Kummissjoni Ewropea > NGE > Liġi applikabbli > Spanja

L-aħħar aġġornament: 09-10-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Liġi applikabbli - Spanja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. L-GĦEJUN TAR-REGOLI FIS-SEĦĦ 1.
1.1. IR-REGOLI NAZZJONALI 1.1.
1.2. IL-KONVENZJONIJIET INTERNAZZJONALI MULTILATERALI FIS-SEĦĦ 1.2.
1.3. IL-KONVENZJONIJIET BILATERALI PRINĊIPALI FIS-SEĦĦ 1.3.
2. L-IMPLEMENTAZZJONI TAR-REGOLI DWAR IL-KONFLITT TAL-LIĠIJIET 2.
2.1. L-obbligu ta’ l-imħallef li j/tapplika r-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet minn jeddu/jeddha? 2.1.
2.2. Renvoi 2.2.
2.3. Tibdil fil-fattur tal-konnessjoni 2.3.
2.4. L-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli tal-konflitt 2.4.
2.5. Il-prova tal-liġi barranija 2.5.
3. IR-REGOLI DWAR IL-KONFLITT TAL-LIĠIJIET 3.
3.1. L-obbligi kuntrattwali u l-atti legali 3.1.
3.2. L-obbligi mhux kuntrattwali (tort u delitti, arrikkiment inġust, negotiorum gestio, eċċ.) 3.2.
3.3. L-istat personali, l-aspetti tiegħu relatati ma’ l-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità) 3.3.
3.4. L-istabbiliment tar-relazzjoni ġenituri-ulied, inkluża l-adozzjoni 3.4.
3.5. Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin, l-isħubiji, id-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja, l-obbligi tal-manteniment 3.5.
3.6. Ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali 3.6.
3.7. It-testmenti u s-suċċessjonijiet 3.7.
3.8. Il-beni immobbli 3.8.
3.9. L-insolvenza 3.9.

 

1. L-GĦEJUN TAR-REGOLI FIS-SEĦĦ

1.1. IR-REGOLI NAZZJONALI

L-għejun ta’ l-ordni legali Spanjol huma l-liġi, l-użanzi, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi. Id-dispożizzjonijiet li jikkontradixxu dispożizzjoni ta’ livell ogħla ma jgħoddux. L-użanza tgħodd biss jekk ma hemm ebda liġi applikabbli u kemm-il darba ma tkunx kontra l-moralità u l-ordni pubblika u tkun stabbilita. Il-prinċipji ġenerali tal-liġi jgħoddu fin-nuqqas ta’ liġi jew użanza, mingħajr preġudizzju għar-rwol tagħhom li jinfurmaw l-ordni legali. L-ordni legali huwa kompletat mill-ġurisprudenza li hija stabbilita b’mod konsistenti mill-Qorti Suprema meta tinterpreta u tapplika l-liġi, l-użanzi u l-prinċipji ġenerali tal-liġi.

1.2. IL-KONVENZJONIJIET INTERNAZZJONALI MULTILATERALI FIS-SEĦĦ

  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/00
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 English - español - français PDF File (PDF File 105 KB)
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 English - español - français PDF File (PDF File 200 KB)
  • 2201/03 English - español - français PDF File (PDF File 227 KB)
  • Il-Konvenzjoni ta' Lugano tas-16 ta' Settembru 1988
  • Il-Ftehim Ewropew dwar it-trażmissjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali, Strasburgu, 27 ta' Jannar 1977
  • Il-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 (in-notifika tad-dokumenti)
  • Il-Konvenzjoni ta' l-Aja tat-18 ta' Marzu 1970 (il-provi)
  • Il-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 (l-aċċess għall-ġustizzja)
  • Il-Konvenzjoni ta' l-Aja ta' l-24 ta' Ottubru 1956 (il-manteniment ta' l-ulied)
  • Il-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-15 ta' April 1958 (l-infurzar tal-manteniment ta' l-ulied)
  • Il-Konvenzjoni ta' l-Aja tat-2 ta' Ottubru 1973 (ir-rikonoxximent u l-infurzar tal-manteniment)
  • Il-Konvenzjoni ta' l-Aja tat-2 ta' Ottubru 1973 (il-liġi applikabbli għall-manteniment)
  • Il-Konvenzjoni ta' l-Aja ta' l-1 ta' Marzu 1954 (il-proċedura ċivili)
  • Il-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 (il-ħtif tat-tfal)
  • Il-Konvenzjoni tal-Lussemburgu ta' l-20 ta' Mejju 1980 (l-infurzar tal-kustodja ta' l-ulied)
  • Il-Konvenzjoni ta' Strasburgu tal-15 ta' Marzu 1978 (informazzjoni dwar il-liġi barranija)
  • Il-Konvenzjoni ta' Panama tat-30 ta' Jannar 1975 (l-ittri rogatorji)
  • Il-Konvenzjoni ta' Montevideo tat-8 ta' Mejju 1979 (informazzjoni dwar il-liġi barranija)
  • Il-Konvenzjoni ta' New York ta' l-20 ta' Ġunju 1956 (il-ġbir barra mill-pajjiż tal-manteniment)

1.3. IL-KONVENZJONIJIET BILATERALI PRINĊIPALI FIS-SEĦĦ

  • Spanja - Marokk:
    • Il-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, kummerċjali u amministrattivi (30 ta' Mejju 1997)
    • Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja, ir-Rikonoxximent u l-Infurzar ta' Deċiżjonijiet dwar il-Kustodja u l-Aċċess u r-Ritorn ta' l-Ulied (30 ta' Mejju 1997)
  • Spanja - Tuneżija:
    • Il-Konvenzjoni dwar l-assistenza ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi (24 ta' Settembru 2001)
  • Spanja - Tajlandja:
    • Il-Konvenzjoni dwar l-assistenza ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (5 ta' Ġunju 1998)
  • Spanja - Brażil:
    • Il-Konvenzjoni dwar l-assistenza ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (13 ta' April 1989)
  • Spanja - Urugwaj:
    • Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja (4 ta' Novembru 1987)
    • Il-Konvenzjoni dwar il-konflitti tal-liġi dwar il-manteniment ta' l-ulied u l-infurzar ta' sentenzi u riżolvimenti ġudizzjarji dwar il-manteniment (4 ta' Novembru 1987)
  • Spanja - Repubblika Dominikana:
    • Il-Konvenzjoni dwar l-assistenza ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (15 ta' Settembru 2003)
  • Spanja - Repubblika tal-Bulgarija:
    • Trattat dwar l-assistenza ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili (23 ta' Mejju 1993)
  • Spanja - Federazzjoni Russa:
    • Il-Konvenzjoni dwar l-assistenza ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili (26 ta' Ottubru 1990)
  • Spanja - Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina:
    • Trattat dwar l-assistenza ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (2 ta' Mejju 1992) español
  • Spanja - Żvizzera:
    • Trattat dwar l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (10 ta' Novembru 1896)
  • Spanja - Kolombja:
    • Konvenzjoni dwar l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili tat-30 ta' Mejju 1908 español
  • Spanja - Messiku:
    • Konvenzjoni dwar ir-rikonoxximent tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet arbitrali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (17 ta' April 1989) español
  • Spanja - Iżrael:
    • Konvenzjoni bejn Spanja u l-Iżrael dwar ir-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (30 ta' Mejju 1989) español
  • Spanja - Rumanija:
    • Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (17 ta' Novembru 1997)
  • Spanja - El Salvador:
    • Trattat dwar il-ġurisdizzjoni u l-kompetenza ġudizzjarja, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (7 ta' Novembru 2000).

2. L-IMPLEMENTAZZJONI TAR-REGOLI DWAR IL-KONFLITT TAL-LIĠIJIET

2.1. L-obbligu ta’ l-imħallef li j/tapplika r-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet minn jeddu/jeddha?

Il-qrati u l-awtoritajiet japplikaw ir-regoli Spanjoli dwar il-konflitt tal-liġijiet minn jeddhom.

FuqFuq

2.2. Renvoi

Ir-Renvoi huwa miċħud fil-konvenzjonijiet internazzjonali li Spanja hija parti fihom. L-uniċi żewġ Konvenzjonijiet dwar liema hemm xi dubju huma l-Konvenzjoni ta’ Washington tat-18 ta’ Marzu 1965 dwar ir-Riżoluzzjoni ta' Tilwimiet dwar l-Investiment bejn l-Istati u Persuni ta’ Nazzjonalità ta’ Stati oħrajn, u l-Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif tat-Tfal Internazzjonali. Iżda, ladarba dawn jiddeterminaw liema sistema ta’ dritt internazzjonali privat għandha tiġi applikata minflok il-liġi li għandha tiġi applikata mill-imħallef, din mhijiex kwistjoni ta’ renvoi.

Dwar il-liġi nazzjonali Spanjola, skond il-Kodiċi Ċivili, li jirregola din il-kwistjoni, ir-referenza għal-liġi barranija titqies li hija l-liġi sostantiva tagħha, irrispettivament mir-renvoi li jagħmlu r-regoli tal-konflitt tagħha għal liġi oħra li mhijiex liġi Spanjola. Dan jimplika li huwa aċċettat biss ir-renvoi ta’ l-ewwel grad. Iżda, dan ir-renvoi ta’ l-ewwel grad permess mil-liġi Spanjola mhuwiex obbligatorju (il-kliem użat huwa “jitqies”). Dan ġie interpretat mill-ġurisprudenza bħala li huwa possibbli biss f’każijiet meta s-soluzzjoni milħuqa hija sodisfaċenti, razzjonali u ġusta.

Ir-renvoi tat-tieni grad (meta l-liġi li għaliha tirreferi l-liġi Spanjola imbagħad tirreferi għal liġi ta’ pajjiż terz) mhijiex permessa ħlief fil-każ ta’ kambjali, ċekkijiet u promissory notes. Dawn jistgħu jagħmluha obbligatorja billi jgħidu li huma rregolati mil-liġi nazzjonali tas-suġġett, għalkemm jekk din il-liġi tiddikjara li tgħodd il-liġi ta’ pajjiż ieħor, tgħodd din il-liġi ta’ l-aħħar.

FuqFuq

2.3. Tibdil fil-fattur tal-konnessjoni

Fil-liġi Spanjola, ma hemm ebda regola ġenerali għall-każijiet ta’ tibdil fiċ-ċirkostanzi użati mir-regola tal-konflitt bħala l-fattur tal-konnessjoni. Ma hemmx problemi fil-każijiet fejn ir-regola tal-konflitt tistabbilixxi l-punt li fih jiġi ddeterminat il-fattur tal-konnessjoni. Meta dan ma jseħħx, ma hemm ebda dikjarazzjoni espressa u ġenerali fil-liġi Spanjola. Madankollu, il-kriterju donnu hu li tiġi kkunsidrata l-liġi li kienet tgħodd fil-ħin meta tqum is-sitwazzjoni legali ukoll jekk imbagħad jinbidel il-fattur tal-konnessjoni.

2.4. L-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli tal-konflitt

Fil-liġi Spanjola hemm klawżola ta’ politika pubblika internazzjonali li tgħid li fl-ebda każ ma tapplika l-liġi barranija jekk hija kontra l-politika pubblika. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-liġi barranija hija eskluża jekk hija bi vjolazzjoni ċara tal-prinċipji bażiċi tal-liġi Spanjola. Dawn mhumiex elenkati iżda essenzjalment, huma dawk li jinsabu fil-kostituzzjoni, bħall-indissolubilità taż-żwieġ, l-ugwaljanza tat-tfal quddiem il-liġi, id-dritt ta’ l-isem, regoli dwar il-proprjetà u l-kondizzjonijiet tas-suq, il-ħarsien tal-konsumatur, il-protezzjoni ambjentali u oħrajn. Din il-klawżola ta’ politika pubblika hija applikata b’mod restrittiv. Meta tintuża, jekk hemm fattur ieħor tal-konnessjoni li r-regola tal-liġi internazzjonali privata tkun iddeterminat, dan ifisser li ssir referenza għal-liġi korrispondenti. Meta dan il-fattur ieħor tal-konnessjoni ma jeżistix, tgħodd il-liġi Spanjola.

FuqFuq

2.5. Il-prova tal-liġi barranija

Il-kontenut u l-validità tal-liġi barranija għandhom jiġu pprovati u l-qorti tista’ tuża kwalunkwe mezz li tqis neċessarju biex tivverifika dan. Dwar il-partijiet, il-prova tal-liġi barranija hija soġġetta għar-regoli ġenerali tal-prova fl-azzjonijiet ċivili. Il-liġi barranija tista’ tiġi pprovata bi kwalunkwe mezz ta’ prova aċċettat fil-liġi.

3. IR-REGOLI DWAR IL-KONFLITT TAL-LIĠIJIET

3.1. L-obbligi kuntrattwali u l-atti legali

Spanja hija parti għall-Konvenzjoni ta' Ruma ta' l-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali. Ir-regola bażika tagħha hija l-libertà ta' l-għażla mill-partijiet. Jekk il-partijiet kontraenti ma jagħmlux għażla (jew jekk l-għażla hija invalida), bħala prinċipju tgħodd il-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-persuna karatteristika li twettaq il-kuntratt meta dan jiġi konkluż, jew fil-każ ta' kumpanija, ta' l-amministrazzjoni ċentrali tagħha. Iżda jekk is-suġġett tal-kuntratt huwa bini, tgħodd il-liġi tal-post fejn jinsab il-bini.

Flimkien ma' din ir-regola ġenerali, il-Konvenzjoni ta' Ruma tistabbilixxi xi garanziji dwar ir-rekwiżiti biex il-partijiet ikunu jistgħu jiddeterminaw il-liġi applikabbli f'xi każijiet (kuntratti tal-konsumaturi u kuntratti individwali ta' l-impjieg) u jekk ma ssir ebda għażla, forom speċjali tal-ġurisdizzjoni li jieħdu preċedenza fuq il-preżunzjonijiet imsemmija hawn fuq. Per eżempju, il-liġi tar-residenza abitwali tal-konsumatur jekk il-provvista ġiet irċevuta f'dak il-pajjiż, l-ordni ġiet irċevuta hemm jew ġie organizzat vjaġġ mill-bejjiegħ sabiex jagħmel ix-xirja barra. Il-liġi applikabbli għall-kuntratti ta' l-impjieg individwali hija l-liġi tal-post fejn isir ix-xogħol u jekk ma jkunx f'post speċifiku uniku, tgħodd il-liġi tal-post fejn jinsab l-istabbiliment li ħatar lill-ħaddiem.

FuqFuq

Fil-qasam ta' l-assikurazzjoni, hemm reġim speċifiku fl-Att dwar il-Kuntratt ta' l-Assikurazzjoni (Liġi 50/1980) li jvarja skond jekk hijiex assikurazzjoni ta' indennizz jew assikurazzjoni personali.

Fil-każ ta' l-assikurazzjoni ta' l-indennizz, ir-regoli bażiċi li jiddeterminaw l-applikazzjoni tal-liġi Spanjola huma dawn li ġejjin:

  1. jekk ir-riskji jinsabu f'territorju Spanjol u d-detentur tal-polza għandu r-residenza abitwali tiegħu hemm, fil-każ ta' persuna naturali, jew fil-każ ta' persuna legali, l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni ċentrali;
  2. jekk il-kuntratt huwa konkluż skond obbligu ta' l-assikurazzjoni imposta mil-liġi Spanjola.

Fil-kuntratti ta' l-assikurazzjoni ta' "riskji maġġuri" il-partijiet jistgħu jagħżlu kwalunkwe liġi.

Għall-kuntratti ta' l-assikurazzjoni tal-ħajja, il-liġi Spanjola tgħodd f'dawn il-każijiet:

  1. Meta d-detentur tal-polza huwa persuna naturali u għandu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju Spanjol. Iżda jekk għandu nazzjonalità ta' Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea minbarra Spanja, jista' jiftiehem ma' l-assikuratur biex japplika l-liġi tan-nazzjonalità tiegħu;
  2. Meta d-detentur tal-polza huwa persuna legali u għandu d-domiċilju, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni attwali jew l-istabbiliment jew l-intrapriża prinċipali tiegħu f'territorju Spanjol;
  3. Meta d-detentur tal-polza huwa persuna naturali ta' nazzjonalità Spanjola b'residenza abitwali f'pajjiż ieħor u jiftiehem hekk ma' l-assikuratur;
  4. Meta l-kuntratt ta' l-assikurazzjoni tal-grupp huwa konkluż skond, jew minħabba f'kuntratt ta' impjieg soġġett għal-liġi Spanjola.

Fis-seħħ mill-21 ta' Novembru 1990 sad-9 ta' Novembru 1995

FuqFuq

L-Artikolu 108

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu ta' hawn fuq għandhom jgħoddu għall-assikurazzjoni personali minbarra l-assikurazzjoni tal-ħajja.

Dispożizzjoni miżjuda bl-Artikolu 3 tal-Liġi 21/1990 tad-19 ta' Diċembru.

Għal każijiet mhux koperti minn dawn ir-reġimi ta' hawn fuq, jgħoddu d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kodiċi Ċivili. Dawn jipprovdu li l-liġi li rreferew għaliha espressament il-partijiet tgħodd ghall-obbligi kuntrattwali, kemm-il darba jkun hemm xi konnessjoni mat-tranżazzjoni in kwistjoni. Jekk ma hemm ebda konnessjoni, tgħodd il-liġi nazzjonali komuni għall-partijiet. Fin-nuqqas, tgħodd il-liġi tar-residenza abitwali komuni u fl-aħħarnett, il-liġi tal-post fejn ġie konkluż il-kuntratt. Iżda, jekk ma hemm ebda referenza espressa, fil-każ ta' kuntratti relatati ma' proprjetà immobbli, tgħodd il-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà u fil-każ ta' bejgħ ta' proprjetà mobbli tanġibbli magħmula fi stabbilimenti kummerċjali, tgħodd il-liġi fejn jinsabu dawn l-istabbilimenti. Iżda, għandu jiġi nnotat li hemm regola speċjali skond liema l-kuntratti onerużi konklużi fi Spanja minn barrani li huwa inkapaċi taħt il-liġi nazzjonali tiegħu huma validi għall-għanijiet tas-sistema legali Spanjola jekk il-kawża ta' l-inkapaċità mhijiex magħrufa mil-leġiżlazzjoni Spanjola. Din ir-regola ma tgħoddx għall-kuntratti relatati ma' proprjetà immmobbli li tinsab barra mill-pajjiż.

Dwar kuntratti ta' l-impjieg, jekk ma hemm ebda referenza espressa mill-partijiet, tgħodd ghalihom il-liġi tal-post fejn iwettqu s-servizz. Il-liġi applikabbli fil-każ ta' rappreżentanza legali hija l-liġi li tirregola r-relazzjoni legali li minnha huma derivati l-poteri tar-rappreżentant, u fil-każ ta' rappreżentanza volontarja, jekk ma hemm ebda referenza espressa, il-liġi tal-pajjiż fejn huma eżerċitati l-poteri mogħtija. Fil-każijiet kollha d-donazzjonijiet huma rregolati mil-liġi nazzjonali tad-donatur.

FuqFuq

Il-konvenzjonijiet u l-formalitajiet huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż fejn jingħataw. Iżda l-kuntratti li huma konklużi bil-konvenzjonijiet u l-formalitajiet meħtieġa mil-liġi applikabbli għall-kontenut tagħhom huma validi wkoll, bħalma huma dawk konklużi skond l-istat personali tal-benefiċjarju jew l-istat personali konġunt tal-partijiet ta' l-għotja. L-atti u l-kuntratti relatati mal-proprjetà immobbli, li jingħataw skond il-konvenzjoni u l-formalitajiet tal-post fejn jinsabu, huma validi wkoll. Jekk il-liġi li tirregola l-kontenut ta' l-atti u tal-kuntratti titlob konvenzjoni jew formalità speċifika għall-validità, din tiġi dejjem applikata, inkluż fil-każ ta' atti jew kuntratti mogħtija barra mill-pajjiż.

Fl-aħħarnett, għandu jiġi nnotat li Spanja hija parti għall-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-15 ta' Ġunju 1955 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ Internazzjonali tal-Prodotti.

3.2. L-obbligi mhux kuntrattwali (tort u delitti, arrikkiment inġust, negotiorum gestio, eċċ.)

Jekk ma hemm ebda Konvenzjoni, jgħoddu d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili. Spanja hija parti f'żewġ Konvenzjonijiet f’dan il-qasam.

L-ewwel waħda hija l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-4 ta’ Mejju 1971 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku, li taħtha l-liġi applikabbli hija l-liġi tal-post fejn sar l-inċident, għalkemm hemm eċċezzjonijiet għal-liġi interna ta’ l-Istat tar-reġistrazzjoni tal-vettura.

It-tieni hija l-Konvenzjoni ta’ l-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-Liġi Applikabbli għar-Responsabbiltà għall-Prodotti. Hija tipprovdi għall-possibbiltà li tiġi applikata l-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali tal-persuna li direttament qed issofri dannu (jekk dak l-Istat huwa wkoll il-post prinċipali tan-negozju tal-persuna allegatament responsabbli), jew l-Istat fejn il-prodott inkiseb mill-persuna li direttament qed issofri dannu, jew il-liġi ta’ l-Istat tal-post tad-dannu).

FuqFuq

Fin-nuqqas ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jgħodd il-Kodiċi Ċivili, skond liema l-każijiet ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali huma rregolati mil-liġi tal-post fejn seħħ l-att li minnu jirriżultaw. In-negotiorum gestio mhux awtorizzat huwa rregolat mill-post fejn l-aġent iwettaq l-attività prinċipali u l-arrikkiment inġust huwa rregolat mil-liġi li taħtha seħħ it-trasferiment ta’ valur lill-parti arrikkita.

3.3. L-istat personali, l-aspetti tiegħu relatati ma’ l-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Il-Konvenzjoni ta’ Munich tal-5 ta’ Settembru 1980 tgħodd għall-kunjom u l-ismijiet, taħt liema l-kunjom huwa ddeterminat mil-liġi nazzjonali.

Flimkien ma’ dan ta’ hawn fuq, l-Artikolu 9 tal-Kodiċi Ċivili jgħid li l-liġi applikabbli hija ddeterminata min-nazzjonalità tal-persuni naturali u jirregola l-kapaċità u l-istat ċivili, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-familja u s-suċċessjoni. In-nazzjonalità doppja kif ikkontemplata fil-liġi Spanjola ssegwi dak li huwa stabbilit fit-trattati internazzjonali. Jekk ma hemm ebda dispożizzjoni, tingħata preferenza għan-nazzjonalità li tikkorrispondi għall-aħħar residenza abitwali u fin-nuqqas ta’ dan, l-aħħar nazzjonalità miksuba, kemm-il darba waħda minnhom mhijiex Spanjola, li tieħu preċedenza. Għal persuni ta’ nazzjonalità indeterminata (ma jistgħux jippruvawha, u għalhekk mhumiex mingħajr stat) tiġi applikata l-liġi tal-post tar-residenza abitwali bħala l-istat personali. L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ New York tat-28 ta’ Settembru 1954 jgħodd għall-persuni mingħajr stat, taħt liema l-liġi applikabbli hija l-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tal-persuna mingħajr stat, jew fin-nuqqas ta’ dan, il-liġi tal-pajjiż tar-residenza tiegħu.

FuqFuq

Fl-aħħarnett, l-istat personali ta' persuni legali huwa ddeterminat min-nazzjonalità tagħhom u din tirregola dak kollu li jirrigwarda l-kapaċità, l-istabbiliment, ir-rappreżentanza, l-operat, it-trasformazzjoni, l-istralċ u l-għeluq, għalkemm il-liġijiet nazzjonali rispettivi jitqiesu fil-każijiet ta’ amalgamazzjonijiet ta’ kumpaniji ta’ nazzjonalitajiet differenti. Il-kumpaniji li għandhom id-domiċilju fit-territorju Spanjol għandhom nazzjonalità Spanjola, irrispettivament mill-post fejn ġew stabbiliti, għalkemm il-kumpaniji li l-istabbiliment jew l-intrapriża prinċipali tagħhom tinsab fit-territorju tagħha ghandhom ikunu domiċiljati fi Spanja.

3.4. L-istabbiliment tar-relazzjoni ġenituri-ulied, inkluża l-adozzjoni

Dwar l-istabbiliment tar-relazzjoni ġenituri-ulied, bl-Att Istituzzjonali 1/1996, Spanja għamlitha possibbli biex wieħed jistrieħ direttament fuq il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (New York, 20 ta’ Novembru 1989) fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-individwi. Skond il-Kodiċi Ċivili, il-karattru u l-kontenut tar-relazzjoni ġenituri-ulied, inkluża l-adozzjoni, huma rregolati mill-istat personali tat-tifel (normalment il-liġi tan-nazzjonalità kif imsemmi aktar ’il fuq) u jekk dan ma jistax jiġi determinat, il-liġi tar-residenza abitwali tat-tifel.

Ir-rekwiżiti għall-adozzjoni istitwiti quddiem imħallef Spanjol huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-liġi Spanjola. Iżda, il-liġi nazzjonali tal-persuna li qed tiġi adottata għandha tiġi mħarsa fir-rigward tal-kapaċità tagħha u l-kunsens meħtieġ: 1) jekk ir-residenza abitwali tagħha hija barra minn Spanja; 2) għalkemm hija residenti fi Spanja ma tiksibx nazzjonalità Spanjola permezz ta’ l-adozzjoni. Huwa wkoll possibbli, fuq talba tal-ġenitur li qed jadotta jew tal-Prosekutur Pubbliku, li jintalab fl-interess tal-persuna li qed tiġi adottata, il-kunsensi, is-seduti jew l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mil-liġi nazzjonali jew mil-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-persuna li qed tiġi adottata jew il-ġenitur li qed jadotta.

FuqFuq

It-tutela u forom oħrajn ta’ protezzjoni ta’ persuni legalment inkapaċi huma rregolati mil-liġi nazzjonali tagħhom. Madankollu, il-miżuri provviżorji jew ta’ emerġenza huma rregolati mil-liġi tar-residenza abitwali tagħhom. Il-formalitajiet biex tiġi stabbilita t-tutela u forom oħrajn ta’ protezzjoni li jinvolvu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi Spanjoli għandhom fi kwalunkwe jsiru skond il-liġi Spanjola.

Fl-aħħarnett, il-liġi Spanjola tgħodd fil-każ ta’ miżuri għall-protezzjoni jew it-trobbija ta’ minorenni abbandunati jew persuni legalment inkompetenti li jkunu fit-territorju Spanjol.

3.5. Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin, l-isħubiji, id-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja, l-obbligi tal-manteniment

Ir-regoli għall-forma taċ-ċelebrazzjoni ta’ żwieg ivarjaw skond jekk il-partijiet humiex Spanjoli. Jekk inhuma Spanjoli, il-Kodiċi Ċivili jgħid li ġewwa jew barra minn Spanja, tista’ tiżżewweġ: 1) bl-imħallef, is-sindku jew uffiċjal indikat mill-Kodiċi; 2) taħt ir-riti reliġjużi li huma kkontemplati fil-liġi (Kattoliċi, Ġudej, Evanġeliċi u Musulmani). Jgħid ukoll li l-Ispanjoli jistgħu jiżżewġu barra minn Spanja skond il-liġijiet tal-post fejn huwa ċċelebrat iż-żwieġ. Jekk iż-żewġ partijiet huma barranin jistgħu jiżżewġu fi Spanja skond l-istess dispożizzjonijiet bħall-Ispanjoli jew id-dispożizzjonijiet tal-liġi li huwa soġġett għaliha xi ħadd minnhom.

Il-konsegwenzi taż-żwieġ huma rregolati mill-istat personali konġunt tal-konjugi fil-ħin meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ. Jekk ma għandhom ebda stat personali komuni, huma rregolati mill-istat personali jew mil-liġi tal-pajjiż fejn jirrisjedi abitwalment wieħed mill-konjugi, magħżul minnhom it-tnejn f’att awtentiku eżegwit qabel ma ġie ċċelebrat iż-żwieġ. Jekk din l-għażla ma saritx, tgħodd il-liġi tal-pajjiż fejn jirrisjedu t-tnejn immedjatament wara li seħħ iż-żwieġ u fin-nuqqas, tgħodd il-liġi tal-post fejn seħħ iż-żwieġ.

FuqFuq

L-annullament taż-żwieġ huwa soġġett għal-liġi tal-post fejn ġie ċċelebrat iż-żwieġ.

Is-separazzjoni u d-divorzju huma rregolati mil-liġi nazzjonali komuni tal-konjugi fil-ħin meta hija ppreżentata l-applikazzjoni. Fin-nuqqas ta’ nazzjonalità komuni, dawn huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż fejn il-koppja tirrisjedi abitwalment f'dak iż-żmien, u fin-nuqqas, mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konjugi l-aħħar kienu abitwalment residenti, sa fejn xi ħadd minnhom għadu jirrisjedi hemm. Fi kwalunkwe każ, il-liġi Spanjola tapplika meta xi ħadd mill-konjuġi huwa Spanjol jew jirrisjedi abitwalment fi Spanja: a) jekk l-ebda minn dawn il-liġijiet ta’ hawn fuq ma tgħodd; b) jekk fl-applikazzjoni mressqa quddiem qorti Spanjola ż-żewġ konjugi, jew konjugi wieħed bil-kunsens ta’ l-ieħor, jippreżentaw azzjoni għal separazzjoni jew divorzju; c) jekk il-liġijiet li jgħoddu skond il-kriterji ta’ hawn fuq ma jirrikonoxxux is-separazzjoni jew id-divorzju jew jagħmlu dan b’mod diskriminatorju jew kontra l-politika pubblika.

Ma hemm ebda dispożizzjoni fil-liġi internazzjonali privata Spanjola għall-koppji mhux miżżewġa (li bħala prinċipju jfisser li ssir analoġija).

Dwar il-pretenzjonijiet ta' manteniment bejn il-qraba, Spanja hija parti għall-Konvenzjoni ta’ l-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi tal-manteniment. Din tistabbilixxi l-forom ta’ ġuriżdizzjoni, u b’hekk tagħmel invalida r-regola interna korrispondenti, li għadha tinsab fil-Kodiċi Ċivili. Bażikament, dawn il-forom ta’ ġuriżdizzjoni huma l-liġi interna tal-post fejn huwa residenti l-kreditur tal-manteniment. Jekk ir-residenza abitwali tal-kreditur tinbidel, il-liġi interna tar-residenza abitwali ġdida tgħodd malli jseħħ it-tibdil. Jekk il-kreditur ma jistax jikseb manteniment taħt din il-liġi ta’ hawn fuq, tgħodd l-liġi tan-nazzjonalità komuni tal-kreditur u tad-debitur. Jekk il-kreditur ma jista’ jikseb manteniment taħt ebda minn dawn il-liġijiet, tgħodd il-liġi interna ta’ l-awtorità li qed tisma’ t-talba.

FuqFuq

3.6. Ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali

Ir-regola deskritta hawn fuq li tirregola l-konsegwenzi taż-żwieġ tinkludi kemm il-konsegwenzi personali kif ukoll dawk li jaffettwaw il-proprjetà. Il-kuntratti jew ftehimiet li jistipulaw, jemendaw jew jissostitwixxu r-reġim tal-proprjetà matrimonjali huma validi jekk iħarsu l-liġi li tirregola l-konsegwenzi taż-żwieġ jew il-liġi tan-nazzjonalità jew tar-residenza abitwali ta’ waħda mill-partijiet fiż-żmien ta’ l-eżekuzzjoni.

3.7. It-testmenti u s-suċċessjonijiet

Taħt il-Kodiċi Ċivili, is-suċċessjoni hija rregolata mil-liġi nazzjonali tal-persuna mejta fil-ħin tal-mewt, irrispettivament min-natura tal-proprjetà u l-pajjiż fejn tinsab. Iżda, id-dispożizzjonijiet fit-testmenti u l-kuntratti ta’ l-eredità skond il-liġi nazzjonali tat-testatur jew tal-benefiċjarji fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tagħhom jibqgħu validi wkoll jekk liġi oħra tirregola s-suċċessjoni, għalkemm il-porzjonijiet skond il-liġi jsegwu lil din ta’ l-aħħar. Id-drittijiet li bl-operat tal-liġi huma attribwiti għall-konjugi superstiti huma rregolati mill-istess liġi li tgħodd għall-konsegwenzi taż-żwieġ, ħlief għall-porzjonijiet leġittimi tad-dixxendenti. Spanja mhijiex parti fil-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1 ta’ Awissu 1989 dwar il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni għall-patrimonju ta' persuni mejta.

Ir-regola għall-formalitajiet tat-testmenti hija li huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż fejn huma eżegwiti, għalkemm it-testmenti magħmula bil-konvenzjonijiet u l-formalitajiet meħtieġa mil-liġi applikabbli ghall-kontenut tagħhom huma wkoll dikjarati validi, bħalma huma dawk imfassla skond l-istat personali tal-benefiċjarju. Jekk it-testmenti huma eżegwiti abbord bastimenti jew ajruplani meta qed jivvjaġġaw, jitqiesu li saru fl-Istat tal-bandiera tal-bastiment jew il-pajjiż tar-reġistrazzjoni. Fl-aħħarnett, il-liġi Spanjola tgħodd għat-testmenti awtorizzati mill-uffiċjali diplomatiċi jew konsulari Spanjoli barra mill-pajjiż.

3.8. Il-beni immobbli

Il-proprjetà, il-beni u drittijiet oħrajn fuq il-proprjetà immobbli, u l-pubbliċità tagħha, huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż fejn jinsabu, li tgħodd ukoll għall-mobbli.

Sabiex jiġu stabbiliti jew assenjati d-drittijiet fuq il-beni fi tranżitu, dawn jitqiesu li jinsabu fil-post minn fejn intbagħtu, kemm-il darba l-konsenjatur u l-kunsinnatarju ma jkunx espressament jew taċitament ftiehem li jitqiesu li jinsabu fil-post tad-destinazzjoni.

Il-bastimenti, l-ajruplani u l-vetturi tal-ferroviji u d-drittijiet kollha fuqhom huma soġġetti għal-liġi ta’ l-Istat tal-bandiera jew tal-pajjiż tar-reġistrazzjoni. L-awtomobbli u meżżi oħrajn tat-trasport fit-toroq huma soġġetti għal-liġi tal-post fejn jinsabu. Il-ħruġ tat-titoli huwa rregolat mil-liġi tal-post fejn jinħarġu.

3.9. L-insolvenza

Dwar dan il-punt, il-Liġi dwar il-Falliment nru 22/2003 tad-9 ta’ Lulju rriflettiet id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1346 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta' falliment, u ghalhekk m’hemmx bżonn li ssir referenza għalih.

« Liġi applikabbli - Informazzjoni Ġenerali | Spanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 09-10-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit