Kummissjoni Ewropea > NGE > Liġi applikabbli > Portugall

L-aħħar aġġornament: 28-02-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Liġi applikabbli - Portugall

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

I. IS-SORSI TAR-REGOLI FIS-SEĦĦ I.
I.1. Ir-Regoli Nazzjonali I.1.
I.2. Il-konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali fis-seħħ I.2.
I.3. Il-konvenzjonijiet bilaterali prinċipali fis-seħħ I.3.
II. L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLI DWAR IL-KUNFLITT BEJN IL-LIĠIJIET II.
II.1. L-obbligu ta’ l-imħallef li japplika r-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet fuq inizjattiva tiegħu/tagħha stess II.1.
II.2. “Renvoi” II.2.
II.3. Bidla tal-fattur ta’ rabta II.3.
II.4. L-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet. II.4.
II.5. Il-prova tal-liġi barranija II.5.
III. IR-REGOLI DWAR IL-KUNFLITT BEJN IL-LIĠIJIET III.
III.1. L-obbligazzjonijiet kuntrattwali u l-atti legali III.1.
III.2. L-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali III.2.
III.3. L-istatus personali u aspetti ta’ l-istatus ċivili (l-isem, id-domiċilju u l-kapaċità) III.3.
III.4. L-istabbiliment ta’ l-affiljazzjoni, inkluża l-adozzjoni III.4.
III.5. Iż-żwieġ, il-koppji mhux miżżewġa/ir-relazzjonijiet, id-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja, l-obbligazzjonijiet ta’ manteniment III.5.
III.6. Ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali III.6.
III.7. It-Testmenti u s-Suċċessjonijiet III.7.
III.8. Il-proprjetà reali III.8.
III.9. Il-falliment III.9.

 

I. IS-SORSI TAR-REGOLI FIS-SEĦĦ

I.1. Ir-Regoli Nazzjonali

Ir-regoli tal-liġi privata internazzjonali Portugiża huma bbażati fuq testi legali bil-miktub maħruġa mill-awtoritajiet li għandhom il-poter għal dan il-għan – fi kliem ieħor, fuq regoli obbligatorji intenzjonati biex jistabbilixxu kriterji ġenerali li jkunu applikabbli għal sitwazzjonijiet speċifiċi u maħruġa mill-organi kompetenti ta’ l-Istat. Dawn ir-regoli huma stabbiliti f’testi bil-miktub li jiddefinixxu l-ambitu u l-punti prinċipali tagħhom.

Il-konswetudni (il-prattika soċjali kostanti bħala l-bażi tat-twemmin fin-natura obbligatorja tar-regola kkonċernata) ma tistax, skond it-termini tal-Kodiċi Ċivili Portugiż, tikkostitwixxi sors immedjat ta’ liġi. Madankollu, f’ċerti oqsma, notevolment fl-isfera tal-liġi pubblika internazzjonali, għadha sors importanti.

Fil-Portugall, id-duttrina (ir-riżultat tax-xogħol ta’ studenti tax-xjenza legali) u l-ġurisprudenza (it-totalità ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-qrati) mhumiex, b’mod ġenerali, ikkunsidrati bħala sorsi tal-liġi, għalkemm huma rrikonoxxuti bħala influwenti għall-ħolqien u l-applikazzjoni tal-liġijiet. Madankollu, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali, li jorbtu b’mod universali, jikkostitwixxu sorsi ġenwini tal-liġi.

I.2. Il-konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali fis-seħħ

Dwar dan il-punt, jekk jogħġbok ara l-lista ta’ konvenzjonijiet fil-verżjoni sħiħa ta’ din l-iskeda ta’ informazzjoni fil-paġna ta’ Kuntatt Portugiża tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali, fuq http://www.redecivil.mj.pt/ português.

FuqFuq

I.3. Il-konvenzjonijiet bilaterali prinċipali fis-seħħ

Dwar dan il-punt, jekk jogħġbok ara l-lista ta’ konvenzjonijiet fil-verżjoni sħiħa ta’ din l-iskeda ta’ informazzjoni fil-paġna ta’ Kuntatt Portugiża tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali, fuq http://www.redecivil.mj.pt/ português.

II. L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLI DWAR IL-KUNFLITT BEJN IL-LIĠIJIET

II.1. L-obbligu ta’ l-imħallef li japplika r-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet fuq inizjattiva tiegħu/tagħha stess

L-imħallef huwa meħtieġ li jikkunsidra l-applikabbiltà tar-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet, anke jekk l-ebda parti ma tkun qiegħda titlob l-applikabbiltà ta’ liġi barranija.

Madankollu, f’ċerti oqsma, b’mod partikolari fl-isfera kuntrattwali, il-partijiet huma liberi li jiddefinixxu l-liġi applikabbli. Dan ifisser li l-partijiet huma liberi li jagħżlu l-liġi sostantiva barranija li għandha tiggverna r-relazzjonijiet speċifiċi tagħhom. Ladarba din l-għażla tkun saret, ir-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet ma japplikawx.

II.2. “Renvoi”

Ir-“renvoi” jeżisti fil-liġi privata internazzjonali Portugiża u, jekk iva, kemm jippermetti lil-liġi barranija applikabbli tipponta lejn il-liġi nazzjonali jew lejn il-liġi ta’ pajjiż terz?

FuqFuq

Skond il-liġi Portugiża, japplika l-prinċipju ġenerali li r-referenza fir-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet għal xi liġi barranija tiddetermina biss l-applikazzjoni ta’ dik il-liġi partikolari jekk ma jkunx hemm regola li tistabilixxi mod ieħor; din l-attribuzzjoni ta’ kompetenza tkopri biss regoli li, minħabba l-kontenut u l-funzjoni legali tagħhom, jinkorporaw ir-regoli ta’ l-istitut msemmi fir-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet.

Minkejja din id-dikjarazzjoni ta’ prinċipju, il-liġi Portugiża tippermetti r-“renvoi” f’każijiet fejn il-liġi barranija magħżula fir-regola nazzjonali dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet ma tqisx lilha nnifisha applikabbli u minflok tipponta lejn liġi oħra, li tista’ tkun Portugiża jew dik ta’ pajjiż terz.

Għalhekk, jekk il-liġi privata internazzjonali tas-sistema legali li għaliha jippontaw ir-regoli Portugiżi dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet tapplika r-“renvoi” għal-liġi ta’ pajjiż ieħor u jekk dik il-liġi tqis lilha nnifisha kompetenti biex tittratta l-kwistjoni, il-liġi indikata għandha tiġi applikata.

Ir-“renvoi” għandu ukoll jiġi aċċettat fejn ikun hemm mhux tlieta imma erbgħa jew aktar liġijiet involuti, bil-kundizzjoni li l-partijiet kollha jiftiehmu fuq liġi partikolari waħda bħala dik l-aktar adattata biex tittratta kwistjoni privata internazzjonali.

Dan l-arranġament ma japplikax jekk il-liġi msemmija mil-liġi privata internazzjonali Portugiża hija liġi personali (fil-Portugiż, il-liġi personali hija dik tan-nazzjonalità ta’ l-individwu kkonċernat) u l-persuna kkonċernata tkun residenti b’mod normali fit-territorju Portugiż jew f’pajjiż li r-regoli tiegħu dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet jikkunsidraw il-liġi domestika tal-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu jew tagħha bħala applikabbli.

FuqFuq

Madankollu, ir-regola t’hawn fuq xorta tiġi applikata f’każijiet ta’ tutela, relazzjonijiet finanzjarji bejn il-miżżewġin, l-awtorità paternali, relazzjonijiet bejn ġenituri adottivi u tfal adottati, u l-patrimonju ta’ persuna mejta, fejn il-liġi nazzjonali li tirreferi għaliha r-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet tipponta lejn il-liġi tal-post fejn il-proprjetà immobbli tkun lokalizzata u fejn dik il-liġi tikkunsidra lilha nnifisha applikabbli.

II.3. Bidla tal-fattur ta’ rabta

X’jiġri fil-każ ta’ bidla tal-fattur ta’ rabta, per eżempju fil-każ ta’ trasferiment ta’ mobbli?

Il-fattur ta’ rabta huwa l-kriterju użat mil-liġi biex tidentifika l-aktar liġi xierqa biex tittratta s-sitwazzjoni legali kkonċernata.

Il-fattur ta’ rabta jista’ jkun varjabbli jew fiss fin-natura tiegħu, jiddependi minn jekk jistax jinbidel jew le. Eżempji ta’ fatturi ta’ rabta varjabbli huma dawk li għandhom x’jaqsmu man-nazzjonalità, mad-domiċilju, mas-sitwazzjoni ta’ proprjetà mobbli jew ma’ l-uffiċċju prinċipali ta’ persuna legali. Eżempju ta’ fattur ta’ rabta stabbilit huwa l-post ta’ proprjetà immobbli jew il-post fejn issir tranżazzjoni legali.

Meta r-regola dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet tibbaża fuq fattur ta’ rabta varjabbli, normalment tiddetermina ż-żmien li fih għandu jiġi kkunsidrat dak il-fattur ta’ rabta.

Bidla fil-fattur ta’ rabta kkonċernat, tista’ tagħti lok għall-applikazzjoni suċċessiva ta’ liġijiet differenti, b’hekk tagħti lok għal dak li jissejjaħ il-kunflitt mobbli.

FuqFuq

F’dawn il-każijiet, ir-regola hija li l-applikazzjoni ta’ l-istatus il-ġdid (per eżempju il-post ġdid ta’ oġġett mobbli jew l-istatus personali l-ġdid) m’għandux jippreġudika drittijiet akkwistati preċedentement.

Uħud mill-fatturi ta’ rabta varjabbli jistgħu jibdlu l-kontenut tagħhom b’deċiżjoni tal-partijiet, li b’hekk jakkwistaw, sa ċertu punt, l-abbiltà li jagħżlu l-liġi applikabbli. Biex jitwaqqaf l-abbuż minn trasferimenti maħsuba, il-liġi Portugiża introduċiet il-prinċipju ta’ ksur tal-liġi, li jistabilixxi li meta jiġu applikati r-regoli dwar il-kunflitti bejn il-liġijiet, m’għandhomx jiġu kkunsidrati sitwazzjonijiet fattwali jew legali maħluqa bl-intenzjoni frawdolenti li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ liġi li kienet tapplika f’ċirkostanzi oħra; fi kliem ieħor, is-sanzjoni għall-ksur tal-liġi tikkonsisti fl-applikazzjoni tar-regoli li l-azzjoni frawdolenti proprju ppruvat tevita.

II.4. L-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet.

Jistgħu l-qrati jirrifjutaw il-liġi applikabbli jekk din tkun tmur kontra l-ordni pubbliku internazzjonali?

Iva. L-applikazzjoni ta’ liġi barranija indikata mir-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet ma tapplikax fejn din l-applikazzjoni tkun tinvolvi ksur tal-prinċipji fundamentali ta’ l-ordni pubbliku internazzjonali ta’ l-Istat Portugiż.

Dawn il-prinċipji huma kunċetti li jirrapreżentaw interessi legali, politiċi, etiċi, soċjali, ekonomiċi u reliġjużi li huma vitali għall-komunità li tadottahom, u li jikkostitwixxu ukoll karatteristika li tiddistingwi dik il-komunità. Dawn il-kunċetti, minħabba l-importanza partikolari tagħhom, ma jistgħux jiġu injorati jew miksura bl-applikazzjoni ta’ liġi barranija li tikkontradixxihom b’mod intollerabbli.

FuqFuq

Jekk ir-rekwiżiti ta’ l-ordni pubbliku jfissru li regola speċjali ta’ liġi barranija jkollha tiġi injorata, ir-regola ġenerali korrispondenti ta’ dik il-liġi għandha tiġi użata, bil-liġi tal-post tal-ġuriżdizzjoni (jiġifieri l-liġi tal-pajjiż fejn il-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kawża tkun lokalizzata) tapplika biss fejn l-applikazzjoni tal-liġi barranija tkun assolutament mhux prattikabbli.

II.5. Il-prova tal-liġi barranija

X’inhu r-rwol ta’ l-imħallef u tal-partijiet?

Is-sistema legali Portugiża tittratta l-liġi barranija bħala liġi, u mhux fatt.

Il-liġi Portugiża tistabbilixxi li l-parti li tinvoka l-liġi barranija għandha tipprova l-eżistenza u l-kontenut tagħha, għalkemm il-qorti hija meħtieġa li tipprova, fuq bażi mhux uffiċjali, tikseb informazzjoni fuqha.

Dan l-obbligu li tinkiseb l-informazzjoni b’mod mhux uffiċjali japplika ukoll għall-imħallef kull meta jkun meħtieġ li jiddeċiedi fuq il-bażi ta’ liġi barranija, u l-ebda parti ma tkun invokat dik il-liġi, jew il-parti li tkun qed topponi tkun irrikonoxxiet l-eżistenza u l-kontenut tagħha jew ma tkunx opponietha.

Liema evidenza hija aċċettata?

Il-liġi ma titlobx xi tip speċifiku ta’ evidenza, u għalhekk il-parti jew l-imħallef tista’/jista’ tuża/juża kull tip xieraq ta’ evidenza biex jippruvaw il-punt tagħhom (per eżempju, xiehda ta’ espert jew evidenza dokumentarja).

X’inhi l-konsegwenza jekk il-liġi barranija ma tiġiex ippruvata?

Jekk ikun impossibbli li jiġi stabbilit il-kontenut tal-liġi barranija applikabbli, minflok issir referenza għal-liġi b’applikabbiltà sekondarja, u l-istess proċedura għandha tiġi użata kull meta ma jkunx possibbli li jiġu ddeterminati r-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom l-applikabbiltà ta’ dik il-liġi tkun ġiet determinata.

FuqFuq

Jekk ma tkun tista’ tiġi identifikata l-ebda rabta sekondarja, jew jirriżulta impossibbli li jiġi stabbilit il-kontenut tal-liġi indikata minn dik ir-rabta, il-qorti għandha tirreferi għar-regoli tal-liġi ordinarja Portugiża.

III. IR-REGOLI DWAR IL-KUNFLITT BEJN IL-LIĠIJIET

III.1. L-obbligazzjonijiet kuntrattwali u l-atti legali

Mill-1 ta’ Settembru 1994, il-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligazzjonijiet Kuntrattwali (1980) ġiet fis-seħħ fil-Portugall. Din tapplika għall-obbligazzjonijiet ikkuntrattati wara d-dħul fis-seħħ tagħha u fejn ikun involut kunflitt bejn il-liġijiet.

Din il-Konvenzjoni stabbilixxiet prinċipju li l-partijiet jistgħu jagħżlu liema liġi għandha tapplika għall-kuntratt jew għal parti minnu, u jistgħu ukoll jiftehmu, f’kull ħin, li jibdlu l-liġi applikabbli. Madankollu, l-għażla ta’ liġi barranija ma tistax twaqqaf l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji tas-sistema legali tal-pajjiż li fih l-elementi l-oħra tas-sitwazzjoni kkonċernata jkunu lokalizzati fil-ħin meta ssir l-għażla.

Jekk ma ssir l-ebda għażla, il-kuntratt ikun iggvernat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu jkollu l-eqreb rabta.

Biex tiġi ddeterminata din ir-rabta, għandha ssir valutazzjoni taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ ikkonċernat (post ta’ residenza jew l-uffiċċju prinċipali tal-partijiet, il-post ta’ l-amministrazzjoni ċentrali, l-istabbiliment prinċipali jew l-istabbiliment responsabbli għall-proviżjoni, il-post tal-proprjetà immobbli, il-post ta’ l-istabbiliment tat-trasportatur, il-lingwa tal-kuntratt, il-post ta’ l-oġġett tiegħu u l-post ta’ l-eżekuzzjoni, in-nazzjonalità tal-kontraenti, eċċ.).

FuqFuq

III.2. L-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali

Ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali

B’mod ġenerali, il-Kodiċi Ċivili Portugiż jikkunsidra li f’każijiet ta’ responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali (jiġifieri responsabbiltà li ġejja minn ksur intenzjonat u illeċitu tad-drittijiet ta’ ħaddieħor jew tar-regoli intenzjonati biex jipproteġu l-interessi ta’ terzi partijiet, jew minn attivitajiet jew imġieba ta’ periklu li jistgħu jkunu legali imma li jikkawżaw ħsara lil terzi partijiet), il-liġi applikabbli hija dik ta’ l-Istat li fih l-attività primarjament responsabbli għall-ħsara tkun seħħet. F’każ ta’ responsabbiltà dovuta għal nuqqas ta’ aġir b’mod xieraq, il-liġi applikabbli hija dik tal-post fejn il-persuna responsabbli kellha taġixxi.

Il-liġi indikata mir-regola dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet tiddefinixxi l-bażi u l-konsegwenzi ta’ l-obbligazzjoni li jitħallas kumpens.

L-arrikkiment inġust

Skond it-termini tal-Kodiċi Ċivili Portugiż, l-arrikkiment inġust (li jseħħ meta persuna tikseb vantaġġ finanzjarju bi spiża ta’ ħaddieħor mingħajr raġuni tajba) huwa ggvernat mil-liġi li taħtha jkun sar it-trasferiment tal-valur lill-parti arrikkita.

Il-liġi indikata mir-regola dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet tiggverna l-bażi, il-kontenut u l-obbligazzjonijiet konsegwenti ta’ dan l-arrikkiment inġust.

In-negotiorum gestio

In-negotiorum gestio (is-sitwazzjoni ta’ persuna li tmexxi n-negozju ta’ ħaddieħor, fl-interessi u f’isem sidu, mingħajr ma tkun awtorizzata għal dak il-għan) fejn isiru atti legali, huwa ggvernat mill-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-14 ta’ Mejju 1978, fuq il-Liġi Applikabbli għall-Aġenzija.

FuqFuq

III.3. L-istatus personali u aspetti ta’ l-istatus ċivili (l-isem, id-domiċilju u l-kapaċità)

B’mod ġenerali, l-istatus personali huwa ggvernat mil-liġi personali tal-persuni kkonċernati, kif stabbilit fir-regola dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet fil-Kodiċi Ċivili Portugiż.

Il-liġi personali hija l-liġi tan-nazzjonalità ta’ l-individwu jew, f’każ ta’ persuna mingħajr stat, il-liġi tal-post ta’ residenza abitwali tagħha (fil-każ ta’ persuna maġġorenni) jew tad-domiċilju legali (fil-każ ta’ minuri jew persuna b’diżabilità ġudizzjarja). Fil-każ ta’ persuna mingħajr residenza abitwali, il-liġi personali tkun dik tal-post ta’ residenza okkażjonali, jew, fejn dan ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, il-liġi tal-post fejn il-persuna tkun fil-mument.

Il-liġi personali għall-persuni legali hija dik ta’ l-Istat fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali effettiv tagħhom. It-trasferiment ta’ l-uffiċċju prinċipali minn Stat għall-ieħor ma jikkawżax it-telfien tal-personalità legali, jekk il-liġijiet taż-żewġ pajjiżi jaqblu fuq dan il-punt. L-għaqda ta’ entijiet b’liġijiet personali differenti hija ggvernata miż-żewġ liġijiet personali kkonċernati.

Il-liġi personali ta’ persuni legali internazzjonali hija dik indikata fil-ftehim li jistabilixxihom, jew fl-Artikoli ta’ l-Assoċjazzjoni tagħhom. Jekk ma tkun indikata l-ebda liġi, il-liġi tal-pajjiż li fih huwa llokalizzat l-uffiċċju prinċipali tapplika.

III.4. L-istabbiliment ta’ l-affiljazzjoni, inkluża l-adozzjoni

Dan il-qasam huwa ggvernat mill-Kodiċi Ċivili Portugiż.

FuqFuq

Normalment, f’din l-isfera tapplika l-liġi personali tal-partijiet involuti.

L-istabbiliment ta’ l-affiljazzjoni huwa ggvernat mil-liġi personali tal-ġenitur fiż-żmien meta r-relazzjoni tiġi stabbilita. Fil-każ tal-wild ta’ mara miżżewġa, l-istabbiliment ta’ din ir-relazzjoni fir-rigward tal-missier huwa ggvernat mil-liġi nazzjonali komuni ta’ l-omm u ta’ żewġha; fin-nuqqas ta’ din, il-liġi tal-post tar-residenza abitwali konġunta tal-miżżewġin tapplika, li fin-nuqqas tagħha tkun il-liġi personali tal-wild. Għal dan il-għan, il-punt cruċjali fiż-żmien huwa t-twelid tal-wild jew id-data tax-xoljiment taż-żwieġ jekk dan ikun seħħ qabel.

Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied huma ggvernati mil-liġi nazzjonali komuni tal-ġenituri, li fin-nuqqas tagħha jkunu suġġetti għal-liġi tar-residenza konġunta abitwali tagħhom; jekk il-ġenituri normalment joqogħdu f’pajjiżi differenti, il-liġi personali tal-wild tapplika. Jekk l-affiljazzjoni titqies stabbilita ma’ ġenitur wieħed biss, il-liġi personali ta’ dak il-ġenitur tapplika; jekk wieħed mill-ġenituri jkun miet, il-liġi personali tas-superstiti tapplika.

L-istabbiliment ta’ relazzjoni adottiva hija suġġetta għal-liġi personali tal-ġenitur li jadotta. Madankollu, jekk l-adozzjoni ssir mir-raġel u l-mara, jew il-wild adottat huwa l-wild tal-konjuġi tal-ġenitur li jadotta, il-liġi nazzjonali komuni tal-ġenituri tapplika, li fin-nuqqas tagħha tkun il-liġi tar-residenza konġunta abitwali tagħhom. Jekk lanqas ma jkun hemm residenza konġunta abitwali, il-liġi tal-pajjiż li miegħu l-ħajja tal-familja titqies bħala l-aktar marbuta mill-qrib tapplika. Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenitur li jadotta u l-wild adottat, u bejn il-wild adottat u l-familja oriġinali, huma ggvernati mil-liġi personali tal-ġenitur li jadotta.

FuqFuq

Jekk il-liġi li tiggverna r-relazzjoni bejn il-wild adottat u l-ġenituri tiegħu jew tagħha ma tirrikonoxxiex l-istituzzjoni ta’ l-adozzjoni, jew ma tippermettihiex għal persuni fis-sitwazzjoni familjari tal-wild li jrid jiġi adottat, l-adozzjoni ma tkunx permessa.

Jekk, bħala prerekwiżit għall-affiljazzjoni jew l-adozzjoni, il-liġi personali tal-persuna li trid tiġi affiljata jew adottata titlob il-kunsens tiegħu jew tagħha, dak ir-rekwiżit għandu jiġi segwut. Għandu ukoll ikun hemm konformità ma’ kull rekwiżit għall-kunsens ta’ parti terza li magħha l-persuna kkonċernata hija marbuta b’xi relazzjoni familjari jew ta’ tutela, fejn dan ikun jaqbel mal-liġi li tiggverna lil dik il-parti.

L-ambitu tal-liġi li tiggverna r-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied primarjament ikopri l-awtorità paterna. Madankollu, il-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar il-Poteri ta’ l-Awtoritajiet u l-Liġi Applikabbli fir-Rigward tal-Protezzjoni tal-Minorenni (tal-5 ta’ Ottubru 1961) – li tapplika kull meta r-residenza abitwali tal-minorenni hija fi Stat li huwa firmatarju tal-Konvenzjoni – tagħmel l-awtorità paterna suġġetta għal-liġi tan-nazzjonalità tal-minorenni. Għalhekk, kull fejn tapplika din il-Konvenzjoni, il-Kodiċi Ċivili jkollu biss applikazzjoni limitata ħafna (per eżempju, japplika sabiex jiġi ddeterminat id-domiċilju legali tal-wild taħt l-età.

Barra minn hekk, il-konvenzjoni ta’ Munich dwar il-Liġi Applikabbli għall-kunjomijiet u l-Ismijiet tagħmel l-effetti ta’ l-affiljazzjoni fuq l-isem tal-wild suġġetti għal-liġi tan-nazzjonalità tal-wild.

L-obbligazzjoni li jiġi pprovdut manteniment għall-wild hija, min-naħa tagħha, ggvernata mill-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligazzjonjiet ta’ Manteniment fir-Rigward ta’ l-Ulied (ta’ l-24 ta’ Ottubru 1956) u mill-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligazzjonijiet ta’ Manteniment (tat-2 ta’ Ottubru 1973) – din ta’ l-aħħar tissostitwixxi dik ta’ qabel fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn Stati marbuta b’dik il-konvenzjoni.

FuqFuq

III.5. Iż-żwieġ, il-koppji mhux miżżewġa/ir-relazzjonijiet, id-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja, l-obbligazzjonijiet ta’ manteniment

Il-validità formali taż-żwieġ hija ggvernata fil-Portugall mill-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar is-Soluzzjoni tal-Kunflitt bejn il-Liġijiet dwar iż-Żwieġ (tat-12 ta’ Ġunju 1902). Din il-konvenzjoni internazzjonali, madankollu, hija ta’ sinifikanza dejjem aktar limitata minħabba n-numru żgħir ta’ Stati marbuta biha.

Għalhekk, huma r-regoli dwar il-kunflitti li ġejjin mill-Kodiċi Ċivili Portugiż li huma issa applikati b’mod aktar wiesgħa.

Id-divorzju u s-separazzjoni huma ggvernati mill-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar is-Soluzzjoni tal-Kunflitt bejn il-Liġijiet u l-Ġuriżdizzjonijiet fir-rigward tad-Divorzju u s-Separazzjoni (tat-12 ta’ Ġunju 1902). Għal darb’ oħra numru żgħir ħafna ta’ Stati huma marbuta minn din il-konvenzjoni u s-sinifikanza prattika tagħha hija għalhekk limitata.

Għaldaqstant, ir-regoli għas-soluzzjoni tal-kunflitti fil-Kodiċi Ċivili Portugiż għandhom applikazzjoni aktar wiesgħa.

B’konformità mal-Kodiċi Ċivili, ir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin huma ggvernati mil-liġi nazzjonali komuni tagħhom. Jekk ma jkunux ta’ l-istess nazzjonalità, il-liġi tar-residenza konġunta abitwali tagħhom tapplika, li fin-nuqqas tagħha hija l-liġi tal-pajjiż li miegħu l-ħajja tal-familja titqies li hi l-aktar marbuta mill-qrib.

L-obbligazzjonijiet ta’ manteniment li ġejjin minn relazzjonijiet tal-familja (relazzjonijiet ta’ konsangwinità, żwieġ, adozzjoni u relazzjonijiet permezz taż-żwieġ) huma, bi prinċipju, ggvernati mill-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligazzjonijiet ta’ Manteniment (tat-2 ta’ Ottubru 1973).

FuqFuq

III.6. Ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali

F’termini ta’ l-effetti (personali jew finanzjarji) taż-żwieġ, il-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar il-Kunflitti bejn il-Liġijiet fir-rigward ta’ l-Effetti taż-Żwieġ fuq id-Drittijiet u d-Dmirijiet tal-Miżżewġin fir-Relazzjoni Personali tagħhom fir-rigward tal-Patrimonju tagħhom (tas-17 ta’ Lulju 1905) hija fis-seħħ fil-Portugall. Madankollu, din il-konvenzjoni hija ta’ sinifikanza limitata, minħabba li numru żgħir ta’ Stati biss huma marbuta minnha. Għandu ukoll jiġi nnutat illi, minħabba li r-regoli tagħha jinkludu l-għażla tal-liġi tan-nazzjonalità tar-raġel, din il-konvenzjoni internazzjonali ma taqbilx mal-prinċipju kostituzzjonali ta’ ugwaljanza tal-miżżewġin, li tagħmilha mhux prattika li tiġi applikata b’mod sħiħ fil-liġi Portugiża.

B’konsegwenza, il-liġi li normalment tiggverna l-effetti taż-żwieġ hija dik msemmija taħt ir-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet fil-Kodiċi Ċivili Portugiż.

III.7. It-Testmenti u s-Suċċessjonijiet

Il-Kodiċi Ċivili Portugiż jiddefinixxi l-liġijiet applikabbli għas-suċċessjoni wara l-mewt.

B’mod ġenerali, hija l-liġi personali tal-mejjet li tiggverna s-suċċessjoni. Din il-liġi tiggverna ukoll s-suċċessjoni mal-mewt u l-poteri ta’ l-amministratur tal-patrimonju u ta’ l-eżekutur. Din il-liġi personali hija, fil-prinċipju, il-liġi tan-nazzjonalità.

Il-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar l-Amministrazzjoni Internazzjonali tal-Patrimonji ta’ Persuni Mejta (tat-2 ta’ Ottubru 1973) hija fis-seħħ fil-Portugall. Madankollu, minħabba n-numru żgħir ħafna ta’ firmatarji, l-applikazzjoni tagħha hija limitata ħafna.

FuqFuq

Fir-rigward ta’ l-aspetti formali, il-Konvenzjoni li Tipprovdi Liġi Uniformi fuq il-Forma ta’ Testment Internazzjonali (tas-26 ta’ Ottubru 1973) hija fis-seħħ fil-Portugall.

III.8. Il-proprjetà reali

Fir-rigward tal-pussess, il-proprjetà u drittijiet oħra in rem (l-użufrutt, l-użu u l-abitazzjoni, id-drittijiet ta’ timesharing, id-drittijiet ta’ kostruzzjoni u s-servitujiet tal-proprjetà) il-liġi applikabbli hija dik ta’ l-Istat fejn tinsab il-proprjetà kkonċernata. Din ir-regola tapplika kemm għall-proprjetà mobbli kif ukoll għall-proprjetà immobbli.

Skond il-prinċipju, il-fatti li jistabilixxu, jittrasferixxu, jimmodifikaw jew itemmu d-drittijiet in rem huma ggvernati mil-liġi fuq id-drittijiet in rem applikabbli fil-mument meta dawn l-avvenimenti jseħħu.

Fejn tapplika suċċessjoni ta’ regoli, il-prinċipju li għandu jiġi segwit huwa r-rispett għad-drittijiet akkwistati.

III.9. Il-falliment

Il-proċeduri fil-qrati Portugiżi għall-falliment jew l-irkupru ta’ kumpanija, fejn id-debitur ikun domiċiljat jew għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil-Portugall, ifittxu li jinkludu mhux biss l-assi lokalizzati fil-Portugall imma ukoll dawk ta’ barra. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-qrati Portugiżi huma kompetenti u japplikaw jew il-liġi proċedurali jew il-liġi sustantiva Portugiża.

Madankollu, f’każijiet li jinvolvu drittijiet in rem fuq assi li jiffurmaw parti mill-proprjetà tal-fallut jew tal-kumpanija fil-proċedura ta’ rkupru ta’ kumpanija, jidher li l-liġi applikabbli hija dik indikata mir-regoli tal-proprjetà reali, jiġifieri l-liġi tal-post li fih tinsab il-proprjetà.

Fil-prinċipju, il-proċeduri ta’ falliment u l-effetti tagħhom huma ggvernati mil-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tressqet l-azzjoni. Madankollu, ċerti effetti huma ggvernati mil-liġi applikabbli għad-drittijiet ikkonċernati (per eżempju, fejn id-drittijiet in rem u r-riserva tat-titolu jkunu involuti).

Aktar tagħrif

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-websites li ġejjin:

  • http://www.gddc.pt/siii/tratados.html English - français - português - L-Uffiċċju tad-Dokumentazzjoni u l-Liġi Komparattiva;
  • http://www.stj.pt English - français - português - Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja;
  • http://www.tribunalconstitucional.pt/ português - Il-Qorti Kostituzzjonali;
  • http://www.mj.gov.pt/ English - português - Il-Ministeru tal-Ġustizzja;
  • http://trl.pt/ português - Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Liżbona;
  • http://www.trc.pt/ português - Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Coimbra;
  • http://www.tre.pt English - français - português - Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Évora;
  • http://www.trp.pt português - Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Porto;
  • http://www.pgr.pt/ português - L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku;
  • http://www.itij.mj.pt português - Databases legali;
  • http://www.cej.pt/ English - français - português - Iċ-Ċentru għall-Istudji Legali (l-organu responsabbli għat-taħriġ ta’ mħallfin Portugiżi);
  • http://www.dgsj.pt português - Id-Direttorat-Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (li jipprovdi, inter alia, informazzjoni fuq il-kuntatti mal-qrati u l-ġuriżdizzjoni territorjali tagħhom, u aċċess għall-Paġna ta’ l-Uffiċċjali tal-Ġustizzja);
  • http://www.gplp.mj.pt/ English - português - L-Uffiċċju tal-Politika Leġislattiva u l-Ippjanar tal-Ministeru tal-Ġustizzja;
  • http://www.dgrn.mj.pt português - Id-Direttorat-Ġenerali għar-Reġistri u s-Servizzi Notarili;
  • http://www.asjp.pt/ português - L-Assoċjazzjoni ta’ l-Imħallfin Portugiżi;
  • http://www.smmp.pt/ português - L-Assoċjazzjoni tal-Prosekuturi Pubbliċi;
  • http://www.oa.pt/ português - L-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukatura Portugiża;
  • http://www.dr.incm.pt/dr/ português - Id-database on-line tal-leġislazzjoni (li fiha liġijiet u strumenti ppubblikati fuq l-ewwel Serje tal-Gazzetta Uffiċċjali Portugiża wara l-1 ta’ Jannar 1970; aċċess liberu huwa ukoll ipprovdut għal-leġislazzjoni ppubblikata fl-ewwel Serje mill-1 ta’ Jannar 2000);
  • http://www.solicitador.net/ português - L-Assoċjazzjoni ta’ l-Aġenti Legali;

« Liġi applikabbli - Informazzjoni Ġenerali | Portugall - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 28-02-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit