Kummissjoni Ewropea > NGE > Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni > Portugall

L-aħħar aġġornament: 20-07-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni - Portugall

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

I. F’termini ġenerali, x’inhuma t-tipi differenti ta’ metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim (ADR) fil-Portugall? I.
I.1. Il-konċiljazzjoni I.1.
I.2. Il-medjazzjoni I.2.
I.3. L-arbitraġġ I.3.
I.3.1. L-arbitraġġ volontarju I.3.1.
I.3.2. L-arbitraġġ istituzzjonalizzat I.3.2.
II. Is-sistemi II.
II.1. Huwa obbligatorju, skond il-liġi jew skond it-termini ta’ deċiżjoni tal-qorti, li wieħed jirrikorri għat-tipi differenti ta’ ADR? II.1.
II.1.1. Tilwim bejn professjonisti; tilwim tal-konsumaturi u kull tip ta’ tilwima fejn jintuża l-arbitraġġ jew il-medjazzjoni: II.1.1.
II.1.2. Tilwim tal-familja: II.1.2.
II.1.3. Tilwim bejn individwi: II.1.3.
II.2. Dawn it-tipi ta’ ADR huma rregolati mil-liġi? II.2.
II.2.1. Tilwim bejn professjonisti, tilwim tal-konsumaturi u kull tip ta’ tilwim fejn jintużaw l-arbitraġġ jew il-medjazzjoni: II.2.1.
II.2.2. Tilwim bejn individwi: II.2.2.
II.2.3. Tilwim tal-familja: II.2.3.
II.3. Jista’ jkun hemm klawżoli kuntrattwali li jistipulaw li kull tilwima li tirrigwarda l-kuntratt ser tiġi sottomessa għal ADR qabel kull referenza għall-qorti. Tali klawżoli jorbtu liż-żewġ partijiet għal dawn it-tipi ta’ ADR? II.3.
II.4. X’tipi ta’ tilwim jistgħu jissolvew b’dawn it-tipi ta’ ADR? II.4.
II.4.1. Tilwim bejn individwi: II.4.1.
II.4.2. Tilwim tal-familja: II.4.2.
II.5. Kif jista’ jkun żgurat li l-ADR użat jipprovdi garanziji komparabbli ma’ dawk tal-ġustizzja tradizzjonali? B’mod partikolari, kif tiġi garantita l-kunfidenzjalità tan-negozjati? II.5.
II.5.1. Tilwim bejn individwi u tilwim tal-familja: II.5.1.
II.5.2. Tilwim tal-konsumaturi: II.5.2.
II.6. Huwa neċessarju li wieħed ifittex parir legali? X’inhu r-rwol ta’ l-avukat f’dawn it-tipi ta’ ADR? II.6.
II.6.1. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom titnuża l-medjazzjoni: II.6.1.
II.6.2. Tilwim bejn individwi jew tilwim tal-familja: II.6.2.
II.6.3. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom jintuża l-arbitraġġ: II.6.3.
II.7. Dawn it-tipi ta’ ADR jistgħu jitwettqu minn distanza, b’mod partikolari b’mezzi elettroniċi? II.7.
II.7.1. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom tintuża l-medjazzjoni: II.7.1.
II.7.2. Tilwim bejn individwi: II.7.2.
II.7.3. Tilwim tal-familja: II.7.3.
II.7.4. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom jintuża l-arbitraġġ: II.7.4.
II.8. Dawn it-tipi ta’ ADR huma bla ħlas? Jekk le, kif jinqasmu l-ispejjeż? Huwa possibbli li tigħata għajnuna legali? II.8.
II.8.1. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom jintuża l-arbitraġġ: II.8.1.
II.8.2. Tilwim tal-konsumaturi: II.8.2.
II.8.3. Tipi oħra ta’ tilwim: II.8.3.
II.8.4. Tilwim bejn individwi: II.8.4.
II.8.5. Tilwim tal-familja: II.8.5.
II.9. Jekk tirrikorri għal dawn it-tipi ta’ ADR imma ma jirnexxilekx li tirrisolvi t-tilwima, xorta jkun possibbli li tirreferi għal qorti? L-użu ta’ dawn it-tipi ta’ ADR għandhom xi effett fuq il-perjodu ta’ preskrizzjoni biex każ jitressaq quddiem il-qorti? II.9.
II.9.1. Tilwim bejn individwi: II.9.1.
II.9.2. Tilwim tal-familja: II.9.2.
II.9.3. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom jintuża l-arbitraġġ: II.9.3.
II.10. Jekk tuża dawn it-tipi ta’ ADR u jirnexxielek issolvi t-tilwima, x’forma jieħu l-ftehim? X’jiġri jekk il-ftehim mhux infurzat b’mod spontanju? Jistgħu jintużaw proċeduri normali ta’ l-infurzar? Jkun għadu possibbli li tirreferi l-kwistjoni quddiem qorti? II.10.
II.10.1. Tilwim bejn individwi: II.10.1.
II.10.2. Tilwim tal-familja: II.10.2.
II.10.3. It-tipi kollha ta’ tilwim fejn jintuża l-arbitraġġ: II.10.3.

 

I. F’termini ġenerali, x’inhuma t-tipi differenti ta’ metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim (ADR) fil-Portugall?

Fil-Portugall il-mezzi alternattivi għas-soluzzjoni ta’ tilwim huma l-konċiljazzjoni, il-medjazzjoni, u l-arbitraġġ. Dawn huma kollha diretti għas-soluzzjoni ta’ tilwim permezz ta’ mezzi li m’humiex ġudizzjarji.

L-użu ta’ dawn il-mezzi jippermetti li l-ġustizzja titwettaq malajr u b’mod effettiv. L-involviment tal-partijiet jiffavorixxi l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jippermettulhom li jkomplu r-relazzjonijiet wara li jkun intlaħaq ftehim.

I.1. Il-konċiljazzjoni

Il-konċiljazzjoni hija alternattiva għall-involviment tal-Qorti. Din għandha natura informali. Taħt dan il-proċess il-partijiet, jew bl-involviment ta’ terza persuna jew mingħajru, jippruvaw isibu soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ftehim tagħhom.

Meta parti terza tintervjeni, din taħdem flimkien mal-partijiet l-oħra, billi tistedinhom jiddiskutu l-kwistjoni li ma jaqblux fuqha u tgħinhom jilħqu ftehim volontarju.

Il-konċiljatur jiġbed l-attenzjoni għall-aspetti objettivi tat-tilwima, jinsisti fuq soluzzjoni rapida u mhux eżawrijenti għall-kwistjoni u jgħin lill-partijiet fit-tilwima biex jilħqu ftehim taħt ir-responsabbilità tagħhom stess. Meta mqabbel ma’ medjatur, il-konċiljatur jieħu pożizzjoni aktar attiva. Jista’ wkoll jipproponi soluzzjoni għat-tilwima.

I.2. Il-medjazzjoni

Il-medjazzjoni hija mezz alternattiv għas-soluzzjoni ta’ tilwim li hija kunfidenzjali u volontarja fin-natura tagħha. Il-partijiet involuti huma responsabbli li joħorġu bid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu. Ġeneralment, il-medjazzjoni għandha natura formali.

FuqFuq

F’dan it-tip ta’ proċess ta’ soluzzjoni tat-tilwim, il-partijiet fit-tilwima, bl-għajnuna ta’ parti terza li hija imparzjali u newtrali, jippruvaw jilħqu ftehim biex isolvu t-tilwima tagħhom.

Kuntrarju għall-imħallef jew l-arbitru, il-medjatur ma jieħu l-ebda deċiżjoni dwar ir-riżultat ta’ l-argument. Minflok, il-medjatur jiggwida l-partijiet billi jistabbilixxi kuntatti bejniethom u jgħin l-iskambju ta’ opinjonijiet, b’tali mod li l-partijiet infushom jistgħu joħorġu bil-bażi għal ftehim li jtemm it-tilwima. Minħabba li dan il-proċess dejjem jinvolvi parti terza, nistgħu nikkunsidraw dan bħala proċess intermedjarju bejn il-konċiljazzjoni u l-arbitraġġ.

Minħabba li l-medjazzjoni tippermetti li tinżamm ir-relazzjoni bejn il-partijiet li qed jitlewmu, hija partikolarment adattata għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn il-membri tal-familja u bejn il-ġara.

I.3. L-arbitraġġ

I.3.1. L-arbitraġġ volontarju

L-arbitraġġ volontarju huwa mod privat għas-soluzzjoni ta’ tilwim fejn il-partijiet, fuq l-inizjattiva personali tagħhom, jagħżlu persuni magħrufa bħala arbitrui, li jaslu għal deċiżjoni li torbot lill-partijiet biex jiftiehmu dwar id-differenzi ta’ bejniethom.

F’dan il-proċess, il-parti terza imparzjali tieħu deċiżjoni rigward it-tilwima li qed tifred lill-partijiet. Hija ekwivalenti għal-litigazzjoni minħabba li d-deċiżjoni ma tittiħidx mill-partijiet li qed jitlewmu.

Għal raġunijiet ta’ infurzar, id-deċiżjonijiet ta’ l-arbitraġġ jitqiesu ugwali għal dawk li jittieħdu fi qrati normali u jistgħu jiġu infurzati minnhom.

FuqFuq

Sakemm il-partijiet ma rrinunzjawx għad-dritt tagħhom ta’ appell jew ma awtorizzawx lill-arbitru biex jagħti ġudizzju imparzjali u ġust, jista’ jsir appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-arbitraġġ lill-Qorti ta’ l-Appell.

I.3.2. L-arbitraġġ istituzzjonalizzat

Dan huwa t-terminu li jingħata lill-arbitraġġ volontarju mwettaq minn entitajiet awtorizzati mill-Ministeru tal-Ġustizzja biex jipprattikaw dik l-attività. Dawn l-entitajiet huma msejħa “Centros de Arbitração” (Ċentri ta’ l-Arbitraġġ).

II. Is-sistemi

Skond il-Liġi ta’ l-Arbitraġġ Volontarju, kull tilwima li m’għandhiex għalfejn tiġi miftiehma fil-qorti jew permezz ta’ arbitraġġ mandatorju u li ma tikkonċernax drittijiet inaljenabbli tista’ tiġi sottomessa għall-arbitraġġ mill-partijiet.

Fil-liġi tal-Portugall id-drittijiet inaljenabbli jinkludu dawk ikkunsidrati li jirrelataw ma’ kwistjonijiet ta’ libertà individwali u l-istat personali, drittjiet rigward relazzjonijiet tax-xogħol fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ l-impjieg u drittijiet mogħtija mil-liġi tas-sigurtà soċjali. Dawn jinkludu wkoll dawk id-drittijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ relazzjonijiet legali li l-partijiet ma jistgħux jaljenaw bil-volontà tagħhom u li għalhekk ma jistgħux jirrinunzjawhom permezz ta’ transazzjoni legali.

Jekk drittijiet bħal dawn jiġu invokati, ma jistax jintuża l-arbitraġġ jew mezzi alternattivi għas-soluzzjoni ta’ tilwim.

Ġeneralment isir attentat għall-konċiljazzjoni qabel ma wieħed jirrikorri għall-arbitraġġ taħt il-patroċinju taċ-Ċentri ta’ l-Arbitraġġ istituzzjonalizzati.

FuqFuq

Jekk l-attentat ta’ konċiljazzjoni ma jipproduċix ftehim għat-tilwima, waħda mill-partijiet tista’ tissottometti l-kwistjoni għall-arbitraġġ.

Il-medjazzjoni mhix regolata mil-liġi f’manjiera ġenerali imma hija maħsuba speċifikament fil-leġiżlazzjoni li ħolqot il-“Julgados de Paz” (Qrati tal-Maġistrati) (korpi simili għall-qrati li għandhom ix-xogħol li jiddeċiedu każijiet ċivili li jinvolvu ammonti ta’ mhux aktar minn € 3 740.98) u fl-Att dwar il-ħarsien tal-minuri, b’mod partikolari fir-rigward ta’ arranġamenti ta’  kustodja.

Il-medjazzjoni, bħala mezz alternattiv għas-soluzzjoni ta’ tilwim tal-konsumaturi, hija maħsuba fl-istruttura li toħloq is-sistema ta’ reġistrazzjoni għall-entitajiet li jfittxu li jistabbilixxu proċeduri ta’ ftehim mhux ġudizzjarju għat-tilwim.

II.1. Huwa obbligatorju, skond il-liġi jew skond it-termini ta’ deċiżjoni tal-qorti, li wieħed jirrikorri għat-tipi differenti ta’ ADR?

II.1.1. Tilwim bejn professjonisti; tilwim tal-konsumaturi u kull tip ta’ tilwima fejn jintuża l-arbitraġġ jew il-medjazzjoni:

Jista’ jintuża l-arbitraġġ volontarju biex jintlaħaq ftehim dwar kull tilwima li, skond il-liġi, ma tridx titressaq quddiem qorti tal-liġi jew ta’ l-arbitraġġ u li tinvolvi drittijiet jew kwistjonijiet li l-partijiet huma liberi li jiddeċiedu fuqhom.

L-użu tal-medjazzjoni huwa wkoll proċess li huwa determinat b’mod liberu mill-partijiet li qed jitlewmu.

L-użu tal-medjazzjoni mill-entitajiet awtorizzati li jwettqu din it-tip ta’ proċedura biex jintlaħaq ftehim fit-tilwim tal-konsumaturi jiddependi fuq l-aċċettazzjoni minn qabel ta’ dan il-proċess mill-konsumatur u mill-parti professjonali involuti.

FuqFuq

II.1.2. Tilwim tal-familja:

Fi proċeduri ta’ kustodja, l-imħallef jista’ jidddeċiedi li għandha tintuża l-medjazzjoni, imma din id-deċiżjoni dejjem trid tiġi aċċettata mill-partijiet interessati

II.1.3. Tilwim bejn individwi:

F’każijiet ċivili li jinvolvu ammonti ta’ anqas minn €3 740.98 li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Maġistrati, l-użu tal-medjazzjoni huwa volontarju u jiddependi fuq l-aċċettazzjoni tal-partijiet interessati.

Il-Qrati tal-Maġistrati għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam ċivili fuq il-kwistjonijiet li ġejjin:

  1. Azzjonijiet immirati biex jiżguraw li jiġu sodisfatti l-obbligazzjonijiet, ħlief għal dawk li jinvolvu benefiċċji ta’ flus u li għalihom il-kreditur oriġinali huwa jew kien persuna legali;
  2. Każijiet li jinvolvu t-trasferiment ta’ assi mobbli;
  3. Każijiet li jinvolvu d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ komproprjetarji konġunti, meta l-assemblea rispettiva tal-komproprjetarji ma għamlithiex obbligatorja li għandu jkun hemm arbitraġġ għall-ftehim ta’ tilwim bejn il-komproprjetarji, jew bejn il-komproprjetarji u l-amministratur;
  4. Azzjonijiet biex jissolva tilwim bejn il-proprjetarji relatati ma’ passaġġ neċessarju temporanju, drenaġġ naturali ta’ ilmijiet, xogħlijiet ta’ ħarsien kontra għargħar, qsim ta’ drejns, kanali, fosos, u sisien tal-ħaxix, il-ftuħ ta’ twieqi, bibien, verandi u xogħolijiet simili; l-istilliċidju, it-tħawwil ta’ siġar u sġajriet, il-bini ta’ ħitan u taqsimiet;
  5. Azzjonijiet għat-teħid ta’ pussess, il-preskrizzjoni akkwiżittiva, u l-aċċessjoni;
  6. Każijiet rigward id-dritt għall-użu u għall-amministrazzjoni ta’ proprjetà komuni, uċuħ, użufrutt, użu u abitazzjoni u d-dritt reali għall-abitazzjoni perjodika;
  7. Każijiet li jinvolvu kirjiet urbani, ħlief azzjonijiet għall-iżgumbrament;
  8. Każijiet li jinvolvu responsabbiltà ċivili kuntrattwali u mhux kuntrattwali;
  9. Każijiet li jinvolvu nuqqas kuntrattwali, ħlief għall-kuntratti ta’ l-impjieg u kirjiet rurali;
  10. Każijiet li jinvolvu l-garanzija ġenerali ta’ l-obbligazzjonijiet.

Il-ġudizzju ta’ l-arbitraġġ huwa kultant impost minn liġi speċjali. F’dawn il-każijiet wieħed irid jirrikorri quddiem il-qorti ta’ l-arbitraġġ ikkonċernata.

FuqFuq

II.2. Dawn it-tipi ta’ ADR huma rregolati mil-liġi?

II.2.1. Tilwim bejn professjonisti, tilwim tal-konsumaturi u kull tip ta’ tilwim fejn jintużaw l-arbitraġġ jew il-medjazzjoni:

L-arbitraġġ volontarju huwa irregolat biċ-ċar mil-liġi.

Hemm att speċifiku li jirregola l-proċeduri ta’ arbitraġġ volontarju mwettqa minn istituzzjonijiet.

Fir-rigward ta’ tilwim tal-konsumaturi, is-servizzi tal-medjazzjoni jistgħu jiġu pprovduti minn dawk l-entitajiet li, permezz tas-sistema ta’ reġistrazzjoni volontarja għas-soluzzjoni mhux ġudizzjarja ta’ tilwim tal-konsumaturi, jaġixxu skond il-prinċipji stabbiliti mil-liġi.

II.2.2. Tilwim bejn individwi:

L-att li jirregola l-kompetenza, l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-Qrati tal-Maġistrati jistipula b’mod ċar u jirregola l-medjazzjoni, il-funzjonijiet tal-medjatur u t-tħaddim tas-servizzi tal-medjazzjoni maħluqa f’kull Qorti tal-Maġistrati.

II.2.3. Tilwim tal-familja:

Il-medjazzjoni f’tilwim tal-familja hija ristretta għal sitwazzjonijiet ta’ separazzjoni jew divorzju b’kunsens reċiproku u hija mmirata biex tgħin lill-ġenituri ta’ minuri biex jilħqu ftehim fuq arranġamenti ta’ kustodja.

Bl-istess mod, fi proċeduri tal-kustodja, il-liġi tirrikjedi li l-imħallef, li jaġixxi bis-saħħa tal-pożizzjoni tiegħu, bil-ftehim tal-partijiet interessati, jew fuq talba tagħhom, jiddeċiedi fuq l-involviment ta’ servizzi tal-medjazzjoni pubbliċi jew privati.

FuqFuq

Il-“Gabinete de Mediação Familiar” (l-Uffiċċju tal-Medjazzjoni tal-Familja) jipprovdi servizz pubbliku f’dan il-qasam.

II.3. Jista’ jkun hemm klawżoli kuntrattwali li jistipulaw li kull tilwima li tirrigwarda l-kuntratt ser tiġi sottomessa għal ADR qabel kull referenza għall-qorti. Tali klawżoli jorbtu liż-żewġ partijiet għal dawn it-tipi ta’ ADR?

Iva, tali klawżoli jistgħu tassew jeżistu.

Skond l-Att ta’ l-Arbitraġġ Volontarju, kull tilwima li mhix sottomessa esklussivament għal qorti tal-liġi jew għall-arbitraġġ obbligatorju, u li ma tinvolvix drittijiet inaljenabbli, tista’ tiġi sottomessa mill-partijiet għall-arbitraġġ.

Il-partijiet għal ftehim kummerċjali jistgħu jiftiehmu li tilwim li ġej minn relazzjoni kuntrattwali legali jiġu sottomessi għall-qorti ta’ l-arbitraġġ, bir-rinunzja tad-dritt li jirrikorru għal kwalunkwe mezz ieħor, permezz ta’ klawżola inkluża fil-kuntratt. Din il-klawżola tissejjaħ “cláusula compromissória” (klawżola kompromissorja jew klawsola ta’ arbitraġġ).  Għandu jiġi nnutat li jekk il-partijiet kontraenti ma rrinunċjawx li jirrikorru għar-rotta ġudizzjarja, jista’ jiġi ppreżentat appell fil-qorti tat-tieni istanza kontra d-deċiżjoni ta’ l-arbitraġġ. Din il-klawżola trid tispeċifika r-relazzjoni legali tal-partiijiet li qed jitlewmu u trid torbot lill-partijiet.

Bl-istess kod, m’hemm xejn li jipprevjeni lill-partijiet kontraenti milli jiftiehmu li jirrikorru għal tipi oħra ta’ ADR, b’mod partikolari għall-medjazzjoni, biex isolvu kull tilwima li ġejja mir-relazzjoni kuntrattwali.

FuqFuq

II.4. X’tipi ta’ tilwim jistgħu jissolvew b’dawn it-tipi ta’ ADR?

Kull tip ta’ tilwim jista’ jissolva b’dawn it-tipi ta’ ADR sakemm, kif imsemmi qabel, mhumiex involuti d-drittijiet inaljenabbli.

Kif intwera, kull tilwima li tirriżulta minn relazzjoni legali li l-partijiet jistgħu jtemmu permezz ta’ negozjati, anke billi jirrinunzjaw id-drittijiet li joħorġu mill-ftehim tagħhom, u li mhumiex irriservati bil-liġi biss għall-qrati, jistgħu jissolvew b’dawn it-tipi ta’ ADR.

Il-liġi tara b’mod ċar l-arbitraġġ volontarju, ad hoc jew istituzzjonali bħala metodu mhux ġudizzjarju biex jissolva dan it-tilwim.

Il-karatteristika prinċipali ta’ l-arbitraġġ istituzzjonali volontarju hija l-fatt li ċ-Ċentri li jwettqu din il-ħidma jinstabu f’diversi bliet u rħula madwar il-Portugall. Iċ-Ċentri huma permanenti u jmorru lura għal qabel it-tilwim li huma jistgħu jsolvu. Dawn iċ-Ċentri għandhom kompetenza ġenerali jew jistgħu jkunu speċjalizzati f’ċerti oqsma.

Hemm ċerti Ċentri li għandhom ġurisdizzjoni reġjonali u huma biss involuti f’tilwim li jinqala’ f’ċerta erja ġeografika. Hemm oħrajn li jkopru l-pajjiż kollu u jistgħu jittrattaw tilwim minn madwar il-Portugall kollu.

Minbarra ċ-Ċentri ta’ l-Arbitraġġ li għandhom ġurisdizzjoni ġenerali, hemm diversi Ċentri ta’ l-Arbitraġġ li jitrattaw setturi speċifiċi. Dawn jinkludu tilwim tal-konsumaturi li jinvolvu s-setturi kummerċjali u industrijali, tilwim li joħroġ minn xogħolijiet pubbliċi u privati, tilwim li jinvolvi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, tilwim li jikkonċerna kirjiet ta’ proprjetà u urbani, il-professjonijiet u l-inċidenti ta’ vetturi.

FuqFuq

II.4.1. Tilwim bejn individwi:

Kif imsemmi qabel, il-medjazzjoni hija maħsuba b’mod ċar fil-liġi tal-Portugall għall-każijiet ċivili li jinvolvu ammonti ta’ mhux aktar minn €3 740.98 u li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Maġistrati.

II.4.2. Tilwim tal-familja:

Meta jiġu ttrattati divorzji jew separazzjonijiet, tista’ tintuża l-medjazzjoni għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet relatati ma’ minuri. Il-medjazzjoni hija espressament ipprovduta fil-liġi tal-Portugall fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kustodja.

II.5. Kif jista’ jkun żgurat li l-ADR użat jipprovdi garanziji komparabbli ma’ dawk tal-ġustizzja tradizzjonali? B’mod partikolari, kif tiġi garantita l-kunfidenzjalità tan-negozjati?

II.5.1. Tilwim bejn individwi u tilwim tal-familja:

Il-medjazzjoni mwettqa dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Maġistrati u l-medjazzjoni tal-familja tiggarantixxi l-imparzjalità, l-indipendenza, il-kunfidenzjalità u l-kredibilità lill-partijiet. Il-medjaturi jridu jaġixxu bil-kompetenza u d-diliġenza neċessarji. Dawn ir-regoli etiċi, espressament ipprovduti fil-liġi, għandhom l-effett ta’ garanziji proċedurali ġenwini.

Minn dawn, il-liġi tpoġġi enfasi speċjali fuq il-garanzija tal-kunfidenzjalità.

Fil-medjazzjoni mwettqa mill-Qrati tal-Maġistrati u fil-medjazzjoni tal-familja, il-partijiet iridu jiffirmaw, minn qabel, ftehim tal-medjazzjoni li jiddikjara li l-medjazzjoni msemmija hija kunfidenzjali. Il-partijiet, ir-rappreżentanti tagħhom u l-medjatur iridu jirrispettaw in-natura kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula matul il-medjazzjoni.

FuqFuq

Sakemm il-partijiet ma tawx il-permess tagħhom biċ-ċar, il-medjaturi ma jistgħu jinvolvu ruħhom bl-ebda mod fil-proċeduri li jsiru wara l-medjazzjoni, bħall-arbitraġġ, proċess legali jew trattament ta’ psikoterapija, kemm jekk intlaħaq u kemm jekk ma ntlaħaqx ftehim permezz ta’ din il-medjazzjoni.

II.5.2. Tilwim tal-konsumaturi:

F’tilwim tal-konsumaturi, l-entitajiet li huma awtorizzati li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ ADR iridu jipprovdu garanziji li l-ħidma tagħhom ser tkun imparzjali u indipendenti.

II.6. Huwa neċessarju li wieħed ifittex parir legali? X’inhu r-rwol ta’ l-avukat f’dawn it-tipi ta’ ADR?

II.6.1. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom titnuża l-medjazzjoni:

M’huwiex neċessarju għall-partijiet li jaħtru avukati meta qed jippruvaw isolvu tilwima permezz tal-medjazzjoni.

Fil-medjazzjoni, il-partijiet jiġu mistiedna biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv biex tinstab soluzzjoni. Madankollu, ir-rwol ta’ l-avukati li jipprovdu assistenza lill-partijiet m’għandux ikun stmat inqas milli fil-fatt hu. L-avukat jista’ jiżgura li l-proċess jisvolġi b’tali mod li l-interessi u l-għanijiet tal-klijent tiegħu jiġu rrispettati; jista’ jidentifika punti tal-liġi, jivvaluta kemm ftehim huwa mixtieq jew il-valur ta’ ftehim għall-parti opposta, u jista’ jipprepara jew jirrevedi t-test tal-ftehim.

II.6.2. Tilwim bejn individwi jew tilwim tal-familja:

Għall-każijiet ta’ medjazzjoni li jinstemgħu fil-Qrati tal-Maġistrati jew f’każijiet ta’ medjazzjoni tal-familja, il-partijiet iridu jidhru personalment. Madankollu, jistgħu jkunu akkompanjati minn avukat.

FuqFuq

II.6.3. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom jintuża l-arbitraġġ:

M’huwiex neċessarju għal avukat li jinħatar għas-soluzzjoni ta’ tilwim permezz ta’ l-arbitraġġ. Il-partijiet jistgħu jaħtru lil xi ħadd biex jirrappreżentahom jew biex ikun preżenti fil-qorti ta’ l-arbitraġġ.

Madankollu, rappreżentant legali irid jinħatar f’każ ta’ arbitraġġ meta l-ammont tat-tilwima jeċċedi l-kompetenza tal-qorti tal-Prim’Istanza (€3 740.98) u meta jitressaq appell.

II.7. Dawn it-tipi ta’ ADR jistgħu jitwettqu minn distanza, b’mod partikolari b’mezzi elettroniċi?

II.7.1. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom tintuża l-medjazzjoni:

Minħabba li l-għan prinċipali tal-medjazzjoni huwa li l-partijiet jingħataw opportunità li jsolvu d-differenzi ta’ bejniethom b’mod ta’ ħbieb u negozjat, huwa preżunt li l-partijiet ikunu fiżikament preżenti matul is-sessjonijiet tal-medjazzjoni.

II.7.2. Tilwim bejn individwi:

Taħt l-Att dwar il-Qrati tal-Maġistrati, jekk waħda mill-partijiet ma tidhirx fis-sessjoni appuntata ta’ medjazzjoni u ma tippreżenta l-ebda ġustifikazzjoni għal din l-assenza, il-każ jiġi mgħoddi lis-segretarjat biex tiġi stabbilita data għal smigħ fil-Qorti.

II.7.3. Tilwim tal-familja:

Il-ġenituri jridu jkunu preżenti għall-proċess ta’ medjazzjoni tal-familja.

Jekk xi ħadd mill-ġenituri ma jidhirx u jekk il-proċeduri tal-kustodja ġew sospiżi bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim, is-servizzi tal-medjazzjoni għandhom jinfurmaw lill-qorti b’dan sabiex is-sospensjoni tista’ titneħħa u jkunu jistgħu jkomplu l-proċeduri tal-qorti.

FuqFuq

II.7.4. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom jintuża l-arbitraġġ:

Fl-arbitraġġ istituzzjonali volontarju l-partijiet dejjem iridu jinstemgħu, bil-fomm jew bil-miktub, qabel ma tittieħed deċiżjoni finali.

Fil-proċess ta’ l-arbitraġġ, minħabba n-natura tiegħu, jistgħu jintużaw mezzi elettroniċi, prinċiparjament permezz ta’ konferenza bil-vidjo.

II.8. Dawn it-tipi ta’ ADR huma bla ħlas? Jekk le, kif jinqasmu l-ispejjeż? Huwa possibbli li tigħata għajnuna legali?

II.8.1. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom jintuża l-arbitraġġ:

Il-liġi ma tipprevedix l-għotja ta’ għajnuna legali għal tilwim li jissolva permezz ta’ arbitraġġ volontarju, ad hoc jew istituzzjonali.

II.8.2. Tilwim tal-konsumaturi:

L-arbitraġġ istituzzjonali miċ-Ċentri ta’ l-Arbitraġġ tal-konsumatur huwa bla ħlas imma l-ammonti tat-tilwim li dawn jistgħu jsolvu huma baxxi – il-parti l-kbira taċ-Ċentri jaċċettaw biss kwistjonijiet li ma jinvolvux aktar minn €3 749.98.

II.8.3. Tipi oħra ta’ tilwim:

L-ispejjeż taċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ ivarjaw u jiddependu, ġeneralment, fuq il-valur tat-tilwim. L-ammonti li jitħallsu u l-mod li dawn jitqassmu bejn il-partijiet involuti fit-tilwima huma normalment iddikjarati fir-regolamenti taċ-Ċentri.

Hemm xi Ċentri ta’ l-Arbitraġġ fejn l-ispejjeż huma biss dovuti f’dawk il-każi li jittieħdu fil-qrati ta’ l-arbitraġġ. Is-servizzi tal-medjazzjoni u l-konċiljazzjoni pprovduti bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ l-arbitraġġ huma b’xejn.

FuqFuq

II.8.4. Tilwim bejn individwi:

Il-medjazzjoni fil-Qrati tal-Maġistrati hija suġġetta għall-ħlas ta’ ammont żgħir fiss li huwa anqas jekk jintlaħaq ftehim. Dan l-ammont li jrid jitħallas huwa maqsum ugwalment bejn il-partijiet.

L-Att dwar il-Qrati tal-Maġistrati jistipula li persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ l-Att dwar l-Għajnuna Legali jikkwalifikaw għal kwalunkwe wieħed mit-tipi diversi ta’ din l-għajnuna (f’dan ir-rigward ara d-dokument ta’ l-informazzjoni dwar l-għajnuna legali).

II.8.5. Tilwim tal-familja:

Il-medjazzjoni mis-servizzi pubbliċi tal-medjazzjoni tal-familja – l-Uffiċċju tal-Medjazzjoni tal-Familja – hija bla ħlas.

II.9. Jekk tirrikorri għal dawn it-tipi ta’ ADR imma ma jirnexxilekx li tirrisolvi t-tilwima, xorta jkun possibbli li tirreferi għal qorti? L-użu ta’ dawn it-tipi ta’ ADR għandhom xi effett fuq il-perjodu ta’ preskrizzjoni biex każ jitressaq quddiem il-qorti?

II.9.1. Tilwim bejn individwi:

Jekk il-partijiet ma jilħqux ftehim jew jilħqu biss ftehim parzjali fil-medjazzjoni mill-Qrati tal-Maġistrati, il-medjatur jikkomunika dan il-fatt lill-maġistrat li jappunta data għal smigħ fil-Qorti.

II.9.2. Tilwim tal-familja:

Jekk il-ġenituri ma jilħqux ftehim f’medjazzjoni tal-familja fil-kuntest ta’ proċeduri dwar kustodja, is-servizzi tal-medjazzjoni jikkomunikaw dan il-fatt lill-imħallef responsabbli għall-każ, li jkompli għaddej.

FuqFuq

Għal proċeduri ta’ divorzju jew separazzjoni b’kunsens reċiproku miġjuba f’uffiċċju tar-reġistru ċivili, jekk il-Prosekutur Pubbliku jikkunsidra li l-ftehim dwar kustodja ppreżentat mill-ġenituri ma jagħtix l-attenzjoni xierqa lill-interessi tal-minuri u l-partijiet li qed jagħmlu t-talba ma jiftiehmux dwar il-bidliet indikati, il-każ jintbagħat lill-qrati tad-distrett ta’ l-uffiċċju tar-reġistru ċivili konċernat

II.9.3. It-tipi kollha ta’ tilwim li fihom jintuża l-arbitraġġ:

Fl-arbitraġġ volontarju, il-proċess jintemm b’deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tista’ tikkonsisti fir-ratifika tal-ftehim milħuq matul il-fażi tal-konċiljazzjoni. Din id-deċiżjoni għandha s-saħħa ta’ sentenza tal-qorti.

Jekk il-partijiet ma rrinunzjawx għad-dritt tagħhom ta’ l-appell, jista’ jitressaq appell kontra d-deċiżjoni ta’ l-arbitraġġ fil-qorti tat-tieni istanza taħt kundizzjonijiet identiċi bħal dawk applikabbli għal deċiżjonijiet li jittieħdu fil-qrati tad-distrett.

L-użu ta’ l-ADR ma jaffetwax il-limitit taż-żmien għar-referenza f’qorti.

II.10. Jekk tuża dawn it-tipi ta’ ADR u jirnexxielek issolvi t-tilwima, x’forma jieħu l-ftehim? X’jiġri jekk il-ftehim mhux infurzat b’mod spontanju? Jistgħu jintużaw proċeduri normali ta’ l-infurzar? Jkun għadu possibbli li tirreferi l-kwistjoni quddiem qorti?

II.10.1. Tilwim bejn individwi:

Il-ftehim li jintlaħaq bil-medjazzjoni f’każijiet li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Maġistrati jsir bil-miktub u jiġi ratifikat mill-Maġistrat.

Il-ftehim ratifikat għandu s-saħħa ta’ sentenza ta’ qorti tal-Prim’Istanza.

L-infurzar ta’ ftehim tal-medjazzjoni ratifikat huwa f’idejn il-qorti tal-Prim’Istanza, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar il-Proċeduri Ċivili.

II.10.2. Tilwim tal-familja:

Il-ftehim li jintlaħaq bil-medjazzjoni isir bil-miktub u jiġi ratifikat mill-imħallef tal-qorti fejn qed jinstemgħu l-proċeduri għall-kustodja.

II.10.3. It-tipi kollha ta’ tilwim fejn jintuża l-arbitraġġ:

Id-deċiżjoni ta’ l-arbitraġġ tiġi infurzata bl-istess mod bħal deċiżjoni ta’ qorti tal-Prim’Istanza.

L-infurzar tad-deċiżjoni ta’ l-arbitraġġ huwa f’idejn il-qorti tal-Prim’Istanza, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar il-Proċeduri Ċivili.

Għalhekk, f’dawn is-sitwazjonijiet il-kwistjoni tiġi riferuta għall-qorti fl-istat ta’ l-infurzar.

Aktar tagħrif

  • Supremo Tribunal de Justiça (Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja); English - français - português
  • Tribunal Constitucional (Il-Qorti Kostituzzjonali); português
  • Ministério da Justiça (Il-Ministeru tal-Ġustizzja); English - português
  • Tribunal da Relação de Lisboa (Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Lisbona); português
  • Tribunal da Relação de Coimbra (Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Coimbra); português
  • Tribunal da Relação de Évora (Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Évora); English - français - português
  • Tribunal da Relação do Porto (Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Oporto); português
  • Procuradoria Geral da República (l-Uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali); português
  • Centro de Estudos Judiciários (iċ-Ċentru għall-Istudji Legali; l-entità responsabbli mit-taħriġ ta’ l-imħallfin u l-maġistrati Portugiżi); English - français - português
  • Direcção Geral da Administração da Justiça (id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni Ġudizzjarja; jipprovdi informazzjoni fost affarijiet oħra dwar dettalji fejn għandek tagħmel kuntatt, u l-ġurisdizzjoni ġeografika tal-qrati u joffri aċċess għas-Sit ta’ l-Internet ta’ l-Uffiċjali Ġudizzjarji); English - português
  • Gabinete de Política Legislativa e Planeamento do Ministério da Justiça (l-Uffiċċju tal-Politika Leġiżlattiva u l-Ippjanar tal-Ministeru tal-Ġustizzja); English - português
  • Direcção Geral dos Registos e do Notariado (id-Direttorat Ġenerali għar-Reġistri u n-Nutara); português
  • Instituto do Consumidor (l-Istitut għall-Affarijiet tal-Konsumatur); português
  • Associação Sindical dos Juizes Portugueses (Is-Sindakat ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Imħallfin Portugiżi); português
  • Sindicato dos Magistrados do Ministério Público (Is-Sindakat tal-Maġistrati tal-Prosekutur Pubbliku); português
  • Ordem dos Advogados (L-Assoċjazzjoni ta’ l-Avukatura Portugiża); português
  • Online legislation database (tikkontjeni l-liġijiet u n-notifiki kollha ppubblikati fi “I Série do Diário da República” (Il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I) sa mill-1.1.1970; tipprovdi aċċess bla ħlas għal-leġiżlazzjoni ippubblikata fi “I Série” sa mill-1.1.2000). português
  • Direcção-Geral da Administração Extrajudicial (id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni mhux Ġudizzjarja); English - português
  • Associação de Mediadores de Conflitos (l-Assoċjazzjoni tal-Medjaturi tat-Tilwim); português
  • Associação Nacional para a Mediação Familiar – (l-Assoċjazzjoni għall-Medjazzjoni tal-Familja; tgħaqqad flimkien nies professjonisti fil-qasam tal-medjazzjoni tal-familja, u tipprovdi taħriġ inizjali u kontinwu) (anmf-portugal@netcabo.pt);
  • Centro de Arbitração (iċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ) da Universidade Católica Portuguesa (CAUCP); português
  • Núcleo de Apoio ao Investidor e Mediação (iċ-Ċentru ta’ l-Appoġġ u l-Medjazzjoni għall-Investituri (NAIM); English - português
  • Centro de Mediação Peritagens e Arbitragens Voluntárias (iċ-Ċentru għall-Medjazzjoni Esperta u l-Arbitraġġ Volontarju); português
  • Centro de Arbitração Comercial (iċ-Ċentru għall-Arbitraġġ Kummerċjali); English - português
  • Centro de Informação, Mediação e Arbitração de Conflitos do Algarve (iċ-Ċentru għall-Informazzjoni dwar Tilwim, Medjazzjoni u Arbitraġġ għat-tilwim tal-konsumaturi ta’ Algarve); English - português
  • Centro de Arbitração Conflitos de Consumo de Lisboa (iċ-Ċentru għall-Arbitraġġ ta’ Tilwim tal-konsumaturi ta’ Lisbona) (lis.arbitration@ip.pt);
  • Centro de Informação de Consumo e Arbitração do Porto (iċ-Ċentru għall-Informazzjoni tal-Konsumatur u l-Arbitraġġ ta’ Oporto) (cicap@mail.telepac.pt);
  • Centro de Arbitração de Conflitos de Consumo de Coimbra e Figueira da Foz (iċ-Ċentru għall-Arbitraġġ ta’ Tilwim tal-Konsumaturi ta’ Coimbra u Figueira da Foz) (tribarb@esoterica.pt).

« Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni - Informazzjoni Ġenerali | Portugall - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 20-07-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit