż fejn ġie ċelebrat (Kapitolu 1, Sezzjoni 7, tal-Att dwar Ċertu Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ u l-Kustodja (1904:26 s. 1)).

FuqFuq

L-effetti legali taż-żwieġ jistgħu jinqasmu f'żewġ kategoriji ewlenin, dawk fl-isfera personali u dawk relatati mal-propjetà tal-miżżewġin. L-effett ewlieni taż-żwieġ f'termini personali hu li l-miżżewġin għandhom obbligu reċiproku li jmantnu lil xulxin. Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż, kwistjonijiet dwar il-jedd tal-miżżewġin li jirtu, il-ksib tal-isem tal-parti l-oħra fiż-żwieġ jew l-obbligu li jmantnu t-tfal tal-parti l-oħra fiż-żwieġ ma jitqisux bħala effetti legali taż-żwieġ, u l-liġi applikabbli hi determinata mir-regoli dwar l-għażla tal-liġi li jirregolaw il-wirt, l-ismijiet personali eċċ.

Il-kwistjoni ta' liema liġi hi applikabbli fil-manteniment tal-miżżewġin m'hijiex regolata mil-liġi. Il-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-parti fiż-żwieġ intitolata għall-manteniment ġiet applikata f'każijiet fejn il-miżżewġin kellhom ir-residenza abitwali tagħhom flimkien f'dak il-pajjiż tul iż-żwieġ tagħhom. Il-Qorti Suprema għadha ma ddeċidietx il-kwistjoni dwar liema liġi hi applikabbli meta l-persuna ntitolata għall-manteniment tkun imxiet lejn pajjiż ieħor, iżda jeżistu deċiżjonijiet tal-qortijiet tal-appell li juru l-intenzjoni li tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż li fih tkun marret dik il-persuna. Ftehim dwar il-liġi applikabbli ġie rispettat f'każijiet fejn il-ftehim ġie konkluż wara li tkun qamet it-tilwima.

Fi kwistjonijiet ta' divorzju, Kapitolu 3, Sezzjoni 4(1), tal-Att dwar Ċertu Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ u l-Kustodja (1904:26 s. 1) tindika li l-qrati Żvediżi għandhom japplikaw il-liġi Żvediża. Sezzjoni 4 (2) tagħmel eċċezzjoni jekk iż-żewġ miżżewġin huma ċittadini barranin u l-ebda wieħed jew waħda minnhom ma kien abitwalment residenti fl-Iżvezja għal mill-inqas sena.

FuqFuq

Il-liġi sostantiva Żvediża ma tikkontemplax l-istituzzjonijiet legali tas-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, u m'hemmx regoli dwar l-għażla tal-liġi applikabbli b'mod ġenerali li jistgħu japplikaw f'dawn il-każijiet. Fejn jidħlu l-pajjiżi Nordiċi, Sezzjoni 9 tal-Ordni dwar Ċertu Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u l-Kustodja (1931:429) tgħid li f'każijiet ta' separazzjoni legali l-qorti għandha tapplika l-liġi tagħha.

Taħt Kapitoli 3, Sezzjoni 1, tal-Att dwar is-Sħubijiet Reġistrati (1994:1117), sħubija bejn żewġ persuni tal-istess sess għandha l-istess effetti legali bħaż-żwieġ. Kapitolu 3, Sezzjoni 4, madankollu, jagħmel eċċezzjoni fil-każ tal-applikazzjoni tal-Ordni diġà msemmija hawnhekk, l-Ordni dwar Ċertu Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u l-Kustodja (1931:429).

III.6. Propjetà matrimonjali

Il-liġi applikabbli għal propjetà ta’ nies miżżewġa hi l-Att dwar Ċertu Kwistjonijiet Internazzjonali relatati mal-Propjetà tan-Nies Miżżewġa (1990:272). Sezzjoni 3 tal-Att tippermetti li nies miżżewġa jew koppji li jkunu qed jaħsbu biex jiżżewġu jagħmlu ftehim bil-miktub li fih jipprovdu li r-reġim tal-propjetà matrimonjali tagħhom se tiġi rregolata mil-liġi tal-pajjiż li fih wieħed minnhom hu abitwalment residenti jew li tiegħu hu ċittadin fiż-żmien meta l-ftehim jiġi konkluż.

Jekk il-miżżewġin ma jkunux daħlu fi ftehim validu dwar l-għażla tal-liġi, Sezzjoni 4 tal-Att tgħid li l-liġi applikabbli hi l-liġi tal-pajjiż fejn il-miżżewġin jistabilixxu r-residenza abitwali tagħhom wara ż-żwieġ. Jekk it-tnejn li huma sussegwentament iwaqqfu r-residenza abitwali tagħhom f’pajjiż ieħor, u jgħixu hemm għal mill-inqas sentejn, il-liġi ta’ dak il-pajjiż għandha tapplika minflok. Iżda jekk iż-żewġ miżżewġin ikunu diġà abitwalment residenti f’dak l-Istat waqt iż-żwieġ, jew jekk it-tnejn li huma jkunu ċittadini ta’ dak l-Istat, il-liġi ta’ dak l-Istat għandha tiġi applikata minn dak il-mument li jistabilixxu r-residenza abitwali tagħhom hemmhekk.

FuqFuq

Sezzjoni 5 tal-Att tgħid li ftehim dwar l-għażla tal-liġi jkun validu jekk ikun konsistenti mal-liġi applikabbli għall-propjetà tal-miżżewġin meta sseħħ it-transazzjoni. Jekk il-ftehim dwar l-għażla tal-liġi jiġi konkluż qabel iż-żwieġ, dan ikun validu jekk ikun konsistenti mal-liġi li ssir applikabbli meta l-koppja tiżżeweġ. Ftehim dwar l-għażla tal-liġi hu validu fil-forma tiegħu jekk ikun jissodisfa r-rekwiżiti formali tal-liġi fl-Istat fejn ikun ġie konkluż jew li fih ikunu abitwalment residenti l-miżżewġin.

Għal każijiet Nordiċi jeżistu regoli speċjali stabbiliti fl-Ordni dwar Ċertu Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u l-Kustodja (1931:429).

III.7. Suċċessjoni, testmenti

Kapitolu 1, Sezzjoni 1(1), tal-Att dwar ir-Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward tal-Ġid ta’ Persuni Mejta (1937:81) tgħid li l-jedd għall-wirt għandu jiġi valutat biss taħt il-liġi tal-pajjiż li tiegħu l-mejjet kien ċittadin fiż-żmien tal-mewt tiegħu. Din hi l-liġi li tirregola dawk l-affarijiet fosthom min hu intitolat li jiret, x’għandu jkun is-sehem tiegħu fil-ġid, u jekk hemmx porzjonijiet statutorji. Id-dritt ta’ eredi għall-manteniment iżjed mis-sehem tiegħu tal-wirt hu bl-istess mod soġġett għal-liġi li tirregola s-suċċessjoni.

Taħt Kapitolu 1, Sezzjoni 8, tal-Att dwar ir-Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward tal-Ġid ta’ Persuni Mejta (1937:81) il-kwistjoni ta’ jekk rigal għandux jitqies bħala oġġett mogħti bil-quddiem bħala parti mill-wirt għandha tiġi deċiża skont il-liġi tal-pajjiż li tiegħu l-mejjet kien ċittadin fiż-żmien meta ngħata r-rigal. Bl-istess mod, Kapitolu 7 tal-Att jipprovdi li kwistjonijiet relatati ma’ kemm għandu saħħa ftehim mal-mejjet dwar is-suċċessjoni fil-futur u ma’ rigali mogħtija b’kontemplazzjoni għall-mewt għandhom jiġu deċiżi skont il-liġi tal-pajjiż li fih il-mejjet kien ċittadin fiż-żmien meta seħħet it-transazzjoni.

FuqFuq

Kapitolu 1, Sezzjoni 9, tal-Att jindika li l-kwistjoni sa kemm persuna għandha l-kapaċità li tiret għandha tiġi deċiża skont il-liġi tal-pajjiż li fih il-persuna hi ċittadina.

Taħt Kapitolu 1, Sezzjoni 3, tal-Att, il-kapaċità li tagħmel jew li tħassar testment għandha tiġi determinata bil-liġi tal-pajjiż li tiegħu t-testatur kien ċittadin fiż-żmien meta seħħet it-transazzjoni.

Kapitolu 1, Sezzjoni 4, tgħid li t-testmenti huma meqjusa bħala validi fil-forma tagħhom jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti formali tal-liġi tal-post fejn ikun sar it-testment jew tal-post ta’ fejn it-testatur kien ċittadin meta għamel it-testment jew meta miet. Meta t-testment jitratta ma’ propjetà immobbli, dan jitqies ukoll bħala validu fil-forma tiegħu jekk ikun jissodisfa r-rekwiżiti formali tal-liġi tal-post fejn tkun tinsab l-propjetà immobbli. L-istess jgħodd għat-tħassir tat-testmenti. Din id-dispożizzjoni timplimenta l-Konvenzjoni tal-Aja 1961 dwar il-Kunflitt fil-Liġijiet relatati mal-Forma ta’ Dispożizzjonijiet Testamentari. 

Kapitolu 1, Sezzjoni 5, tal-Att jgħid li l-validità tas-sustanza ta’ testment għandha tiġi determinata skont il-liġi tal-pajjiż li fih it-testatur kien ċittadin fiż-żmien tal-mewt tiegħu. Taħt Kapitolu 1, Sezzjoni 6 tal-Att, l-istess ikun jgħodd għall-kwistjoni meta t-testment ma jkunx validu fuq bażi ta’ insanità, frodi, ġegħil jew influwenza oħra mhux xierqa.

Jeżistu regoli speċjali li jirregolaw każijiet Nordiċi fl-Att dwar il-Ġid ta’ Ċittadini Daniżi, Finlandiżi, Iżlandiċi jew Norveġiżi li mietu li kellhom ir-Residenza Abitwali tagħhom fl-Iżvezja (1935:44).

FuqFuq

III.8. Liġi tal-proprjetà

Fil-liġi tal-propjetà jeżistu biss regoli bil-miktub dwar l-għażla tal-liġi għal ċertu każijiet li jinvolvu vapuri u inġenji tal-ajru, strumenti finanzjarji u oġġetti kulturali mneħħija b’mod illegali, u għal ċertu sitwazzjonijiet regolati mill-Konvenzjoni tal-Falliment Nordiku u r-Regolament tax-Xoljiment tal-KE.

L-effetti fil-liġi tal-propjetà ta’ xiri jew self b’ipoteka ta’ propjetà mobbli jew immobbli, per eżempju, għandhom jiġu determinati skont il-liġi tal-pajjiż li fih tkun tinsab il-propjetà fiż-żmien tax-xiri jew tas-self b’ipoteka. Dik il-liġi tiddetermina n-natura ta’ kwalunkwe drittijiet tal-propjetà, kif id-drittijiet tal-propjetà jibdew u jintemmu, liema rekwiżiti formali jista’ jkun hemm u xi drittijiet mill-propjetà wieħed ikollu kontra terzi partijiet.

Fejn jidħlu drittijiet tas-sigurtà barranin, hu stabbilit fil-każistika li jekk fiż-żmien li d-dritt tas-sigurtà jkun beda jeżisti l-bejjiegħ kien jaf li l-propjetà kellha tittieħed l-Iżvezja, u d-dritt tas-sigurtà ma jkunx validu l-Iżvezja, il-bejjiegħ kellu l-obbligu li jikseb sigurtà li tissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi Żvediża. Barra minn hekk, dritt tas-sigurtà barrani m’għandux jingħata effett legali la darba ż-żmien ikun għadda minn meta l-propjetà nġiebet lejn l-Iżvezja. Hu meqjus li l-kreditur barrani kellu żmien biex jew jikseb sigurtà mill-ġdid jew jirkupra d-dejn.

III.9. Xoljiment

F’xoljiment Żvediż, il-liġi Żvediża hi applikabbli għall-proċeduri nfushom u għal kwistjonijiet oħra fosthom il-kondizzjonijiet biex jinbdew il-proċeduri.

Jeżistu regoli speċjali għal kwistjonijiet li jinvolvu Stati Membri tal-UE f’Regolament Nru 1346/2000 dwar il-proċeduri tax-xoljiment.

« Liġi applikabbli - Informazzjoni Ġenerali | Isvezja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 22-04-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit