Kummissjoni Ewropea > NGE > Liġi applikabbli > Ġermanja

L-aħħar aġġornament: 17-10-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Liġi applikabbli - Ġermanja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

I. Is-sorsi tar-regoli fis-seħħ. I.
I.1. Ir-regoli nazzjonali I.1.
I.2. Il-konvenzjonijiet multilaterali internazzjonali I.2.
I.3. Il-konvenzjonijiet bilaterali I.3.
II. L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet II.
II.1. L-imħallef obbligat japplika/tapplika r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fuq inizjattiva tiegħu/tagħha? II.1.
II.2. Ir-rinviju II.2.
II.3. Bidla fil-fattur ta’ konnessjoni II.3.
II.4. Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt II.4.
II.5. Il-prova tal-liġi barranija II.5.
III. Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet III.
III.1. L-obbligi kuntrattwali III.1.
III.2. L-obbligi mhux kuntrattwali III.2.
III.3. L-istatus personali III.3.
III.4. In-nisel, ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni III.4.
III.5. Iż-żwieġ, il-koabitazzjoni, id-divorzju, il-manteniment III.5.
III.6. Ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali III.6.
III.7. Is-suċċessjoni, it-testmenti III.7.
III.8. Id-drittjiet reali III.8.
III.9. L-insolvenza III.9.

 

Ċaħda ta' responsabbiltà

Il-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet li ġejjin mhix garantita. F'każi speċifiċi, dawn ma jistgħux u m'għandhomx jissostitwixxu parir legali.

Il-fini tad-dikjarazzjonijiet huwa sempliċement li jipprovdi xi informazzjoni bażika dwar id-dritt internazzjonali privat Ġermaniż. Dak huwa l-fini li għalih ingħatat approvazzjoni sabiex jintuża fl-EJN. Għal kwalunkwe użu ieħor tad-dikjarazzjonijiet l-ewwel irid ikun hemm ftehim dwaru mal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

I. Is-sorsi tar-regoli fis-seħħ.

I.1. Ir-regoli nazzjonali

Is-sors prinċipali tal-dritt internazzjonali privat Ġermaniż huwa l-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche (EGBGB - l-Att dwar (l-Introduzzjoni ta') il-Kodiċi Ċivili), b'mod partikolari l-Artikoli 3 sa 46 tiegħu. Madankollu, skond l-Artikolu 3(2) EGBGB, ir-regoli stabbiliti fl-atti leġiżlattivi tal-Komunitajiet Ewropej u tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jkunu direttament applikabbli fil-liġi nazzjonali jieħdu l-preċedenza fuq it-termini ta' dan l-Att fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

Il-liġi Ġermaniża tinkludi wkoll ftit dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt tal-liġijiet imxerrda fi bnadi oħra minbarra l-EGBGB, pereżempju fl-Insolvenzordnung (InsO - ir-Regolament dwar l-Insolvenza) u fl-Einführungsgesetz zum Versicherungsvertragsgesetz (EGVVG - l-Att dwar il-Kuntratti ta' l-Assigurazzjoni (Introduzzjoni)).

F'dawk l-oqsma li ma jkunux iddeterminati mil-liġi, eż. kwistjonijiet ta' dritt internazzjonali tal-kumpaniji, il-liġi li għandha tkun applikata tiġi determinata mill-qrati.

I.2. Il-konvenzjonijiet multilaterali internazzjonali

Il-ftehimiet multilaterali kollha ffirmati u ratifikati mill-Ġermanja ġew elenkati fid-Direttorju B tal-Bundesgesetzblatt (ordnijiet onlajn minn www.bundesgesetzblatt.de Deutsch). Din il-lista ta' trattati multilaterali bejn l-Istati tinkludi wkoll dawk li jinkludu dispożizzjonijiet unifikati ta' kunflitt tad-dritt.

FuqFuq

Il-konvenzjonijiet multilaterali ta' dan it-tip ta' spiss jinbdew minn organizzazzjonijiet internazzjonali. F'din il-konnessjoni, għandha tiġi nnotata partikolarment il-Konferenza ta' l-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (www.hcch.net English - français). Bl-istess mod, l-UNCITRAL (uncitral@uncitral.org) u l-UNIDROIT (info@unidroit.org), it-tnejn li huma organizzazzjonijiet li jieħdu ħsieb l-istandardizzazzjoni tal-liġi internazzjonali u t-tqegħid tan-negozju dinji f'qafas legali, jikkontribwixxu għall-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' kunflitt tal-liġijiet. Il-Ġermanja hija attiva fit-tliet organizzazzjonijiet.

I.3. Il-konvenzjonijiet bilaterali

Id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt tal-liġijiet jinsabu wkoll fi trattati Statali bilaterali. Bl-istess mod, il-ftehimiet tal-Ġermanja ma’ Stati oħra jinsabu fid-Direttorju B tal-Bundesgesetzblatt.

II. L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet

II.1. L-imħallef obbligat japplika/tapplika r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fuq inizjattiva tiegħu/tagħha?

Id-dritt internazzjonali privat Ġermaniż huwa ta’ importanza mhux biss fit-tilwim ġudizzjarju. L-imsieħba fin-negozju fi Stat differenti jeħtieġ li jkunu jafu liema liġi se tirregola l-kuntratt tagħhom irrispettivament minn kwalunkwe tilwima legali futura. Il-liġijiet u l-obbligi tagħhom jiġu determinati fuq dik il-bażi. Is-sewwieqa tal-karozza li jivvjaġġaw waqt btala lejn Stat ieħor iridu jkunu konxji mil-liġi li jistgħu jkunu suġġetti għaliha jekk jikkawżaw aċċident hemmhekk. Dan jiddetermina n-natura u d-daqs tal-kumpens.

FuqFuq

Qorti Ġermaniża li ntalbet issolvi kwistjoni f’ċirkostanzi li jindikaw konnessjoni mal-liġi ta’ Stat ieħor trid tiddetermina l-liġi li għandha tiġi applikata, b’referenza għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt tad-dritt tagħha. L-imħallef Ġermaniż irid ikun familjari mar-regoli tad-dritt internazzjonali privat Ġermaniż u jrid japplikahom ex officio. M’hemm l-ebda għażla disponibbli.

II.2. Ir-rinviju

Ir-rinviju huwa bażikament irregolat mill-Artikolu 4 EGBGB. Jekk il-liġi barranija tirreferi lura għal-liġi Ġermaniż, ikollhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet sostantivi Ġermaniżi.

Fejn id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi dwar il-kunflitt tad-dritt jippermettu li ssir għażla rigward liema liġi għandha tkun applikata, dik l-għażla tkun relatata biss mad-dispożizzjonijiet sostantivi.

II.3. Bidla fil-fattur ta’ konnessjoni

Bidla fil-liġi applikabbli (għal sitwazzjonijiet “mhux solvuti”) hija fenomenu familjari għal-liġi Ġermaniża. Pereżempju, id-drittijiet in rem bażikament jiġu valutati skond il-liġi tal-lokalità fejn tinsab il-proprjetà, sabiex oġġett jista' jkun irregolat minn ordni legali differenti meta tinbidel il-lokalità fejn jinsab.

Madankollu, bidla fil-fattur ta' konnessjoni tiġi aċċettata wkoll f'oqsma oħra tal-liġi, b'eżempju wieħed ikun bidla fin-nazzjonalità.

Ma jista' jkun hemm l-ebda bidla fil-liġi applikabbli jekk id-dispożizzjoni dwar il-kunflitt tal-liġijiet tistipula żmien speċifku ta' konnessjoni. Pereżempju, issir referenza għan-nazzjonalità tat-testatur fi żmien mewtu sabiex ikun iddeterminat liema liġi tas-suċċessjoni għandha tiġi applikata (ara l-punt 3.7).

FuqFuq

II.4. Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt

Qorti Ġermaniża trid tapplika d-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi Ġermaniża anki fejn ir-regoli Ġermaniżi dwar il-kunflitt tal-liġijiet huma stess jeħtieġu li tkun applikata l-liġi ta’ Stat ieħor. La l-ġurisprudenza u lanqas il-letteratura ma jipprovdu gwida definittiva dwar jekk, kif u sakemm iridu jiġu obduti fil-Ġermanja d-dispożizzjonijiet mandatorji ta’ liġi barranija f’każi fejn il-liġi Ġermaniża trid tiġi applikata għall-fatti tal-każ.

L-Artikolu 6 EGBGB jinkludi r-riserva Ġermaniża relatata ma’ l-ordni pubbliku. Id-dispożizzjonijiet legali barranin iridu jiġu disapplikati fejn l-applikazzjoni tagħhom tkun manifestament inkompatibbli mal-prinċipji findamentali tal-liġi Ġermaniża. “Prinċipji fundamentali” tfisser li jridu jkunu involuti l-prinċipji fundamentali tal-ġustizzja. Ġeneralment, dan ifisser ksur serju tad-drittijiet fundamentali garantiti fil-Kostituzzjoni Ġermaniża. Konsiderazzjoni importanti oħra għall-applikabbiltà tar-riserva ta’ l-ordni pubbliku hija jekk il-fatti tal-każ jiżvelawx konnessjoni domestika; hemmhekk biss il-liġi Ġermaniż ġeneralment tkun rilevanti b’mod attiv.

II.5. Il-prova tal-liġi barranija

Il-qrati Ġermaniżi mhux biss iridu japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt tal-liġijiet tagħhom ex officio imma skond l-Artikolu 293 tal-Zivilprozessordnung (ZPO – il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) huma wkoll obbligati li jistabbilixxu l-kontenut tal-liġi barranija li għandha tiġi applikata permezz ta’ proċedura ġudizzjarja bbażata fuq id-diskrezzjoni u s-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet li għandha għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-qrati jistgħu jagħmlu użu mill-kooperazzjoni tal-partijiet imma mhumiex marbuta bit-talbiet tagħhom.

FuqFuq

III. Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet

III.1. L-obbligi kuntrattwali

It-termini tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ta’ l-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali ġew inkorporati fil-liġi Ġermaniż bħala l-Artikoli 27 et seq. EGBGB. L-Artikoli 7 sa 14 EGVVG jinkludu regoli speċjali dwar il-kunflitt għal kuntratti speċifiċi ta’ l-assigurazzjoni.

It-talbiet għal kumpens kuntrattwali jiġu regolati primarjament mil-liġi magħżula mill-partijiet (l-Artikolu 27 EGBGB).

Madankollu, id-dritt li tingħażel il-liġi applikabbli huwa limitat, pereżempju, fejn il-fatti jkunu purament domestiċi, jiġifieri fejn l-element transkonfinali jkun nieqes. F’dan il-każ, minbarra l-għażla tal-liġi, jibqgħu applikabbli d-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi konnessi mal-fatti. Fil-każ tal-kuntratti mal-konsumatur, l-għażla tal-liġi ma tridx twassal biex id-dispożizzjonijiet mandatorji ta’ protezzjoni aktar favorevoli tal-pajjiż ta’ residenza tal-konsumatur jiġu sostitwiti.

Fil-prinċipju, fejn issir għażla ta’ liġi, il-kuntratt kollu jkun suġġett għal-liġi magħżula. Madankollu, il-partijiet jistgħu jagħmlu għażla ta’ liġi rigward parti biss mit-termini tal-kuntratt, filwaqt li l-liġi li għandha tkun applikata għall-bqija tal-kuntratt tiġi determinata b’mod oġġettiv.

Jekk ma ssir l-ebda għażla ta’ liġi, il-liġi li għandha tkun applikata tiġi determinata b’referenza għal fatturi ta’ konnessjoni oġġettivi. L-Artikolu 28 EGBGB jeħtieġ li tiġi applikata l-liġi li magħha l-kuntratt ikun l-aktar konness mill-qrib. Normalment, din se tkun il-liġi ta’ l-Istat fejn il-parti li se tagħmel il-prestazzjoni li tkun karatteristika tal-kuntratt ikollha r-residenza abitwali jew prinċipali tagħha. Madankollu, eżami ġenerali taċ-ċirkostanzi kollha jista’ jiżvela li l-kuntratt, b’mod eċċezzjonali, juri konnessjoni saħansitra aktar mill-qrib ma’ sistema legali oħra, f’liema każ tkun din ta’ l-aħħar li trid tiġi applikata.

FuqFuq

Japplikaw regoli speċjali rigward kuntratti ta’ proprjetà ta’ beni immobbli, ta’ trasport, ta’ impjiegi u mal-konsumatur.

III.2. L-obbligi mhux kuntrattwali

L-Artikolu 38 EGBGB jistabblixxi regoli differenzjati dwar il-liġi li għandha tiġi applikata rigward talbiet ibbażati fuq arrikiment inġust. It-talbiet għal kumpens għal servizzi mogħtija huma suġġetti għal-liġi applikabli għar-relazzjonijiet legali bbażati fuq prestazzjoni. It-talbiet għal kumpens minħabba intrużjoni inġustifikata f’interess protett huma regolati mil-liġi ta’ l-Istat fejn seħħet l-intrużjoni. F’każi oħra, tapplika l-liġi tal-post fejn inkiseb il-benefiċċju.

Skond l-Artikolu 39 EGBGB, it-talbiet legali minħabba l-prestazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ partijiet terzi jiġu regolati mil-liġi ta’ l-Istat fejn twettqet it-tranżazzjoni. Jeżistu regoli speċjali sabiex jitħallas dejn ta’ parti terza.

Skond l-Artikolu 40 EGBGB, it-talbiet għal danni li ġejjin minn att illegali huma bażikament irregolati mil-liġi tal-post fejn seħħ dak l-att. Il-parti leża, madankollu, tista’ teħtieġ li tiġi applikata l-liġi ta’ dak l-Istat fejn seħħ il-ksur ta’ l-interessi legali. Jekk fiż-żmien meta seħħ l-avveniment li ta lok għar-responsabbiltà, il-persuni responsabbli u l-parti leża kellhom il-post ta’ residenza abitwali tagħhom fl-istess Stat, se tkun applikabbli l-liġi ta’ dak l-Istat permezz ta’ fattur ta’ konnessjoni speċjali.

L-Artikolu 42 EGBGB jipprovdi li, fil-każi kollha, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi li għandha tkun applikata wara l-fatt.

FuqFuq

Skond l-Artikolu 41 EGBGB, il-liġi applikabbli tista’ tiġi sostitwita wkoll minn liġi li, fid-dawl ta’ ċirkostanzi partikolari, tkun sostanzjalment aktar konnessa mill-qrib mal-fatti tal-każ.

Fl-aħħarnett, bħala regolament speċjali ta’ l-ordni pubbliku, l-Artikolu 40(3) jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-infurzar tat-talbiet li joriġinaw minn atti illegali.

III.3. L-istatus personali

Skond il-dritt internazzjonali privat Ġermaniż, il-kwistjonijiet legali mqajma mill-istatus legali personali ta’ persuna naturali jiġu regolati mil-liġi ta’ l-Istat li għalih tirreferi n-nazzjonalità tal-persuna.

Fejn persuna jkollha aktar minn nazzjonalità waħda, l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) EGBGB jistipula li trid issir referenza għal dik li hija magħrufa bħala n-nazzjonalità effettiva, jiġifieri n-nazzjonalità ta’ l-Istat li miegħu iċ-ċittadin multiplu għandu l-aktar konnessjoni mill-qrib. Jekk, b’kuntrast, persuna b’nazzjonalità multipla jkollha anki n-nazzjonalità Ġermaniża, it-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) jipprovdi li għandha tapplika dik in-nazzjonalità biss.

Il-kriterju tan-nazzjonalità huwa applikabbli rigward id-dritt li wieħed ikollu isem (għad-dettalji ara l-Artikolu 10 EGBGB) u l-kapaċità legali tal-persuni naturali.

III.4. In-nisel, ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

Skond l-Artikolu 19 EGBGB, in-nisel ta’ tifel/tifla huwa primarjament suġġett għal-liġi ta’ l-Istat fejn tifel/tifla ikun/tkun abitwalment residenti. Ma ssir l-ebda distinzjoni bejn tfal li twieldu lil ġenituri miżżewġa u tfal li twieldu lil ġenituri mhux miżżewġa. Fir-relazzjoni ma’ kull ġenitur, in-nisel jista’ jiġi determinat anki skond il-liġi nazzjonali tal-ġenitur. Jekk l-omm tkun miżżewġa, il-liġi dwar il-familja li minnha kienet iggvernata fi żmien it-twelid, fl-aħħar mill-aħħar tista’ wkoll takkwista sinifikat fil-kwistjoni biex ikun iddeterminat in-nisel. Japplikaw regoli differenti għat-tfal li twieldu qabel l-1.7.1998.

FuqFuq

Skond l-Artikolu 20 EGBGB, l-impunjazzjonijiet tan-nisel ġeneralment jiġu regolati mil-liġi li taħtha nqalgħu ċ-ċirkostanzi tan-nisel, u fejn sfida tkun ġejja mit-tifel/tifla, mil-liġi li tapplika fil-post fejn it-tifel/tifla ikun/tkun abitwalment residenti.

Skond l-Artikolu 21 EGBGB, ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi determinata skond il-liġi li tapplika fil-post fejn it-tifel/tifla ikun/tkun abitwalment residenti, sakemm ma tkunx involuta l-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-minorenni ta’ l-1961. Skond dik il-konvenzjoni, għal ċerti aspetti, tapplika l-liġi nazzjonali tat-tifel/tifla.

Skond l-Artikolu 22 EGBGB, l-effikaċja ta’ adozzjoni tiġi determinata fundamentalment mil-liġi nazzjonali tal-parti li qed tadotta fi żmien l-adozzjoni. L-adozzjoni mill-konjuġi (wieħed jew it-tnejn li huma) tkun suġġetta għal-liġi li tirregola l-effetti ġenerali taż-żwieġ. Il-konjuġi ta’ nazzjonalitajiet diferenti għalhekk jistgħu jadottaw tifel/tifla skond il-liġi ta’ l-Istat fejn it-tnejn ikunu abitwalment residenti. Skond l-Artikolu 23 EGBGB, rigward il-kunsens tat-tifel/tifla u tal-ġenituri naturali tiegħu/tagħha għall-adozzjoni, bażikament tapplika l-liġi nazzjonali tat-tifel/tifla.

Ir-rikonoxximent ta’ adozzjonijiet barranin u l-istabbilment ta’ l-effikaċja ta’ l-adozzjonijiet barranin huma regolati mill-Att dwar l-effetti ta’ l-adozzjonijiet skond il-liġi barranija.

III.5. Iż-żwieġ, il-koabitazzjoni, id-divorzju, il-manteniment

Skond l-Artikolu13 EGBGB, ir-rekwiżiti għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ żwieġ huma dawk stabbiliti fil-liġi ta’ l-Istat li tiegħu tkun ċittadina l-persuna li tgħarrset. Imma f’ċirkostanzi speċjali, minflok tista’ tiġi applikata l-liġi Ġermaniża.

FuqFuq

Fil-Ġermanja, kuntratt ta’ żwieġ jista’ jiġi konkluż biss fil-preżenza ta’ reġistratur jew eċċezzjonalment ta’ persuna li speċifikatament ngħatat is-setgħa minn Stat barrani (l-Artikolu13(3) EGBGB).

Skond l-Artikolu14 EGBGB, l-effetti ġenerali taż-żwieġ jiġu regolati primarjament mil-liġi ta’ l-Istat li tiegħu jkunu ċittadini ż-żewġ konjuġi, jiġifieri il-liġi nazzjonali komuni tagħhom.

Jekk il-konjuġi ma jkunux koperti mill-istess liġi nazzjonali, tiġi applikata l-liġi applikabbli fil-post ta’ residenza abitwali u komuni tagħhom.

Skond l-Artikolu14(3) EGBGB, hija disponibbli għażla limitata ta’ liġijiet.

Skond l-Artikolu17 EGBGB, ġeneralment divorzju jkun irregolat mil-liġi li, fiż-żmien li saret it-talba għad-divorzju, kienet deċiżiva għall-effetti ġenerali taż-żwieġ, fi kliem ieħor l-istatus legali tal-familja sakemm ikunu pendenti l-proċeduri legali. Fil-Ġermanja, żwieġ jista’ jiġi xolt biss mill-qrati.

Il-liġi Ġermaniża tirregola l-użufrutt tad-dar matrimonjali u ta’ l-oġġetti tad-dar li jinsabu fil-Ġermanja.

Skond l-Artikolu17(3) EGBGB, il-liġi applikabbli biex jinqasmu d-drittijiet għall-pensjoni tiġi determinata mil-liġi dwar id-divorzju. F’ċerti ċirkostanzi, fejn il-liġi dwar il-qsim tal-pensjoni ma tkunx rikonoxxuta mil-liġi barranija, alternattivament se tkun implimentata skond il-liġi Ġermaniża, jekk il-partijiet jitolbu dan.

Skond l-Artikolu18 EGBGB, li jinkorpora r-regoli tal-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’manteniment ta’ l-1973, it-talbiet għall-manteniment bejn il-qraba jew bejn il-konjuġi huma regolati mil-liġi ta’ l-Istat fejn il-persuna li għandha d-dritt għall-manteniment tkun abitwalment residenti.

FuqFuq

Jekk b’mod eċċezzjonali ma jingħata l-ebda dritt għall-manteniment mil-liġi tal-post fejn il-persna li jkollha d-dritt għall-manteniment tkun abitwalment residenti, tista tiġi applikata l-liġi nazzjonali komuni tal-partijiet. Jekk bl-istess mod din il-liġi ma tkunx utli, minflok għandha tiġi applikata l-liġi ta’ l-Istat li quddiem qorti tiegħu saret it-talba għall-manteniment.

Il-koabitazzjonijiet irreġistrati huma regolati mill-Artikolu 17(b) EGBGB.

III.6. Ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali

Skond l-Artikolu15 EGBGB, ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali jiġi regolat mil-liġi applikabbli għall-effetti ġenerali taż-żwieġ fiż-żmien meta sar il-kuntratt taż-żwieġ. Il-konjuġi li f’dak iż-żmien kienu t-tnejn ċittadini ta’ l-istess Stat ikunu suġġetti għar-reġim tal-proprjetà ta’ l-Istat tan-nazzjonalità komuni. Fejn il-konjuġi jkunu ta’ nazzjonalitajiet differenti, tapplika l-liġi ta’ l-Istat fejn iż-żewġ konjuġi għandhom il-post ta’ residenza abitwali tagħhom fiż-żmien meta l-kuntratt taż-żwieġ jiġi konkluż.

Skond l-Artikolu15(2) EGBGB, il-persuni li jidħlu f’kuntratt ta’ żwieġ għandhom għażla limitata ta’ reġim tal-proprjetà.

III.7. Is-suċċessjoni, it-testmenti

Skond l-Artikolu 25 EGBGB, il-kwistjonijiet tal-wirt huma regolati mil-liġi tal-pajjiż li tiegħu t-testaur kien ċittadin qabel ma miet. Il-liġi Ġermaniża tista’ tingħażel għall-art li tinsab fil-Ġermanja.

Skond l-Artikolu 26 EGBGB, li jinkorpora d-dispożizzjonijiet prinċipali dwar il-kunflitt tal-liġijiet tal-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar il-liġi applikabbli għall-forma tad-dispożizzjonijiet testamentarji ta’ l-1961, testment ikun validu fil-forma jekk il-forma tiegħu tissodisfa r-rekwiżiti ta’ sistema legali li magħha teżisti konnessjoni minħabba n-nazzjonalità, ir-residenza abitwali tat-testatur jew il-post fejn sar it-testment.

FuqFuq

III.8. Id-drittjiet reali

Skond l-Artikolu 43 EGBGB, id-drittijiet in rem jiġu fundamentalment irregolati mil-liġi ta’ l-Istat fejn tinsab il-proprjetà. Il-liġi lokali, pereżempju, tirregola l-kontenut tal-proprjetà u l-mod li bih il-proprjetà tista’ tiġi trasferita jew mgħobbija b’ipoteka.

Rigward il-vetturi, l-Artikolu 45 EGBGB jipprovdi għal konnessjoni speċjali.

It-tneħħija ta’ oġġett minn Stat għal ieħor hija wkoll suġġetta għal dispożizzjonijiet speċjali stabbiliti fl-Artikolu 43(2) EGBGB.

Fl-aħħarnett, l-emissjonijiet ta’ l-art huma wkoll ittrattati separatament mill-Artikolu 44 EGBGB.

Bażikament, għażla ta’ liġi rigward id-drittijiet in rem hija eskluża. Madankollu, skond l-Artikolu 46 EGBGB, tista’ ssir deroga mil-liġi determinata b’referenza għall-fatturi ta’ konnessjoni li ssemmew aktar ’il fuq jekk il-fatti juru konnessjoni sostanzjalment aktar mill-qrib mal-liġi ta’ Stat ieħor.

III.9. L-insolvenza

L-Artikolu 335 ta’ l-Att dwar l-Insolvenza jipprovdi li l-proċedura ta’ insolvenza u l-konsegwenzi tagħha bażikament jiġu regolati mil-liġi ta’ l-Istat fejn inbdiet il-proċedura. L-Artikoli 336 et seq. ta’ l-Att dwar l-Insolvenza jiddefinixxu fatturi ta’ konnessjoni speċjali li jikkonċernaw aspetti speċifiċi tad-dritt internazzjonali dwar l-insolvenza (eż. il-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-tpaċija, l-impunjazzjoni), li jistgħu jiddevjaw minn dan il-prinċipju.

Aktar tagħrif

L-opuskolu tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja dwar is-suġġett tad-dritt internazzjonali privat jista' jinstab fuq www.bmj.bund.de Deutsch - English.

« Liġi applikabbli - Informazzjoni Ġenerali | Ġermanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 17-10-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit