Kummissjoni Ewropea > NGE > Liġi applikabbli > Repubblika Ċeka

L-aħħar aġġornament: 26-02-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Liġi applikabbli - Repubblika Ċeka

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

I. IS-SORSI TAR-REGOLI FIS-SEĦĦ I.
I.1. Ir-regoli nazzjonali I.1.
I.2. Il-konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali fis-seħħ I.2.
I.3. Il-konvenzjonijiet bilaterali prinċipali fis-seħħ I.3.
II. L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLI TAL-KUNFLITT TAL-LIĠIJIET II.
II.1. L-obbligu ta’ l-imħallef li japplika r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet fuq l-inizjattiva tiegħu jew tagħha stess II.1.
II.2. Ir-rikors II.2.
II.3. Il-bidla tal-fattur ta’ rabta II.3.
II.4. L-eċċezzjonijiet għall-applikazzjonijiet normali tar-regoli tal-kunflitt II.4.
II.5. Il-prova tal-liġi barranija II.5.
III. IR-REGOLI TAL-KUNFLITT TAL-LIĠIJIET III.
III.1. L-obbligi kuntrattwali u l-atti legali III.1.
III.2. L-obbligi mhux kuntrattwali (danni u delitti, arrikkiment inġust, negotiorum gestio, eċċ.) III.2.
III.3. L-istatus personali, l-aspetti tiegħu li għandhom x'jaqsmu ma' l-istatus ċivili (l-isem, id-domiċilju, il-kapaċità) III.3.
III.4. L-istabbiliment ta’ relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluż l-adozzjoni III.4.
III.5. Iż-żwieġ, il-koppji mhux miżżewġa, il-partenarjati, id-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja, l-obbligi tal-manteniment III.5.
III.6. Il-ġabra ta' kondizzjonijiet tal-proprjetà matrimonjali III.6.
III.7. It-testmenti u s-suċċessjonijiet III.7.
III.8. Il-proprjetà immobbli III.8.
III.9. Il-falliment III.9.

 

I. IS-SORSI TAR-REGOLI FIS-SEĦĦ

I.1. Ir-regoli nazzjonali

Ir-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet fir-Repubblika Ċeka huma miġbura b’mod esklussiv fid-dritt statutorju u fil-konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtu lir-Repubblika Ċeka u li huma parti mil-leġiżlazzjoni Ċeka.

Dawn mhumiex ġejjin mill-ġurisdizzjoni taħt il-leġiżlazzjoni Ċeka.

I.2. Il-konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali fis-seħħ

Il-lista sħiħa ta' konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali fis-seħħ, ir-regoli unifikanti dwar il-kunflitti tal-liġijiet sostantivi u r-regoli diretti fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat. Il-konvenzjonijiet fil-qasam tad-dritt internazzjonali proċedurali mhumiex inklużi:

  1. Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli relatati mat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, Varsavja, 12 ta’ Ottubru 1929
  2. Il-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku, l-Aja, 4 ta’ Mejju 1971
  3. Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, Montreal, 28 ta’ Mejju 1999
  4. Il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli relatati mat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmat f’Varsavja fit-12 t’Ottubru 1929, l-Aja, 28 ta’ Settembru 1955
  5. Il-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt tat-Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bl-Art (CMR), Ġinevra, 19 ta’ Mejju 1956
  6. Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara Nukleari, Vjenna, 21 ta’ Mejju 1963
  7. Il-Protokoll konġunt dwar l-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna u l-Konvenzjoni ta’ Pariġi, Vjenna, 21 ta’ Settembru 1988
  8. Il-Konvenzjoni dwar il-Perjodu ta’ Preskrizzjoni fil-Bejgħ Internazzjonali tal-Merkanzija, New York, 14 ta’ Ġunju 1974, kif emendat mill-Protokoll tal-11 ta' April 1980, New York, 14 ta’ Ġunju 1974
  9. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kuntratti tal-Bejgħ Internazzjonali tal-Merkanzija u l-Protokoll Addizzjonali anness magħha, Vjenna, 11 t’April 1980
  10. Il-Ftehim ta’ Liżbona dwar il-Ħarsien tat-Titli ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom tal-31 t’Ottubru 1958, rivedut fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, Liżbona, 31 t’Ottubru 1958
  11. Il-Ftehim ta’ Madrid li jikkonċerna r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tat-Trade Marks ta’ l-14 ta' April 1891, rivedut fi Brussell fl-14 ta’ Diċembru 1900, f’Washington fit-2 ta’ Ġunju 1911, fl-Aja fis-6 ta’ Novembru 1925, f’Londra fit-2 ta’Ġunju 1934, f’Nizza fil-15 ta’ Ġunju 1957 u fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, u l-Protokoll anness miegħu, Stokkolma, 14 ta’ Lulju 1967
  12. Il-Konvenzjoni li tikkonċerna l-Amministrazzjoni Internazzjonali tal-Proprjetà ta’ Persuni Mejta, l-Aja, 2 ta’ Ottubru 1973
  13. Il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Ħarsien tat-Tfal, l-Aja, 19 ta’ Ottubru 1996
  14. Il-Konvenzjoni ta’ Bern għall-Ħarsien ta’ Xogħol Letterarju u Artistiku tad-9 ta’ Settembru 1886, emendata f’Pariġi fl-4 ta’ Mejju 1896, riveduta f’Berlin fit-13 ta’ Novembru 1908, emendata f’Bern fl-20 ta’ Marzu 1914 u riveduta f’Ruma fit-2 ta’ Ġunju 1928, fi Brussell fis-26 ta’ Ġunju 1948, fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u f’Pariġi fl-24 ta’ Lulju 1971, Pariġi, 24 ta’ Lulju 1971
  15. Il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija, Bern, 9 ta’ Mejju 1980
  16. Il-Konvenzjoni, Supplimentari għall-Konvenzjoni ta’ Varsavja, għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli Relatati mat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru mwettaq minn xi ħadd li mhux il-Kumpanija Kontraenti, Guadalajara, 18 ta’ Settembru 1961
  17. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasport tal-Merkanzija bil-Baħar, Hamburg, 31 ta’ Marzu 1978
  18. Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Ħarsien tal-Proprjetà Industrijali, konkluża f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, riveduta fi Brussell fl-14 ta’ Diċembru 1900, f’Washington fit-2 ta’ Ġunju 1911, fl-Aja fis-6 ta’ Novembru 1925, f’Londra fit-2 ta’ Ġunju 1934, f’Liżbona fil-31 ta’ Ottubru 1958 u fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, Pariġi, 20 ta’ Marzu 1883
  19. Il-Ftehim ta’ Madrid għat-Trażżin ta’ Indikazzjonijiet Foloz jew Qarrieqa ta’ Sorsi dwar Merkanzija, konkluż f’Madrid fl-14 ta’ April 1891, rivedut f’Washington fit-2 ta’ Ġunju 1911, fl-Aja fis-6 ta’ Novembru 1925, f’Londra fit-2 ta’ Ġunju 1934, u f’Liżbona fil-31 ta’ Ottubru 1958, u l-Att Addizzjonali, Stokkolma, 14 ta’ Lulju 1967
  20. Il-Konvenzjoni tad-Drittijiet ta’ l-Awtur universali u l-Protokolli 2 u 3 (riveduti f’Pariġi fl-24 ta’ Lulju 1971 u l-Protokoll Addizzjonali 2), Ġinevra, 6 ta’ Settembru 1952
  21. Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien ta’ Atturi, Produtturi ta' Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, Ruma, 26 ta’ Ottubru 1961
  22. Il-Konvenzjoni dwar l-għoti ta’ Brevetti Ewropej (il-Konvenzjoni tal-Brevetti Ewropej), it-test kif emendat mill-att li jirrevedi l-Artikolu 63 EPC tas-17 ta’ Diċembru 1991 u mid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Amministrattiv ta’ l-Organizzazzjoni tal-Brevetti Ewropej tal-21 ta’ Diċembru 1978, 13 ta’ Diċembru 1994, 20 ta’ Ottubru 1995, 5 ta’ Diċembru 1996 u 10 ta’ Diċembru 1998, Munich, 5 ta’ Ottubru 1973
I.3. Il-konvenzjonijiet bilaterali prinċipali fis-seħħ

It-trattati bilaterali li huma applikati b’mod frekwenti mill-qrati huma dawn li ġejjin:

FuqFuq

  1. It-trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja u r-Repubblika tal-Poplu ta’ l-Ungerija dwar Assistenza Legali Reċiproka u r-Regolamentazzjoni ta' relazzjonijiet legali f'materji ċivili, familjari u kriminali, Bratislava, 28 ta’ Marzu 1989
  2. It-trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja u r-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja dwar Assistenza Legali Reċiproka u r-Regolamentazzjoni ta' relazzjonijiet legali f'materji ċivili, familjari, tax-xogħol u kriminali, Varsavja, 21 ta’ Diċembru 1987
  3. It-trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi dwar Assistenza Legali Reċiproka u Relazzjonijiet Legali f'materji ċivili, familjari u kriminali, Moska, 12 ta’ Awissu 1982
  4. It-trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja u r-Repubblika ta’ l-Awstrija dwar ir-Relazzjonijiet Legali Reċiproċi f'materji ċivili, dwar l-Istrumenti u dwar l-Informazzjoni Legali, bil-Protokoll Finali, Praga, 10 ta’ Novembru 1961
  5. It-trattat bejn ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika Ċeka dwar Assistenza Legali Reċiproka pprovduta mill-Awtoritajiet Ġudizzjarji u r-Regolamentazzjoni ta’ Ċerti Relazzjonijiet Legali f'materji ċivili u kriminali bil-Protokoll Finali, Praga, 29 ta’ Ottubru 1992

II. L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLI TAL-KUNFLITT TAL-LIĠIJIET

II.1. L-obbligu ta’ l-imħallef li japplika r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet fuq l-inizjattiva tiegħu jew tagħha stess

Fil-liġi Ċeka hemm ‘regoli indikattivi tal-kunflitt tal-liġijiet’, li l-partijiet jistgħu jaqblu li ma japplikawx u minflok jibdlu l-fatturi ta’ konnessjoni tagħhom b’oħrajn li jiftiehmu fuqhom, u ‘regoli mandatorji tal-kunflitt tal-liġijiet’, li huma applikati irrispettivament mir-rieda tal-partijiet. L-għażla tal-liġi mill-partijiet hija bla restrizzjonijiet, jiġifieri huma jistgħu jagħżlu kwalunkwe liġi fis-seħħ bħala l-liġi applikabbli għal evalwazzjonijiet tar-relazzjonijiet legali bejniethom. Din il-leġiżlazzjoni indikattiva hija applikata primarjament għar-relazzjonijiet kuntrattwali taħt il-liġi kummerċjali, ċivili u tax-xogħol. L-eżistenza ta’ regoli mandatorji tassigura lill-partijiet grad ogħla ta’ ċertezza legali f’relazzjonijiet fejn hemm grad ogħla ta’ interess statali fir-regolamentazzjoni ċara tagħhom, p.e. fil-qasam tad-drittijiet in rem, tas-suċċessjoni u tal-liġi tal-familja, u fir-regolamentazzjoni tal-kunflitt tal-liġijiet tal-kapaċità legali.

FuqFuq

Ir-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet taħt il-liġi Ċeka huma għalhekk applikati mill-imħallef f’każijiet ta’ regoli indikattivi tal-kunflitt tal-liġijiet jekk il-partijiet jagħżlu l-liġi Ċeka b’mod leġittimu bħala l-liġi applikabbli; jekk ma jagħżlux il-liġi applikabbli, f’każijiet ta’ regoli mandatorji tal-kunflitt tal-liġijiet, il-liġi Ċeka trid tiġi applikata mill-imħallef ex officio fil-każijiet kollha.

II.2. Ir-rikors 

Għall-applikazzjoni ġenerali tar-rikors (renvoi), skond l-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali r-rikors jista’ jkun aċċettat jekk ikun konsistenti ma’ l-istruttura raġonevoli u xierqa tar-relazzjoni rilevanti.

Ġeneralment ir-rikors huwa aċċettat l-aktar fir-rigward ta’ materji legali dwar l-istatus personali u l-liġi tas-suċċessjoni u tal-familja, iżda huwa rarament użat f’relazzjonijiet kuntrattwali.

L-approvazzjoni tar-rikors fi ħdan it-tifsira ta’ l-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali tfisser li, jistgħu jiġu applikati biss id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-liġi lejn liem ir-rikors huwa dirett. Dan għalhekk iżomm milli jsir rikors sekondarju provdut mir-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet tal-ġurisdizzjoni li tkun saret referenza għalihom.

II.3. Il-bidla tal-fattur ta’ rabta

L-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali ġeneralment jistipula, permezz ta’ fattur ta’ rabta, il-post jew pożizzjoni ta’ oġġett fiż-żmien li fih tkun stabbilita jew mitmuma l-liġi fir-rigward ta’ l-oġġett (lex rei sitae). Jekk oġġett ikun qed jiġi trasportat, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-post li minnu jkun intbagħat l-oġġett (lex loci expeditionis). Jekk oġġett ikun trasportat, minn stadju għall-ieħor, b’modi differenti ta’ trasport, l-ewwel post li minnu jkun beda l-proċess kollu tat-trasport ikun deċiżiv.

FuqFuq

It-tul tal-perjodu ta’ preskrizzjoni huwa determinat mil-liġi tal-post fejn ikun qiegħed l-oġġett fil-bidu tal-perjodu ta’ preskrizzjoni.

Il-kontroll ta’ kunflitti minn ċaqliq ta’ persuni huwa miġbur fil-qosor fil-kapitoli 3.5, 3.6 u 3.7 hawn taħt.

Jekk il-partijiet kontraenti ma jagħżlux il-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet bejniethom, skond l-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali ir-relazzjonijiet legali tal-partijiet huma determinati mil-liġi li l-applikazzjoni tagħha hija konsistenti ma’ l-arranġament raġonevoli tar-relazzjoni. Bħala regola din hija:

  • fil-kuntratti tat-trasport, il-liġi tal-post fejn it-trasportatur jew il-burdnar ikollu r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tiegħu fiż-żmien li l-kuntratt ikun konkluż;
  • fil-kuntratti ta’ l-assigurazzjoni, il-liġi li tkun fis-seħħ fil-post fejn l-assiguratur ikollu r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tiegħu fiż-żmien li l-kuntratt ikun konkluż;
  • fil-mandati u kuntratti simili, il-liġi tal-post fejn il-mandant ikollu r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tiegħu fiż-żmien li l-kuntratt ikun konkluż.
II.4. L-eċċezzjonijiet għall-applikazzjonijiet normali tar-regoli tal-kunflitt 
a) L-eċċezzjoni tal-politika pubblika (ordre public)

Dispożizzjoni legali ta’ stat ieħor ma tiġix applikata fir-Repubblika Ċeka jekk l-effetti ta’ applikazzjoni bħal din ikunu jikkontradixxu l-prinċipji ta’ l-ordni pubblika u soċjali tar-Repubblika Ċeka u l-leġiżlazzjoni tagħha, u dawn il-prinċipji jridu jiġu enfasizzati mingħajr l-ebda riżerva. Din hija miżura eċċezzjonali li tista’ tkun applikata biss f’każijiet estremi u speċifiċi.

FuqFuq

Il-prinċipji fundamentali ta’ l-ordni pubblika u soċjali fir-Repubblika Ċeka huma dawk li l-għan tal-preservazzjoni tagħhom huwa li jissodisfaw l-interessi bażiċi ta’ l-istat u tas-soċjetà u l-prinċipji tar-regola tad-dritt. Madankollu, il-ħarsien taħt l-eċċezzjoni tal-politika pubblika ma japplika bl-ebda mod għad-dispożizzjonijiet mandatorji kollha tal-liġi nazzjonali Ċeka.

Ir-regolamenti legali li l-kontenut tagħhom jista’ jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni tal-politika pubblika fuq skala nazzjonali huma, b’mod partikolari, il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka (Att Kostituzzjonali Nru 1/1993), inkluż il-Karta tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali (imħabbra taħt numru 2/1993).

b) Id-dispożizzjonijiet legali mandatorji

Dawn huma dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li ma jistgħux jiġu derogati b'mod kuntrattwali jew b’xi mod ieħor u li ma jistgħux jinbidlu jew jinqabżu mil-liġi barranija fil-limiti tas-suġġett li jirregolaw.

Fil-liġi Ċeka, id-dispożizzjonijiet legali mandatorji mhumiex speċifikati, għalkemm eżempji jistgħu jinkludu, fil-liġi finanzjarja w amministrattiva, Att Nru 143/2001 dwar il-ħarsien tal-kompetizzjoni, Att Nru 219/1995, l-Att dwar il-Kambju, Att Nru 634/1992 dwar il-ħarsien tal-konsumatur, fil-liġi kriminali, Att Nru 140/1961, il-kodiċi kriminali, fil-liġi tax-xogħol, regoli neċessarjament applikabbli, bħal dispożizzjonijiet dwar il-massimu ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa permissibbli, il-projbizzjoni ta’ ċertu xogħol li jsir min-nisa, u xogħol bil-lejl u s-sahra miż-żgħażagħ, inklużi f’Att Nru 65/1995, il-Kodiċi tax-Xogħol.

FuqFuq

II.5. Il-prova tal-liġi barranija

Taħt il-leġiżlazzjoni Ċeka, huwa l-obbligu ta’ l-awtorità li qed tiddetermina, normalment tkun qorti, li tiżgura ruħha mill-kontenut tal-liġi barranija. Skond l-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali, il-qorti trid tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa għall-għarfien tal-kontenut tal-liġi barranija. Dan l-Att jipprovdi ukoll li jekk il-qorti jkunx familjari mal-kontenut tal-liġi barranija, f’dan ir-rigward din tista’ tfittex informazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Il-Ministeru jipprovdi ukoll stqarrijiet lil qrati f’każijiet ta' dubji waqt diskussjonijiet tar-relazzjonijiet tad-dritt privat b’element internazzjonali.

III. IR-REGOLI TAL-KUNFLITT TAL-LIĠIJIET

III.1. L-obbligi kuntrattwali u l-atti legali 
a) Is-sorsi ta’ liġi

Bħall-oqsma l-oħra kollha tar-relazzjonijiet legali, is-sors bażiku tal-leġiżlazzjoni Ċeka huwa l-att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali.

Is-sors tal-liġi għal relazzjonijiet legali li ġejjin minn kambjali u ċekkijiet huwa l-Att dwar il-Kambjali u ċ-Ċekkijiet, jiġifieri l-Att Nru 191/1950, kif emendat (‘l-Att dwar il-Kambjali u ċ-Ċekkijiet’).

b) L-għan ta’ l-applikazzjoni

L-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt għar-relazzjonijiet tal-proprjetà reċiproċi ta’ partijiet f’relazzjonijiet kuntrattwali, inkluż ir-regolamentazzjoni tar-rikors (ara 2.2 hawn fuq), li jkopru l-istabbiliment, l-emendar, is-salvagwardjar u l-konsegwenzi ta’ ksur ta’ obbligi kuntrattwali, il-preskrizzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali u t-tpaċija ta' pretensjonijiet. Dan jirregola ukoll ir-relazzjonijiet tal-liġi tax-xogħol, b’mod partikolari billi jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi relatati ma’ l-istabbiliment u mat-terminu ta’ kuntratt ta’ l-impjieg.

FuqFuq

L-Att dwar il-Kambjali u ċ-Ċekkijiet jinkludi dispożizzjonijiet speċjali fuq dikjarazzjonijiet ta’ kambjali u ċekkijiet.

c) Il-fatturi ta’ rabta applikabbli

B’mod partikolari, fattur ta’ rabta huwa espressjoni ta’ rieda identika mill-partijiet dwar liema liġi għandha tiddetermina r-relazzjonijiet legali tagħhom, jiġifieri għażla tal-liġi (lex electa, lex voluntatis).

Jekk il-partijiet għal relazzjonijiet reċiproċi ta’ proprjetà ma jagħżlux liġi, il-liġi applikabbli hija l-liġi li l-applikazzjoni tagħha hija konsistenti ma’ l-arranġament raġonevoli tar-relazzjoni, f’relazzjonijiet kuntrattwali speċifiċi:

  1. fi ftehim ta’ bejgħ jew f’kuntratt ta’ xogħol, il-liġi tal-post fejn il-bejjiegħ jew min iwettaq ix-xogħol għandu r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tiegħu fiż-żmien li fih il-kuntratt ikun konkluż;
  2. f’kuntratti ta’ proprjetà, il-liġi tal-post fejn tkun qiegħda l-proprjetà (
  3. f’kuntratti tat-trasport, il-liġi tal-post fejn it-trasportatur jew il-burdnar ikollu r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tiegħu fiż-żmien li fih il-kuntratt ikun konkluż;
  4. f’kuntratti ta’ assigurazzjoni, ġeneralment il-liġi li tkun fis-seħħ fil-post tar-residenza jew ta’ l-uffiċċju reġistrat ta’ l-assiguratur fiż-żmien li fih il-kuntratt ikun konkluż;
  5. f’kuntratti ta’ aġenziji ta’ bejgħ u f’kuntratti ta’ senserija, il-liġi tal-post fejn il-persuna li għaliha l-intermedjarju jwettaq l-attivitajiet ikollha r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tagħha fiż-żmien li fih il-kuntratt ikun konkluż;
  6. fi ftehimiet tal-kummerċ bi tpartit multilaterali, il-liġi li l-applikazzjoni tagħha tikkorrispondi bl-aħjar mod għall-arranġament ta’ dawn ir-relazzjonijiet, meta meqjusa flimkien.

Bħala regola, kuntratti oħra li huma regolati mil-liġi ta’ l-istat li fih iż-żewġ partijiet għandhom ir-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tagħhom; jekk ma għandhomx ir-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tagħhom fl-istess stat, u jekk il-kuntratt ikun konkluż fil-preżenza tal-partijiet, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-post fejn il-kuntratt ikun konkluż (lex loci conclusionis contractus).

FuqFuq

Jekk kuntratt ikun konkluż mill-bogħod bejn partijiet li ma jkunux preżenti, il-liġi applikabbli tkun dik tal-post fejn ir-reċipjent tal-proposta biex ikun konkluż il-kuntratt ikollu r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

Fil-liġi tax-xogħol, il-fattur korrispondenti li jindika l-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet taħt kuntratt ta’ l-impjieg huwa ġeneralment il-post fejn ix-xogħol jitwettaq (lex loci laboris), għalkemm il-partijiet jistgħu jiftehmu għal arranġament ieħor.

Skond l-Att dwar il-Kambjali u ċ-Ċekkijiet, il-liġi applikabbli hija essenzjalment dik ta’ l-istat li fih issir id-dikjarazzjoni tal-fattura jew dik ta’ l-istat li fih huma pagabbli ċ-ċekk.

III.2. L-obbligi mhux kuntrattwali (danni u delitti, arrikkiment inġust, negotiorum gestio, eċċ.)
a) Is-sorsi tal-liġi

L-att dwar id-dritt privat u proċedurali u t-trattati internazzjonali li huma imposti fuq ir-Repubblika Ċeka, speċjalment il-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku.

b) L-għan ta’ l-applikazzjoni

L-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali jinkludi biss dispożizzjonijiet qosra dwar kumpens għal dannu subit mhux bi ksur ta’ obbligi taħt kuntratti u atti oħra fil-liġi; dan l-att jinkludi ukoll regoli li jikkonċernaw in-negotiorum gestio, l-arrikkiment inġust, l-eżekuzzjoni għan-nom ta’ ħaddieħor, l-użu ta’ oġġett għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, u l-użu ta’ oġġett jew ħruġ ta’ flus f’emerġenza konġunta.

c) Il-fatturi ta’ rabta

Għal talbiet ta’ kumpens għad-dannu, għajr dannu minħabba ksur ta’ xi obbligu, il-liġi applikabbli hija dik tal-post fejn ikun sar id-dannu (lex loci damni infecti) jew fil-post li fih tkun seħħew iċ-ċirkostanzi li jistabbilixxu t-talba għall-kumpens (lex loci delicti commissi). Għal talbiet għall-kumpens ta’ dannu fi ħdan tar-relazzjonijiet tal-liġi tal-familja, il-liġi applikabbli hija dik li tirregola r-relazzjonijiet legali speċifikati (lex causae tar-relazzjonijiet).

FuqFuq

Għal relazzjoni legali tan-negotiorum gestio, il-fattur ta’ rabta tal-post fejn l-aġent mingħajr mandat ikun aġixxa huwa ġeneralment applikabbli. F’każijiet ta’ arrikkiment inġust, ġeneralment il-liġi applikabbli hija dik li tirregola ċ-ċirkostanzi legali li jistabbilixxu t-tkabbir ta’ l-assi. Jekk xi ħadd jagħmel konsiderazzjoni għan-nom ta’ ħaddieħor, ir-regola ġenerali hija li t-talbiet ta’ din il-persuna li ġejjin minn din il-kondotta huma mmexxija mil-liġi li tirregola l-obbligi tal-persuna li għaliha tkun saret il-konsiderazzjoni (lex causae ta’ obbligu mwettaq għan-nom ta’ persuna oħra). B'mod simili, fil-każijiet ta’ l-użu ta’ oġġett għall-benefiċċju ta’ persuna oħra mingħajr il-ħsieb li tintervjeni f’affarijiet ta’ persuna oħra (jiġifieri mhux każijiet ta’ negotiorum gestio), b’mod analogu l-liġi tal-post fejn dan l-użu jkun twettaq (lex loci damni infecti) tkun applikata, u fil-każijiet ta’ l-użu ta’ oġġett u l-ħruġ ta’ flus f’emerġenza konġunta il-fattur ta’ rabta huwa l-post fejn tkun saret din l-azzjoni. 

III.3. L-istatus personali, l-aspetti tiegħu li għandhom x'jaqsmu ma' l-istatus ċivili (l-isem, id-domiċilju, il-kapaċità) 
a) Is-sorsi tal-liġi

L-att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali, l-Att dwar il-Kambjali u ċ-Ċekkijiet, u l-Att Nru 513/1991, il-Kodiċi Kummerċjali, kif emendat (‘Il-Kodiċi Kummerċjali’).

b) L-għan ta’ l-applikazzjoni

Il-kondizzjonijiet tal-kapaċità legali, il-kapaċità li teżegwixxi l-atti fil-liġi, u l-kapaċità li tkun waħda mill-partijiet għall-proċeduri legali huma regolati mill-att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali. Din il-liġi tirregola ukoll l-istatus personali ta’ persuni barranin u t-terminazzjoni ta’ kapaċità legali meta persuna tkun dikjarata mejta.

FuqFuq

It-Taqsima 22 tal-Kodiċi Kummerċjali jirregola l-kapaċità legali ta’ persuni legali barranin.

L-Att dwar il-Kambjali u ċ-Ċekkijiet jistabbilixxi l-prinċipji għall-valutazzjonijiet tal-kapaċità ta’ persuna biex tkun legalment marbuta b'fattura jew b’ċekk.

Il-liġi Ċeka ma tirrikonoxxix it-terminu ‘domiċilju’ u l-istatus ċivili relatat. Il-fattur ta’ konnessjoni relatat ma’ domiċilju huwa għalhekk insinifikanti għal-liġi Ċeka u mhuwiex l-istess bħat-terminu Ċek trvalé bydliště [post ta’ residenza permanenti ].

c) Il-fatturi ta’ rabta

Il-fattur ta’ rabta għall-kapaċità legali u l-ħila li teżegwixxi l-atti fil-liġi huwa, in-nazzjonalità tal-persuna konċernata (lex patriae), għal persuna barranija li teżegwixxi att fil-liġi fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, il-kapaċità taħt il-liġi Ċeka hija biżżejjed (lex loci conclusionis contractus).

Il-liġi applikabbli biex tiddetermina l-kapaċità legali ta’ persuna legali barranija hija l-liġi ta’ l-istat taħt liema l-persuna legali ġiet inkorporata (lex loci incorporationis).

Ħlief għal xi eċċezzjonijiet żgħar stabbiliti mil-liġi, fir-relazzjonijiet tagħhom personali u ta’ proprjetà, persuni barranin għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini Ċeki; l-istess japplika għal persuni legali barranin.

Skond it-teorija legali Ċeka, il-kwistjoni ta’ dritt ta’ persuna għal isem tista’ tkun klassifikata taħt l-istatus personali; il-liġi applikabbli hija għalhekk il-liġi li tirregola kapaċità legali ta’ persuna kif ukoll li teżegwixxi l-atti fil-liġi (lex causae ta’ l-istatus personali).

FuqFuq

Il-ħila li wieħed jassumi obbligi fir-rigward ta’ fattura jew ċekk skond l-Artikolu I, Taqsima 91 u l-Artikolu II, Taqsima 69 hija ġeneralment irregolata mil-liġi ta’ l-istat li tiegħu l-persuna hija ċittadina (lex patriae tal-persuna li tassumi obbligi taħt fattura jew ċekk).

d) Ir-regoli mandatorji, l-eċċezzjoni tal-politika pubblika nazzjonali (ordre public)

Il-bażi legali ġenerali għall-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni tal-politika pubblika hija l-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali , li jistipula d-dritt ta’ kull persuna li żżomm id-dinjità umana, l-unur personali, ir-reputazzjoni tajba tagħha, u d-dritt għall-ħarsien ta’ isimha. Dan jiggarantixxi ukoll id-dritt ta’ kulħadd għall-ħarsien kontra l-ġbir u pubblikazzjoni illegali jew abbuż ieħor mid-data personali.

III.4. L-istabbiliment ta’ relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluż l-adozzjoni
a) Is-sorsi tal-liġi

L-att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali, il-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal, il-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-rigward ta’ l-adozzjoni fil-pajjiż u l-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri u l-miżuri għall-ħarsien tat-tfal.

b) L-għan tal-leġiżlazzjoni

L-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali jinkludi regoli ta’ kunflitt li jkopru r-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluż id-determinazzjoni jew it-tiċħid tal-paternità, u r-relazzjonijiet legali fit-trobbija tat-tfal u obbligi oħra tal-ġenituri u tat-tfal, inkluż l-obbligu tal-manteniment (ara 3.5 hawn taħt), u jirregola l-adozzjoni, speċifikament it-trattament tan-nazzjonalità differenti tal-konjuġi u t-tfal adottati jew in-nazzjonalitajiet differenti tal-konjuġi stess. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet legali li jinħolqu mit-tutela tat-tfal jew ta’ persuni mingħajr kapaċità legali.

FuqFuq

c) Il-fatturi ta’ rabta

Għar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, il-fattur ta’ rabta għad-determinazzjoni jew għat-tiċħid tal-paternità huwa ġeneralment in-nazzjonalità tat-tfal mit-twelid (lex patriae tat-tfal). Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluż it-trobbija u l-obbligu tal-manteniment, huma mmexxija mil-liġi ta’ l-istat li tiegħu t-tfal huma ċittadini (lex patriae tat-tfal). F’każijiet ta’ adozzjoni, il-fattur ta’ rabta huwa ċ-ċittadinanza ta’ l-istat li tiegħu l-persuna adottiva hija ċittadina (lex patriae tal-persuna adottiva). Il-kunsens tat-tfal għall-adozzjoni huwa stmat skond il-liġi ta’ l-istat li tiegħu t-tfal adottati huma ċittadini (lex patriae tat-tfal).

Għall-kondizzjonijiet relatati ma' l-istabbiliment jew it-tneħħija tat-tutela tat-tfal jew persuni mingħajr kapaċità legali, il-liġi applikabbli hija dik ta’ l-istat li tiegħu l-minuri huma ċittadini (lex patriae tal-minuri). L-obbligu għall-aċċettazzjoni u għall-manteniment tat-tutela huwa regolat mil-liġi ta’ l-istat li tiegħu t-tutur huwa ċittadin (lex patriae tat-tutur). Għar-relazzjonijiet legali bejn it-tuturi u l-minuri il-ġurisdizzjoni applikabbli hija dik tal-qorti jew tar-regoli tat-tutela (lex fori).

d) Ir-regoli mandatorji

Id-dispożizzjonijiet legali mandatorji f’dan il-qasam jinkludu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Kriminali (offiżi kriminali kontra l-familja u t-tfal). Il-kwistjonijiet l-aktar involuti f’dan il-qasam huma l-abbandun tat-tfal, in-nuqqas milli tipprovdi l-manteniment obbligatorju, is-swat lit-tfal fdati fil-kura ta’ xi ħadd, eċċ.

FuqFuq

III.5. Iż-żwieġ, il-koppji mhux miżżewġa, il-partenarjati, id-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja, l-obbligi tal-manteniment
a) Is-sorsi tal-liġi

L-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali.

b) L-għan tal-leġiżlazzjoni

L-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali jirregola kwistjonijiet relatati mal-kapaċità ta’ persuna li tidħol għaż-żwieġ, kondizzjonijiet biex tidħol għaż-żwieġ u kondizzjonijiet għall-validità taż-żwieġ, ix-xoljiment ta’ żwieġ bid-divorzju, l-annullament taż-żwieġ, u d-drittijiet reċiproċi fuq it-tfal tal-ġenituri mhux miżżewġa. L-obbligi tal-manteniment tal-ġenituri u tat-tfal huma ukoll regolati.

Il-liġi Ċeka ma tinkludix dispożizzjonijiet li jirregolaw il-koppji ta’ l-istess sess jew is-separazzjoni ġudizzjarja.

c) Il-fatturi ta’ rabta rilevanti

Il-kapaċità li tidħol għaż-żwieġ, inkluż il-kondizzjonijiet għall-validità taż-żwieġ, hija kkontrollata mil-liġi ta’ l-istat li tiegħu l-persuna konċernata hija ċittadina (lex patriae ta’ l-għarajjes), il-forma li fiha jitwettaq iż-żwieġ hija kkontrollata mil-liġi tal-post fejn isir iż-żwieġ (lex loci conclusionis contractus).

Id-divorzju huwa essenzjalment ikkontrollat mil-liġi ta’ l-istat li tiegħu l-koppji huma ċittadini fiż-żmien li fih jibdew il-proċeduri legali (lex patriae tal-konjuġi).

Id-drittijiet ta’ l-omm ta’ tifel/tifla li mhux miżżewġa ma’ missier it-tifel/tifla huma kkontrollati mil-liġi ta’ l-istat li tiegħu l-omm hija ċittadina fiż-żmien tat-twelid tat-tifel/tifla (lex patriae ta’ l-omm fit-twelid tat-tifel/tifla).

FuqFuq

Għall-obbligi tal-manteniment tal-ġenituri lejn uliedhom il-liġi applikabbli, bl-eċċezzjoni tagħha (ara 3.4 hawn fuq), hija l-liġi ta’ l-istat li tiegħu t-tfal huma ċittadini (lex patriae tat-tfal); it-talbiet tal-ġenituri għall-manteniment vis-à-vis uliedhom huma regolati mil-liġi ta’ l-istat li tiegħu l-ġenitur li jagħmel it-talba huwa ċittadin (lex patriae).

d) Ir-regoli mandatorji, l-eċċezzjoni tal-politika pubblika nazzjonali (ordre public)

Il-Kodiċi Kriminali jinkludi dispożizzjonijiet legali mandatorji rilevanti, p.e. l-projbizzjoni tal-bigamija.

III.6. Il-ġabra ta' kondizzjonijiet tal-proprjetà matrimonjali
a) Is-sorsi tal-liġi

L-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali.

b) L-għan tal-leġiżlazzjoni

Dan ir-regolament legali jirregola l-ġabra tal-kondizzjonijiet tal-proprjetà matrimonjali, inkluż kwalunkwe arranġament kuntrattwali.

c) Il-fatturi ta’ rabta rilevanti

Ir-relazzjonijiet personali u tal-proprjetà matrimonjali huma essenzjalment ikkontrollati mil-liġi ta’ l-istat li tiegħu r-raġel u l-mara huma ċittadini (lex patriae tal-konjuġi), ħlief f’każijiet meta dawn ikunu ta’ nazzjonalità differenti, f’liema każ il-liġi Ċeka hija l-liġi applikabbi.

Meta r-reġimi tal-proprjetà matrimonjali jkunu regolati minn kuntratt, dawn ir-relazzjonijiet ikunu kkontrollati mil-liġi applikabbli għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali fiż-żmien li fih dan il-kuntratt ikun konkluż (lex causae tal-liġi applikabbli fiż-żmien li fih il-kuntratt dwar ir-relazzjonijiet tal-proprjetà matrimonjali ġie konkluż ).

FuqFuq

III.7. It-testmenti u s-suċċessjonijiet 
a) Is-sorsi tal-liġi

L-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali; il-Konvenzjoni li tikkonċerna l-Amministrazzjoni Internazzjonali tal-proprjetà ta’ persuni mejta hija rilevanti ukoll.

b) L-għan tal-leġiżlazzjoni

Il-leġiżlazzjoni tirregola d-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-proċeduri legali tas-suċċessjoni u l-kapaċità li tagħmel jew tirrevoka testment, inkluż l-effetti ta’ difetti fit-testment u l-manifestazzjoni tagħhom fl-istabbiliment jew fir-revoka tat-testment, u l-forma tat-testment.

c) Il-fatturi ta’ rabta rilevanti

Għar-relazzjonijiet legali fi proċeduri legali ta’ suċċessjoni, il-liġi applikabbi ġeneralment hija l-liġi ta’ l-istat li tiegħu l-persuna mejta kienet ċittadina fiż-żmien tal-mewt (lex patriae tal-persuni mejtin). Il-kapaċità li tagħmel jew tirrevoka testment, inkluż id-difetti f’dan l-att fil-liġi, u d-determinazzjoni ta’ metodi possibbli oħra ta’ suċċessjoni f’każ ta’ mewt huma kkontrollati mil-lex patriae tal-persuna mejta fiż-żmien li fih tkun saret din il-manifestazzjoni tat-testment tagħha. L-istess liġi tapplika għall-forma tat-testment jew għar-revoka tiegħu; madankollu, huwa biżżejjed għall-forma jew għar-revoka tat-testment li jkunu konformi mal-liġi ta’ l-istat li fih ikun sar it-testment.

III.8. Il-proprjetà immobbli 
a) Is-sorsi tal-liġi

L-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali.

FuqFuq

b) L-għan tal-leġiżlazzjoni

Dan ir-regolament legali jħaddan, b’mod partikolari, ir-regolamentazzjoni tal-kunflitt tal-liġijiet tad-drittijiet għall-proprjetà u l-assi mobbli, inkluż oġġetti fil-proċess tat-trasport, u r-regolamentazzjoni ta’ l-iskrizzjoni ta’ dettalji tal-proprjetà fir-reġistri pubbliċi rilevanti għad-drittijiet għall-proprjetà u l-ksib ta’ titlu bil-preskrizzjoni jew b’użu għal perjodu twil.

Dan jirregola ukoll id-determinazzjoni tal-mument minn meta l-awtorizzazzjoni li tiddisponi minn oġġett tkun trasferita lill-akkwirent, minn meta dan ikollu d-dritt għall-frott u l-benefiċċji ta’ l-oġġett trasferit, u meta r-riskju ta’ dannu għall-oġġett ikun mgħoddi lilu, kif ukoll il-mument minn meta d-dritt għall-kumpens tad-dannu subit b’konnessjoni ma’ l-oġġett trasferit ikun trasferit lill-akkwirent flimkien maż-żamma tat-titlu ta’ pussess fuq l-oġġett trasferit.

c) Il-fatturi ta’ rabta rilevanti

Il-fattur ta’ rabta għall-proprjetà immobbli u għall-proprjetà mobbli huwa l-post fejn tkun qiegħda l-proprjetà (lex rei sitae), għall-proprjetà mobbli huwa l-post fejn tkun qiegħda l-proprjetà fiż-żmien li fih jingħata jew jitneħħa t-titlu. Jekk oġġett ikun fil-proċess tat-trasport, l-għoti u t-tneħħija tat-titli ta’ l-oġġett ikunu stmati skond il-liġi tal-post minn fejn jintbagħat l-oġġett (lex loci expeditionis).

Il-ksib ta’ titlu bil-preskrizzjoni huwa kkontrollat mil-liġi tal-post li fih ikun jinsab l-oġġett fil-bidu tal-perjodu ta’ preskrizzjoni; il-persuna li tikseb it-titlu bil-preskrizzjoni tista’ tfittex l-applikazzjoni tal-liġi ta’ l-istat fejn tkun seħħet il-preskrizzjoni jekk, fiż-żmien li fih l-oġġett ikun tqiegħed f’dan l-istat, il-kondizzjonijiet ta’ preskrizzjoni kollha jkunu ġew sodisfatti skond il-liġi ta’ dak l-istat.

FuqFuq

Għall-għanijiet tat-trasferiment tad-dritt ta’ l-użu ta’ l-oġġett u tat-tgawdija tal-frott u l-benefiċċji ta’ dan, u għall-għanijiet tat-trasferiment tar-riskju ta’ dannu li jsir lill-oġġett u d-dritt għall-kumpens, u t-trasferiment tar-riżervazzjoni tat-titlu ta' pussess, il-liġi applikabbli bejn il-partijiet għal din ir-relazzjoni hija l-liġi li tirregola r-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom (lex causae tar-relazzjonijiet kuntrattwali).

d) L-eċċezzjoni tal-politika pubblika nazzjonali (ordre public)

L-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali huwa rilevanti hawnhekk; dan jittratta l-ħarsien tat-titli ta' pussess b’referenza għall-fatt li l-pussess jkun fattur ta’ rabta u ma għandux jintuża għad-detriment tad-drittijiet ta’ l-oħrajn jew għall-vjolazzjoni ta’ l-interessi ġenerali protetti mil-liġi. L-eżerċizzju tad-drittijiet ta' pussess ma għandux ikun ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem, għan-natura jew għall-ambjent f’livell aktar minn dak stabbilit mil-liġi.

Il-Karta tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali tistipula ukoll li r-rekwiżizzjoni jew il-limitu bil-liġi tad-drittijiet ta’ pussess hija possibbli biss fl-interess pubbliku, fuq il-bażi tal-liġi u suġġett għal kumpens.

III.9. Il-falliment 
a) Is-sorsi tal-liġi

L-att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali.

b) L-għan tal-leġiżlazzjoni

Ir-regolamentazzjoni ta’ dan il-qasam hija ristretta għal dispożizzjonijiet speċjali dwar il-falliment ta’ entitajiet li, taħt leġiżlazzjoni separata (dispożizzjonijiet inklużi primarjament fl-Att Nru 124/2002 dwar relazzjonijiet ta’ ħlas), għandhom sehem f’sistema ta’ ħlas inkluża fil-lista ta’ sistemi ta’ ħlas miżmuma mill-Bank Nazzjonali Ċek jew fis-sistema ta’ l-ikklerjar taħt regolamenti legali separati (speċjalment Att Nru 591/1992 dwar it-titoli).

c) Il-fatturi ta’ rabta rilevanti

Jekk il-falliment ikun iddikjarat fir-rigward ta’ l-assi ta’ persuna li huma deskritti hawn fuq jew jekk il-ħlas ikun sospiż jew limitat b’konsegwenza ta’ miżura oħra ta’ awtorità pubblika fir-rigward ta’ l-assi ta’ dik il-persuna, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dik il-persuna jkunu ggvernati mill-istess liġi bħal dik tal-kuntratt tas-sistema ta’ ħlas, jew mil-liġi li hija applikabbli għall-parteċipanti fis-sistema ta’ likwidazzjoni (lex causae tas-sistema ta’ ħlas). L-għażla ta’ kwalunkwe liġi oħra hija prekluża fil-każijiet kollha.

Aktar tagħrif

« Liġi applikabbli - Informazzjoni Ġenerali | Repubblika Ċeka - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 26-02-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit