Kummissjoni Ewropea > NGE > Liġi applikabbli > Polonja

L-aħħar aġġornament: 06-03-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Liġi applikabbli - Polonja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

I. Is-sorsi tal-liġi I.
I.1. Il-liġi nazzjonali I.1.
I.2. Il-ftehimiet internazzjonali multilaterali fis-seħħ I.2.
I.3. Il-konvenzjonijiet bilaterali prinċipali fis-seħħ I.3.
II. L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet II.
II.1. L-obbligu tal-qorti li tapplika d-dritt internazzjonali privat II.1.
II.2. Renvoi II.2.
II.3. Tibdil tal-fattur ta’ konnessjoni (le conflit mobileII.3.
II.4. Il-klawżola dwar l-ordni internazzjonali pubblika (ordre public) u r-regoli obbligatorji aktar importanti II.4.
II.5. Il-prova tal-liġi barranija II.5.
III. Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet III.
III.1. L-obbligi kuntrattwali III.1.
III.2. L-obbligi mhux kuntrattwali III.2.
III.3. L-istat personali – l-individwi u l-persuni legali III.3.
III.4. L-istabbiliment tar-relazzjoni bejn ġenituri u l-ulied, inkluża l-adozzjoni III.4.
III.5. Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġa, l-isħubiji, id-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja, l-obbligi tal-manteniment III.5.
III.6. Ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali III.6.
III.7. It-testmenti u s-suċċessjonijiet III.7.
III.8. Il-proprjetà u d-drittijiet in rem III.8.
III.9. L-insolvenza III.9.

 

I. Is-sorsi tal-liġi

I.1. Il-liġi nazzjonali

Is-sorsi tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet internazzjonali bejn l-individwi u l-persuni ġuridiċi huma l-liġi nazzjonali u l-ftehimiet internazzjonali.

L-aktar sinjifikanti fost is-sorsi tad-dritt internazzjonali privat Pollakk huwa l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat tat-12 ta’ Novembru 1965.

I.2. Il-ftehimiet internazzjonali multilaterali fis-seħħ

Il-Polonja hija parti għal bosta konvenzjonijiet multilaterali li fihom dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt tal-liġijiet, b'mod partikolari:

Konvenzjonijiet dwar kwisjonijiet ta' familja u tutela:

Il-Konvenzjoni ta' l-Aja tat-12 ta' Ġunju 1902 dwar is-soluzzjoni tat-tutela tal-minorenni, il-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-5 ta' Ottubru 1961 dwar il-poteri ta' l-awtoritajiet u l-liġi applikabbli fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni, il-Konvenzjoni ta' l-Aja tas-17 ta' Lulju 1905 dwar iċ-ċaħda ta' drittijiet ċivili u miżuri simili ta' protezzjoni, il-Konvenzjoni ta' l-Aja tat-2 ta' Ottubru 1973 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi tal-manteniment.

Konvenzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' eredità:

Il-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-5 ta' Ottubru 1961 dwar il-kunflitt tal-liġijiet relatati mal-forma tad-dispożizzjonijiet testamentarji.

Konvenzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza:

Il-Konvenzjoni ta' l-Aja dwar xi kwistjonijiet relatati mal-kunflitt tal-liġijiet dwar in-nazzjonalità u l-Protokoll dwar każ partikolari ta' apolidja u l-Konvenzjoni dwar in-nazzjonalità tan-nisa miżżewġin, miftuħa għall-iffirmar f'New York fl-20 ta' Frar 1957.

FuqFuq

I.3. Il-konvenzjonijiet bilaterali prinċipali fis-seħħ

Il-konvenzjonijiet bilaterali li kkonkludiet il-Polonja jirrelataw mal-għajnuna legali u l-kooperazzjoni fil-każijiet ċivili, tal-familja, ta’ l-impjiegi u kriminali. Għandhom jissemmew il-konvenzjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi li ġejjin: l-Awstrija, l-Alġerija, Franza, il-Belarus, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Finlandja, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, il-Kuba, il-Libja, il-Litwanja, il-Latvja, Maċedonja, ir-Russja, ir-Rumanija, Serbja u Montenegro, l-Ukraina, l-Ungerija, ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam.

II. L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet

II.1. L-obbligu tal-qorti li tapplika d-dritt internazzjonali privat

Sabiex tevalwa l-fatti legali u l-ġrajjiet ippruvati jew ammessi mill-partijiet u materjali għall-każ, il-qorti tapplika l-liġi applikabbli ex officio, irrispettivament minn jekk il-partijiet għaliha jew il-parteċipanti fil-proċeduri jinvokawx din il-liġi.

Liġi barranija għandha tiġi applikata bħala liġi (mhux bħala fatt) u skond il-prinċipji adottati fil-pajjiż ta’ l-oriġini tagħha, filwaqt li jitqiesu kemm is-sorsi barranin ta’ liġi (inkluża l-liġi komuni) kif ukoll ir-regoli barranin ta’ l-interpretazzjoni tagħha. Dan iseħħ indipendentament mill-applikazzjoni reċiproka, f’każijiet simili, tal-liġi Pollakka minn pajjiż ieħor fuq bażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt tal-liġijiet.

FuqFuq

II.2. Renvoi

Il-Polonja taċċetta l-kunċett ta’ renvoi fid-dritt internazzjonali privat, għalkemm taħt il-liġi Pollakka l-applikazzjoni possibbli ta’ renvoi hija limitata. Id-dispożizzjonijiet Pollakki dwar il-kunflitt tal-liġijiiet jippermettu r-renvoi b’remissjoni. L-Artikolu 4(1) ta’ l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jistipula li, jekk liġi barranija, indikata bħala l-liġi applikabbli mill-Att, tipprovdi biex relazzjoni legali partikolari tiġi regolata mil-liġi Pollakka, allura tgħodd il-liġi Pollakka.

Il-liġi Pollakka tippermetti wkoll dak li jissejjaħ renvoi doppju. Skond l-Artikolu 4(2) ta’ l-Att, jekk liġi nazzjonali barranija indikata bħala applikabbli mill-Att tistipula li relazzjoni legali partikolari għandha tiġi regolata minn liġi barranija oħra, tgħodd din il-liġi barranija l-oħra. Din id-dispożizzjoni tirrestrinġi r-renvoi biss għal-liġi tal-pajjiż indikat bħala t-tielet liġi konsekuttiva, irrispettivament minn jekk id-dispożizzjonijiet tal-kunflitt ta’ liġijiet tat-tielet pajjiż jindikawx il-liġi ta’ xi pajjiż ieħor bħala l-liġi applikabbli.

II.3. Tibdil tal-fattur ta’ konnessjoni (le conflit mobile)

Le conflit mobile jseħħ jekk il-partijiet, permezz ta' l-azzjonijiet tagħhom, jibdlu ċ-ċirkostanzi tal-każ sabiex in-norma tal-kunflitt tal-liġijiet tindika liġi li mhijiex il-liġi li kienet tgħodd qabel it-tibdil fiċ-ċirkostanzi. Per eżempju, skond l-Artikolu 24(1) ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, il-proprjetà u drittijiet oħrajn in rem huma regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn jinsab is-suġġett tagħhom. Madankollu, fil-każ ta' trasferiment ta' mobbli minn pajjiż għall-ieħor, iseħħ tibdil ta' l-istatut (liġi applikabbli) fil-mument meta l-mobbli jaqsam il-fruntiera tal-pajjiż fejn jitgħabba. Imbagħad tqum kwistjoni dwar liema statut għandu jiġi applikat biex jiġu evalwati l-elementi partikolari tar-relazzjoni legali li fil-konfront tagħha nbidlet il-liġi applikabbli. Il-problema tirrelata l-aktar għall-post fejn jinsab il-mobbli fil-każ ta' drittijiet ta' proprjetà fuq mobbli, iżda wkoll għal tibdiliet fiċ-ċittadinanza, domiċilju, residenza jew kwartieri ewlenin irreġistrati ta' persuna legali.

FuqFuq

L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat ma jirregolax din il-kwistjoni b'mod ġenerali, għalkemm fih xi soluzzjonijiet speċifiċi. Per eżempju, dwar drittijiet ta' proprjetà fuq mobbli, l-Artikolu 24(2) ta' l-Att jipprovdi li l-kisba u t-telf tat-titolu ta' proprjetà, kif ukoll il-kisba u t-telf, u tibdil fil-kontenut jew priorità ta', drittijiet oħrajn ta' proprjetà, huma regolati mil-liġi tal-post fejn kien jinsab is-suġġett ta' dawn id-drittijiet fil-ħin tal-ġrajja li rriżultat fil-konsegwenzi legali deskritti hawn fuq.

Fil-każijiet mhux irregolati, huwa ġeneralment assunt li r-relazzjonijiet irreġistrati taħt statut ta' qabel jinbidlu biss sa fejn meħtieġ mill-istatut il-ġdid.

II.4. Il-klawżola dwar l-ordni internazzjonali pubblika (ordre public) u r-regoli obbligatorji aktar importanti

L-Artikolu 6 ta’ l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat Pollakk jipprovdi għall-klawżola ta’ l-ordni pubblika, li tipprovdi li liġi barranija ma tistax tiġi applikata jekk l-applikazzjoni tagħha tirriżulta f’kontravenzjoni tal-prinċipji fundamentali ta’ l-ordni legali tar-Repubblika tal-Polonja. Il-klawżola ta’ l-ordni pubblika tista’ tiġi applikata f’każijiet eċċezzjonali biss, jekk liġi barranija tikser il-prinċipji ta’ ordni legali fis-seħħ fil-ħin tad-deċiżjoni ġudizzjarja. Barra minn hekk, qabel ma tiġi applikata din il-klawsola, ikun meħtieġ li wieħed iqis mhux tant id-differenzi bejn il-liġi nazzjonali u dawk barranin, iżda l-konsegwenzi fuq l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ sistemi legali f’sitwazzjoni speċifika. Wara kollox, huwa possibbli li, minkejja d-dispożizzjonijiet radikalment differenti, l-applikazzjoni tan-normi legali minn sistemi legali differenti jista’ jkollha konsegwenzi simili, u b’hekk teskludi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

FuqFuq

Ir-regoli mandatorji superjuri (lois de police) għandhom rwol simili għall-prinċipju ta’ l-ordni pubblika. Dawn huma normi speċjali tal-liġi li, għalkemm ma jgħoddux skond id-dispożizzjonijiet tal-kunflitt tal-liġijiet tal-pajjiż tal-fori, huma marbuta qrib mal-każ. Jistgħu jkunu n-normi legali tal-pajjiż tal-fori jew ta’ pajjiż terz. Dawn in-normi huma assolutament mandatorji u l-“intenzjoni” tagħhom hija li jiġu applikati f’pożizzjoni legali partikolari.

Il-possibbiltà li qorti Pollakka tapplika n-normi tal-liġi Pollakka bħala regoli obbligatorji aktar importanti, jekk tiġi indikata liġi barranija bħala liġi applikabbli għal każ partikolari, ma ġietx ikkontemplata fid-dispożizzjonijiet tal-kunflitt tal-liġijiet. Madankollu din il-possibbiltà hija ssuġġerita kemm minn kittieba akkademiċi kif ukoll min deċiżjonijiet ġudizzjarji.

II.5. Il-prova tal-liġi barranija

Il-konsegwenza ta’ l-applikazzjoni fil-proċedura ċivili Pollakka ta’ liġi barranija ex officio hija l-impożizzjoni fuq il-qorti ta’ l-obbligu li tapplika l-istess għal kull każ fejn jirriżulta min-normi legali li jgħoddu għall-istima taċ-ċirkostanzi li huma materjali għad-determinazzjoni tal-każ. Dan jinvolvi l-obbligu tal-qorti li tistabbilixxi l-kontenut tal-liġi barranija, il-prinċipji ta’ l-interpretazzjoni tagħha u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji barranin.

III. Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet

III.1. L-obbligi kuntrattwali

Is-sorsi tal-liġi

Taħt il-liġi Pollakka, il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali hija regolata fl-Artikoli 25 sa 31 ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Iżda l-kwistjonijiet dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali huma wkoll irregolati minn ftehimiet bilaterali u multilaterali, u mid-dispożizzjonijiet ta-liġi nazzjonali li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-kunflitt tal-liġijiet tad-direttivi settorali. Dawn ir-regolamenti għandhom priorità fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Att.

FuqFuq

Il-liġi applikabbli

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jintroduċu, bħala prinċipju generali, il-libertà ta' l-għażla mill-partijiet. Skond l-Artikolu 25(1) ta' l-Att, il-partijiet jistgħu jissottomettu r-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom fir-rigward l-obbligi kuntrattwali tagħhom għal-liġi li jagħżlu huma, jekk din il-liġi hija konnessa ma' l-obbligu. “Li tkun konnessa ma' l-obbligu” tfisser konnessjoni ċerta oġġettiva tar-relazzjoni legali ma' l-istat li l-liġi tiegħu intagħżel mill-partijiet (permezz tal-post ta' l-esekuzzjoni jew implimentazzjoni tal-ftehim, il-post tar-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tal-partijiet kuntraenti, eċċ.). L-għażla tal-liġijiet tgħodd biss għall-obbligi li għandhom element internazzjonali, u hija eskluża jekk l-obbligu jirrelata għall-proprjetà immobbli (Artikolu 25(2) ta' l-Att).

Jekk ma saret ebda għażla tal-liġi, l-Att jipprovdi għal għadd ta' fatturi oġġettivi ta' konnessjoni. L-applikazzjoni ta' dawn il-fatturi ta' konnessjoni tinneċessita l-preservazzjoni ta' ordni partikolari. Pereżempju, skond l-Artikolu 28 ta' l-Att, l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti tal-borża huma regolati mil-liġi fis-seħħ fl-uffiċċju reġistrat tal-borża, kemm-il darba l-partijiet ma jkunux għamlu għażla ta' liġi differenti. Din id-dispożizzjoni tgħodd f'dan is-sens għall-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti konklużi fil-fieri kummerċjali. Jekk l-uffiċċji reġistrati jew postijiet tar-residenza tal-partijiet jinsabu fl-istess pajjiż, allura skond l-Artikolu 26 ta' l-Att, tgħodd il-liġi ta' dak il-pajjiż (din id-dispożizzjoni ma tgħoddx għal obbligi dwar proprjetà immobbli). Skond l-Artikolu 27 ta' l-Att, l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim għell-bejgħ tal-mobbli, kuntratt ta' provvista, kuntratt għat-twettiq ta' funzjoni speċifika jew xogħol speċifiku, ftehim ta' servizzi, ftehim ta' aġenzija, ftehim ta' kunsinna, ftehim ta' ġarr fuq bastiment, ftehim ta' bgħit, ftehim ta' depożitu, ftehim ta' ħażna, kuntratt ta' l-assikurazzjoni u ftehim għat-trasferiment ta' copyright, huma regolati mil-liġi tal-post tar-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tal-parti obbligata li tipprovdi servizz speċifiku (kemm-il darba, fir-rigward ta' l-obbligi li jirriżultaw taħt ftehimiet konklużi fir-rigward ta' intrapriża, minflok il-liġi tal-pajjiż fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat tal-persuna legali jew il-post tar-residenza ta' individwu, tgħodd il-liġi tal-pajjiż fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat ta' l-intrapriża - l-Artikolu 27(3) ta' l-Att).

FuqFuq

L-Atti leġiżlattivi Pollakki ma fihom ebda dispożizzjoni ta' kunflitt ta' liġijiet dwar il-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet tal-konsumatur, li tikkorrispondi għall-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' Ruma. Jekk iċ-ċirkostanzi tal-każ ma jaqgħux taħt il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' kunflitt ta' liġijiet tad-direttivi dwar il-konsumaturi, il-liġi applikabbli skond ir-regoli ġenerali li jirregolaw l-obbligazzjonijiet għandha tiġi applikata għal kwalunkwe tilwima transkonfinali li tinvolvi lill-konsumaturi.

Dwar l-atti legali unilaterali, skond l-Artikolu 30 ta' l-Att, id-dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali jgħoddu f'dan is-sens.

L-ambitu ta' l-applikazzjoni tal-liġi applikabbli

L-istatut kuntrattwali (u l-istatut li jirregola l-atti legali unilaterali) jiddetermina, fost l-oħrajn, il-possibbiltà li ssir tranżazzjoni legali speċifika u l-fatturi li jiddeterminaw il-validità tagħha. Madankollu, il-kapaċità bħala kundizzjoni anteċedenti ta' tranżazzjoni legali hija evalwata skond l-istat personali, filwaqt li l-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-forma tagħha hija regolata separatament fl-Artikolu 12 ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Barra minn dan, il-liġi applikabbli għal tranżazzjoni legali tispeċifika r-regoli dwar l-interpretazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tar-rieda, termini u perjodi, il-kontenut ta' relazzjoni kuntrattwali, l-inadempjenza jew twettiq mhux xieraq ta' obbligu, il-metodu u l-ambitu tal-kumpens, l-emenda, l-iskadenza ta' obbligu u t-trasferiment ta' obbligu (p.e., permezz ta' assenjazzjoni).

III.2. L-obbligi mhux kuntrattwali

Is-sorsi tal-liġi u r-relazzjoni tagħhom

Skond il-liġi Pollakka, il-kwistjoni tal-liġi li tirregola l-obbligi mhux kuntrattwali hija regolata mill-Artikolu 31 ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Madankollu, simili għall-obbligi kuntrattwali, il-kwistjonijiet dwar il-liġi li tgħodd għall-obbligi mhux kuntrattwali hija regolata wkoll minn ftehimiet bilaterali u multilaterali, u mid-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt tal-liġijiet tad-direttivi settorali. Dawn ir-regolamenti għandhom priorità ta' l-applikazzjoni fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Att.

FuqFuq

Dwar il-liġi applikabbi għall-inċidenti tat-traffiku fit-toroq, il-Konvenzjoni ta' l-Aja ta' l-1971 dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku (li l-Polonja hija parti għaliha) għandha l-preċedenza ta' l-applikazzjoni.

Fl-ambitu ta' l-implimentazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt tal-liġijiet tad-direttivi settorjali (eż, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi) ukoll għandhom prijorità fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Att.

Il-liġi applikabbli

L-Artikolu 31(1) u (2) ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jipprovdi li obbligu mhux kuntrattwali huwa regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn seħħet il-ġrajja li hija s-sors ta' l-obbligazzjoni. Madankollu, jekk il-partijiet huma ċittadini ta' l-istess pajjiż u huma domiċiljati hemm, tgħodd il-liġi ta' dak il-pajjiżi.

III.3. L-istat personali – l-individwi u l-persuni legali

Is-sorsi tal-liġi

Skond il-liġi Pollakka, il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-kapaċità legali ta' l-individwi u l-persuni legali hija regolata mill-Artikoli 9 sa 11 ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Il-liġi applikabbli

Ir-regola ġenerali hija introdotta mill-Artikolu 9(1) u (2) ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Skond dik id-dispożizzjoni, il-kapaċità legali ta' individwu u l-kapaċità tiegħu li jwettaq tranżazzjonijiet legali hija soġġetta għal-liġi nazzjonali tiegħu, filwaqt li l-kapaċità legali ta' persuna legali hija soġġetta għal-liġi tal-pajjiż fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat tagħha. Skond id-duttrina legali, l-uffiċċju reġistrat ta' persuna legali jfisser il-kwartieri ewlenin attwali tal-korpijiet ewlenin li jiggvernawha (il-bord ta' ġestjoni).

FuqFuq

Il-fatturi tal-konnessjoni ta' nazzjonalità u l-uffiċċju reġistrat fir-rigward ta' l-istat personali ta' l-individwi u l-persuni legali rispettivament, huma soġġetti għal xi eċċezzjonijiet. L-ewwel, fir-rigward tal-kapaċità legali ta' persuna legali, xi konvenzjonijiet bilaterali jipprovdu għall-applikazzjoni tal-liġi tal-pajiż fejn din il-persuna ġiet inkorporata.

It-tieni, jekk persuna legali jew individwu jwettqu tranżazzjoni legali fir-rigward ta' intrapriża, il-kapaċità legali ta' din il-persuna jew individwu tiġi regolata mill-pajjiż fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat ta' l-intrapriża (Artikolu 9(3) ta' l-Att).

It-tielet, l-Artikolu 10 ta' l-Att jipprovdi li, jekk barrani li m'għandux kapaċità legali taħt il-liġi nazzjonali tiegħu, wettaq tranżazzjoni legali fil-Polonja li suppost għandha effett fil-Polonja, il-kapaċità legali ta' dan il-barrani, sa dak il-grad, tkun soġġetta għal-liġi Pollakka, jekk meħtieġ minħabba l-protezzjoni tal-persuni li aġixxew fi bwona fede. Din id-dispożizzjoni, bl-istess mod bħall-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta' Ruma, hija mmirata li tipproteġi l-bwona fede tal-partijiet kuntraenti li huma kapaċi li jwettqu tranżazzjoni legali skond il-liġi tal-pajjiż fejn saret it-tranżazzjoni, iżda ma għandhom ebda kapaċità legali taħt il-liġi nazzjonali tagħhom. Għal dik ir-raġuni, din l-eċċezzjoni ma tgħoddx għal tranżazzjonijiet legali li jirrelataw għal-liġijiet dwar il-familja u t-tutela u għall-liġi dwar l-eredità.

Jgħoddu wkoll regolamenti speċjali għall-preżunzjoni tal-mewt u l-konferma tal-mewt. Skond l-Artikolu 11 ta' l-Att, sabiex persuna nieqsa tiġi preżunta mejta jew sabiex mewt tiġi kkonfermata, għandha tiġi applikata l-liġi nazzjonali ta' dik il-persuna (kemm-il darba qorti Pollakka mhijiex qed taġġudika f'każ dwar id-dikjarazzjoni tal-mewt ta' barrani jew il-konferma tal-mewt ta' barrani, f'liema każ tgħodd il-liġi Pollakka).

FuqFuq

III.4. L-istabbiliment tar-relazzjoni bejn ġenituri u l-ulied, inkluża l-adozzjoni

L-istabbiliment tar-relazzjoni bejn ġenituri u l-ulied - is-sorsi tal-liġi u l-liġi applikabbli

Il-kwistjonijiet relatati mar-relazzjoni bejn ġenituri u l-ulied ġew irregolati fl-Artikolu 19(2) ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, illi jipprovdi li l-istabbliment jew iċ-ċaħda tal-paternità jew tal-maternità huma regolati mil-liġi nazzjonali tal-wild applikabbli fil-ħin tat-twelid tiegħu; l-istabbiliment tar-relazzjoni bejn ġenituri u l-ulied huwa regolat mil-liġi tal-pajjiż li l-wild huwa ċittadin tiegħu fil-ħin meta tiġi stabbilita din ir-relazzjoni, filwaqt li l-istabbiliment tar-relazzjoni bejn ġenituri u l-ulied fir-rigward ta' tifel li għadu ma twelidx huwa regolat mil-liġi nazzjonali ta' l-omm.

Fil-każ li l-wild jew l-omm għandhom ċittadinanza doppja jew multipla, jgħodd il-prinċipju ta' l-esklussività taċ-ċittadinanza Pollakka, ifformulat fl- Artikolu 2(1) ta' l-Att.

Il-maġġoranza tal-konvenzjonijiet bilaterali jadottaw l-istess prinċipju dwar l-applikabilità tal-liġi nazzjonali tal-wild fil-mument li fih ikun twieled. Iżda xi pajjiżi jissottomettu l-kwistjoni ta' l-oriġini tal-wild għal-liġi nazzjonali ta' l-omm fil-mument li fih twieled jew għad-domiċilju tal-ġenituri u ta' l-ulied, u jekk mhemmx dan il-fattur ta' konnessjoni, għal-liġi nazzjonali tal-wild.

L-adozzjoni - is-sorsi tar-regoli u l-liġi applikabbli

Skond l-Artikolu 22(1) ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, l-adozzjoni hija rrregolata mil-liġi nazzjonali tal-parti li qed tadotta, iżda hija soġġetta għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-wild dwar il-kunsens tal-wild, il-kunsens tar-rappreżentant statutarju tal-wild, il-permess ta' l-awtorità kompetenti ta' l-istast jew ir-restrizzjonijiet fuq l-adozzoni dwar tibdil fid-domiċilju eżistenti għal domiċilju f'pajjiż ieħor.

FuqFuq

Taħt il-ftehimiet bilaterali konklużi mill-Polonja, jistgħu jiġu distinti dawn ir-regoli li ġejjin: a) l-adozzjoni hija regolata mil-liġi tal-Parti li għandu ċ-ċittadinanza tagħha l-wild, b) l-adozzjoni hija regolata mil-liġijiet taż-żewġ Partijiet, jekk il-konjuġi li japplikaw għall-adozzjoni għandhom ċittadinanzi differenti, c) l-adozzjoni hija regolata mil-liġi ta' l-Istat li fit-territorju tiegħu il-persuna adottata u l-ġenitur adottat huma domiċiljati jew jekk inhuma domiċiljati f'pajjiżi differenti, il-liġi tal-Parti li tagħha l-persuna adottata hija ċittadina.

Il-Polonja hija wkoll parti għall-Konvenzjoni Ewropea dwar l-adozzjoni ta' l-ulied, magħmula fi Strasbourg fl-24 ta' April 1967 u l-Konvenzjoni ta' l-Aja tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-protezzjoni ta' l-ulied u l-kooperazzjoni fir-rigward ta' l-adozzjoni bejn il-pajjiżi.

III.5. Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġa, l-isħubiji, id-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja, l-obbligi tal-manteniment

Iż-żwieġ

Skond il-liġi Pollakka, il-kwistjoni tal-liġi li tirregola ż-żwieġ hija regolata fl-Artikoli 14 sa 16 ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Ir-regola hija li r-raġunijiet biex jiġi kkuntrattat iż-żwieġ u għall-annullament taż-żwieġ huma evalwati skond il-liġi nazzjonali ta' kull konjuġi separatament (l-Artikolu 14). Dan ifisser li l-kapaċità li jiġi kkuntrattat iż-żwieġ hija evalwata serparatament għal kull wieħed mill-konjuġi skondi l-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Il-fattur tal-konnessjoni tan-nazzjonalità hija wkoll użata fil-ftehimiet bilaterali bejn il-Polonja u, fost l-oħrajn, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, l-Islovakkja, ir-Rumenija, l-Awstrija jew Franza.

FuqFuq

Jekk il-konjuġi għandu/għandhom ċittadinanza doppja jew multipla, ċittadin Pollakk ikun soġġett għal-liġi Pollakka, minkejja l-fatt li l-liġi ta' pajjiż ieħor ukoll tagħrafha bħala ċ-ċittadin tiegħu.

Jekk ċittadin Pollakk jidħol fiż-żwieġ ma' barrani li għandu ċittadinanza ta' żewġ pajjiżi jew aktar, il-barrani jkun soġġett għal-liġi nazzjonali tiegħu, jiġifieri l-liġi tal-pajjiż li miegħu huwa konness l-aktar qrib.

Id-divorzju - il-liġi applikabbli

L-Artikolu 18 ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat tal-Polonja jipprovdi li l-liġi applikabbli għad-divorzji hija l-liġi komuni nazzjonali tal-konjuġi applikabbli fil-ħin tat-talba għad-divorzju. Jekk il-konjuġi m'għandhomx din il-liġi nazzjonali komuni, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn huma domiċiljati ż-żewġ konjuġi. Jekk jirriżulta li l-konjuġi mhumiex domiċiljati fl-istess pajjiż, tgħodd il-liġi Pollakka.

Is-separazzjoni

L-Artikolu 18 ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat tal-Polonja jipprovdi li l-liġi applikabbli għas-separazzjoni hija l-liġi komuni nazzjonali tal-konjuġi applikabbli fil-ħin tat-talba għad-divorzju. Jekk il-konjuġi m'għandhomx din il-liġi nazzjonali komuni, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn huma domiċiljati ż-żewġ konjuġi. Jekk jirriżulta li l-konjuġi mhumiex domiċiljati f-istess pajjiż, tgħodd il-liġi Pollakka.

Il-ħlasijiet tal-manteniment

Skond il-liġi Pollakka, mhemm ebda regolament separat dwar il-liġi applikabbli fir-rigward ta' l-obbligi tal-manteniment fir-relazzjoni bejn il-konjuġi u għalhekk in-normi li jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali jiġu applikati f'kapaċità anċillari. Għalhekk l-obbligi tal-manteniment bejn il-partijiet matul iż-żwieġ huma soġġetti għall-istatut finanzjaru bejn il-konjuġi.

FuqFuq

Jekk xi ħadd mill-konjuġi jagħmel talba għall-manteniment matul iż-żwieġ, tgħodd il-liġi komuni nazzjonali tal-konjuġi fis-seħħ dak il-ħin. Jekk il-konjuġi m'għandhomx din il-liġi nazzjonali komuni, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn huma domiċiljati ż-żewġ konjuġi, u jekk l-konjuġi mhumiex domiċiljati f-istess pajjiż, tgħodd il-liġi Pollakka. It-talbiet għall-manteniment f'relazzjonijiet bejn konjuġi ddivorzjati huma soġġetti għal-liġi li applikat fil-proċeduri tad-divorzju.

III.6. Ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali

Il-liġi applikabbli

Ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn il-partijiet huma regolati mil-liġi nazzjonali komuni tagħhom fis-seħħ dak il-ħin (l-Artikolu 17(1) ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat). Jekk il-konjuġi m'għandhomx din il-liġi nazzjonali komuni, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn huma domiċiljati ż-żewġ konjuġi, u jekk l-konjuġi mhumiex domiċiljati fl-istess pajjiż, tgħodd il-liġi Pollakka.

Il-liġi nazzjonali komuni tal-konjuġi fis-seħħ f'ħin partikolari wkoll tirregola l-ammissibilità ta' l-esekuzzjoni ta', l-emenda ta' jew it-terminazzjoni ta' ftehim dwar proprjetà matrimonjali. Madankollu, ir-relazzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw taħt ftehim dwar proprjetà matrimonjali huma regolati mil-liġi nazzjonali komuni tal-partijiet fis-seħħ fil-ħin ta' l-esekuzzjoni tal-ftehim. Jekk il-konjuġi m'għandhomx din il-liġi nazzjonali komuni, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn huma domiċiljati ż-żewġ konjuġi, u jekk l-konjuġi mhumiex domiċiljati f-istess pajjiż, tgħodd il-liġi Pollakka.

FuqFuq

III.7. It-testmenti u s-suċċessjonijiet

Is-sorsi tal-liġi

Il-kwistjonijiet li jirrelataw għal-liġi applikabbli għall-każijiet ta' l-eredità huma regolati fl-Artikoli 34 u 35 ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Iżda, il-Konvenzjoni ta' l-Aja ta' l-1961 dwar il-kunflitt tal-liġijiet dwar il-forma ta' dispożizzjonijiet testamentarji u d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-kunflitt tal-liġijiet tal-konvenzjonijiet bilaterali dwar l-għajnuna legali, li għalihom il-Polonja hija firmatarja, jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Att.

Il-liġi applikabbli

Skond l-Artikolu 34 ta' l-Att, il-każijiet dwar l-eredità huma regolati mil-liġi nazzjonali tat-testatur, fis-seħh fil-ħin tal-mewt tiegħu. L-Artikolu 35 ta' l-Att jipprovdi għal eċċezzjoni għal din ir-regola fil-każ ta' l-evalwazzjoni tal-validità tat-testment u dmirijiet oħrajn legali fil-każ tal-mewt, u jistipola li, sa dan il-punt, huwa biżżejjed li wieħed iħares il-forma provduta mil-liġi tal-pajjiż fejn isir l-att legali.

Ir-regoli dwar l-eredità fir-rigward tal-farms li jinsabu l-Polonja.

Ir-regoli dwar l-eredità fir-rigward tal-farms fil-Polonja huma soġġetti għal regolamenti separati, li huma differenti b'mod sinjifikanti mid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi dwar l-eredità. Kemm id-duttrina legali kif ukoll il-letteratura legali jassumu li l-istatut ta' l-eredità tgħodd ukoll għall-irziezet li jinsabu l-Polonja, iżda bla preġudizzju għall-emendi li jirriżultaw minn regolamenti Pollakki ddettaljati dwar ir-regoli li jgħoddu għall-eredità tal-farms.

III.8. Il-proprjetà u d-drittijiet in rem

Il-liġi applikabbli

Il-proprjetà u drittijiet oħrajn in rem huma regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn jinsab is-suġġett tagħhom (l-Artikolu 24 ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat). Il-liġi applikabbli hija l-liġi fis-seħħ fil-post fejn jinsab l-oġġett (proprjetà mobbli jew immobbli). Iżda l-kisba u t-telf tal-proprjetà, u l-kisba, telf, emenda jew priorità ta' kwalunkwe dritt ieħor in rem huma regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn jinsab is-suġġett ta' dawn id-drittijiet fil-ħin meta seħħet l-okkorrenza li kellha l-konsengwenzi legali msemmija hawn fuq. Jgħoddu regolamenti oħrajn għall-ajruplani, għaliex id-drittijiet in rem abbord l-ajruplani huma evalwati skond il-liġi tal-pajjiż tar-reġistrazzzjoni ta' l-ajruplan.

FuqFuq

Taħt il-liġi marittima, id-drittijiet tal-proprjetà fuq bastiment huma regolati mil-liġi ta' l-istat tar-reġistrazzjoni tal-bastiment.

Il-proprjetà immobbli

Skond l-Artikolu 25(2) ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, l-obbligi dwar il-proprjetà immobbli (p.e., ftehim ta' bejgħ, skambju, rigal, annwità, tipi differenti ta' kera) huma dejjem ir-regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà immobbli. Dan ifisser li l-partijiet għal dawn l-obbligi mhumiex intitolati jagħmlu għażla tal-liġi.

III.9. L-insolvenza

Il-liġi applikabbli

Il-kwistjonijiet relatati mal-liġi applikabbli għall-insolvenza huma regolati taħt il-liġi Pollakka kemm fl-Att tat-28 ta' Frar 2003 - Liġi dwar il-Falliment u r-Riabilitazzjoni u wkoll fid-Dritt Internazzjonali Privat, kemm-il darba, madankollu, li l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat ma fih ebda dispożizzjoni dwar il-kunflitt tal-liġijiet li tista' tirregola direttament il-kwistjoni tal-failliment jew il-konsegwenzi ta' dikjarazzjoni ta' falliment.

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 460 sa 470 ta' l-Att dwar il-Liġi tal-Falliment jeskludu l-applikazzjoni ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat għal kwalunkwe proċedura ta' falliment mibdija fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja biss fir-rigward ta' l-entitajiet elenkati fil-Liġi tal-Falliment, jiġifieri banek barranin u istituzzjonijiet tal-kreditu barranin u l-fergħat tagħhom. Dwar il-proċeduri tal-falliment li jinvolvu entitajiet oħrajn, p.e., intrapriżi, li jistgħu jinkludu l-individwi, persuni legali u unitajiet ta' organizzazzjonijet mhux inkorporati, jgħoddu d-dispożizzjonijiet tal-kunflitt ta' liġijiet li jinsabu fl-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

L-Artikolu 460 tal-Liġi tal-Falliment jintroduċi regola illi tipprovdi li l-liġi Pollakka tgħodd għal kwalunkwe proċedura ta' falliment mibdija fir-Repubblika tal-Polonja. Madankollu, l-Att jipprovdi wkoll għal għadd kbir ta' eċċezzjonijiet għal dik ir-regola, skond in-natura tar-relazzjoni legali partikolari, il-konnessjonijiet eqreb ma' pajjiż ieħor jew fejn jinsab l-oġġett (mobbli).

« Liġi applikabbli - Informazzjoni Ġenerali | Polonja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 06-03-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit