Kummissjoni Ewropea > NGE > Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni > Repubblika Ċeka

L-aħħar aġġornament: 28-02-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni - Repubblika Ċeka

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Il-metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim fir-Repubblika Ċeka 1.
1.1. L-Arbitraġġ 1.1.
1.2. L-Arbitru Finanzjarju 1.2.
1.3. L-Ombudsman 1.3.
2. Tista’ tuża l-forom fuq imsemmija ta’ ADR fil-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet. Biex tikseb aktar informazzjoni, agħżel it-tip ta’ tilwima kkonċernata mil-lista t’hawn taħt. 2.
2.1. Tilwim bejn in-negozji u l-konsumaturi 2.1.
2.1.1. L-Arbitraġġ 2.1.1.
2.1.2. L-Arbitru Finanzjarju 2.1.2.
2.2. It-tilwim bejn l-intraprendituri 2.2.
2.3. It-tilwim bejn l-impjegati u min iħaddem 2.3.
2.4. It-tilwim tal-familja 2.4.
2.5. It-tilwim bejn l-individwi 2.5.
2.6. Tilwim speċifiku ieħor 2.6.

 

1. Il-metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim fir-Repubblika Ċeka

1.1. L-Arbitraġġ

L-arbitraġġ iseħħ taħt il-kontroll tal-parteċipanti fuq il-bażi ta’ ftehim bil-miktub li fih il-parteċipanti jiftiehmu li tinstab soluzzjoni għat-tilwima tagħhom minn terz indipendenti msemmi fil-ftehim. Dan jista’ ikun jew arbitru li jaħdem għal rasu (kwalunkwe adult kapaċi li hu kompetenti f’materji legali) jew korp ta’ l-arbitraġġ permanenti (fir-Repubblika Ċeka, per eżempju: Rozhodčí soud při Hospodářské komoře ČR a Agrární komoře ČR ceština - Deutsch - English) (Il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ li tifforma parti mill-Kamra Ekonomika tar-Repubblika Ċeka u l-Kamra ta’ l-Agrikoltura tar-Repubblika Ċeka).

Din it-tip ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tista’ tintuża għal tilwim dwar il-proprjetà privata. Hija intenzjonata prinċipalment għal każijiet li fihom dritt jew ass jiġi trasferit bi ħlas (per eżempju, id-dritt ta’ proprjetà fi ftehim ta’ bejgħ). F’din il-kategorija huma inklużi t-tilwim dwar proprjetà kummerċjali (per eżempju, tilwim li jirriżulta minn ftehimiet ta’ kiri), tilwim relatat ma’ l-impjiegi (li jirriżulta mit-terminazzjoni inġusta ta’ kuntratti ta’ impjieg jew minn talbiet fuq salarji) u tilwim tal-familja (li jinvolvu l-manteniment bejn l-adulti). Madankollu, l-arbitraġġ ma jistax jintuża biex tinstab soluzzjoni għal tilwim li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet jew li huma relatati mal-ġestjoni tal-kompetizzjoni jew mal-kumpens.

FuqFuq

1.2. L-Arbitru Finanzjarju

Dan huwa l-korp li jieħu ħsieb is-soluzzjoni tat-tilwim bejn il-provdituri tas-servizzi finanzjarji (il-banek, il-banek tat-tifdil u organizzazzjonijiet oħra li jesegwixxu jew jipprokuraw it-trasferiment tal-flus) u l-klijenti tagħhom, jew bejn min joħroġ il-mezzi ta’ pagament u l-utenti tagħhom (per eż. il-karti ta’ kreditu).

1.3. L-Ombudsman

Dan il-korp jitratta lmenti magħmula fuq l-inizjattiva stess ta’ dak li jkun, li jikkonċernaw tilwim ta’ l-awtoritajiet tal-gvern.

L-Ombudsman jassisti lin-nies li fil-konfront tagħhom l-awtoritajiet ikunu mxew b’mod li kien kuntrarju għal-liġi jew li mhux konformi mal-prinċipji ta’ stat demokratiku li jirrispetta s-supremazija tad-dritt. Għalkemm ma jistax jibdel jew jirrevoka d-deċiżjonijiet tad-dipartimenti tal-gvern, jista’ jirrakkomanda li huma jieħdu azzjoni korrettiva jekk jistabbilixxi li jkunu mxew b’mod inġust.

2. Tista’ tuża l-forom fuq imsemmija ta’ ADR fil-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet. Biex tikseb aktar informazzjoni, agħżel it-tip ta’ tilwima kkonċernata mil-lista t’hawn taħt.

2.1. Tilwim bejn in-negozji u l-konsumaturi

Kif diġa jingħad fil-fuljett dwar l-“ADR - Il-liġi Komunitarja”, il-Kummissjoni ppubblikat fuq il-websajt tagħha lista estensiva ta’ persuni li jieħdu ħsieb is-soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim tal-konsumaturi fl-Istati Membri.  F’dan il-fuljett inti ssib informazzjoni prattika biex tgħinek tiddeċiedi liema tip ta’ ADR tuża. Issib ukoll informazzjoni dwar l-istruttura tagħhom, l-oqsma li jkopru, il-proċeduri, l-ispiża involuta u dettalji oħra. Din il-lista tista’ tinkiseb minn dan l-indirizz ta’ l-internet Deutsch - English - français.

FuqFuq

Jista’ jkollok bżonn tikkuntattja istituzzjoni ta’ l-ADR ibbażata fi Stat Membru ieħor. Biex titkixxef eżatt lil min għandek tikkuntattja f’każijiet bħal dawn, ikkonsulta s-sit tan-Netwerk Ekstraġudizzjarju Ewropew dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim transkonfinali (EEJ-Net) jew il-websajt FIN-NET dansk - Deutsch - ελληνικά - English - español - français - italiano - Nederlands - português - suomi- svenska għal każijiet relatati mas-servizzi finanzjarji.

FuqFuq

Fir-Repubblika Ċeka tista’ tinstab soluzzjoni għal dan it-tilwim permezz ta’ l-arbitraġġ u, f’ċerti oqsma, tilwim finanzjarju jista’ jiġi deċiż mill-Arbitru Finanzjarju.

2.1.1. L-Arbitraġġ

L-arbitraġġ hu possibbli għal kważi t-tilwim kollu f’dan il-qasam, għaliex il-maġġoranza l-kbira tiegħu jaqa’ fil-kategorija ta’ tilwim dwar proprjetà kif iddefinit aktar ‘il fuq. Tilwima tipika tista’ tqum minn ftehim ta’ bejgħ.

Ir-regoli dwar l-arbitraġġ huma stabbiliti fil-Liġi Nru 216/1994 Sb. dwar il-proċeduri ta’ l-arbitraġġ u l-infurzar tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, kif sussegwentement emendat ceština.

L-arbitraġġ jitmexxa fuq il-bażi ta’ ftehim bil-miktub ta’ arbitraġġ konkluż mill-partijiet (ftehim verbali huwa wkoll aċċettabbli sakemm il-parteċipanti jikkonfermawh bil-miktub meta tingħata l-ordni ta’ l-arbitraġġ).

Il-konsumatur irid jikkonkludi ftehim bil-miktub ma’ l-intraprenditur (klawsola ta’ arbitraġġ) illi jkun jipprovdi li t-tilwim kollu li joħroġ minn ftehim partikolari (eż. ftehim ta’ bejgħ, ftehim dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg, eċċ) għandha tinstab soluzzjoni għalih permezz ta’ l-arbitraġġ. Jekk tilwima tikkonċerna kwistjoni koperta minn klawsola ta’ l-arbitraġġ korrenti, il-kwistjoni ma tistax tiġi deċiża mill-qrati. Madankollu, l-applikant jista’ jieħu azzjoni l-qorti jekk il-kwistjoni tiġi diskussa quddiem l-arbitru skond il-ftehim bejn il-parteċipanti.

FuqFuq

L-arbitru huma marbuta b’obbligu ta’ segretezza, li jiżgura li tkun protetta l-informazzjoni li l-partijiet fit-tilwima jixtiequ jżommu kunfidenzjali.

L-arbitri jistgħu jinnegozjaw ftehim bl-użu ta’ telegramma, teleks jew mezzi elettroniċi li jippermettulhom jitrasmettu l-messaġġ tagħhom u jappuntaw persuni biex jinnegozjaw il-ftehim. Il-proċeduri nfushom jistgħu jitmexxew b’dawn il-mezzi jekk jaqblu l-partijiet.

Fi proċeduri ta’ arbitraġġ, il-partijiet ma jistgħux ikollhom rappreżentant legali. Il-partijiet iħallsu l-ispejjeż tal-proċeduri.

Id-deċiżjoni fil-proċeduri ta’ l-arbitraġġ hija finali, torbot u tista’ tiġi infurzata bil-mezzi legali (il-qbid). Id-deċiżjoni ta’ l-arbitru tista’ tiġi revokata biss minħabba raġunijiet legalment iddefiniti. Dawn jinkludu raġunijiet tekniċi bħal, per eżempju, li l-arbitru ma kienx kompetenti għall-inkarigu (jiġifieri arbitru li mhux adult jew li l-awtorizzazzjoni tiegħu biex jaġixxi bħala arbitru tneħħiet jew ġiet ristretta), li l-arbitru ma rċeviex l-awtorizzazzjoni preċedenti tal-partijiet, eċċ. Ordni tal-qorti li tirrevoka deċiżjoni ta’ arbitru trid tingħata fi żmien tlett xhur mid-data li fiha dik id-deċiżjoni ġiet konsenjata lill-parti li qed tfittex li tannullaha.

Għandek issib referenza għad-delega tal-poteri fis-sezzjoni dwar Rakkomandazzjonijiet għall-abbozzar ta’ klawsoli ta’ arbitraġġ fil-kuntratti ceština fuq il-websajt tal-Qorti ta’ l-Arbitraġġ li tifforma parti mill-Kamra Ekonomika tar-Repubblika Ċeka u l-Kamra ta’ l-Agrikoltura tar-Repubblika Ċeka

FuqFuq

Siti ta’ l-internet oħra utli: Il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ ceština

2.1.2. L-Arbitru Finanzjarju

Il-konsumaturi jistgħu jirreferu quddiem dan il-korp it-tilwim tagħhom mal-banek u ma’ l-istituzzjonijiet l-oħra dwar il-forniment jew il-faċilitazzjoni tat-trasferiment ta’ flus, l-użu tal-mezzi tal-pagament bħall-karti ta’ kreditu jew servizzi bankarji oħra. Is-servizzi ta’ l-Arbitru Finanzjarju jistgħu wkoll jintużaw meta l-banek ma jeżegwux it-tranżazzjoni mitluba mill-klijent jew jeżegwuha b’dewmien jew biż-żbalji. Każ tipiku ieħor li fih jintuża dan it-tip ta’ ADR hu l-abbuż tal-karti ta’ kreditu ta’ klijent. L-Arbitru Finanzjarju huwa kompetenti biex jiġġudika f’każijiet fejn l-ammont tat-trasferiment ma jaqbiżx EUR 50,000. Minn meta r-Repubblika Ċeka ssieħbet ma’ l-Unjoni Ewropea, l-Arbitru Finanzjarju Ċek kien responsabbli għas-soluzzjoni tat-tilwim li jikkonċerna tranżazzjonijiet f’euri fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-proċeduri quddiem l-Arbitru Finanzjarju u l-poteri ta’ dan l-uffiċċju huma regolati bil-Liġi 229/2002 PDF File (PDF File) Coll. dwar l-Arbitru Finanzjarju tad-9 ta’ Mejju 2002 (li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003).

L-Arbitru Finanzjarju jinħatar mill-Parlament Ċek u jrid ikun persuna b’reputazzjoni tajba u bi kwalifiki u esperjenza xierqa. Huwa marbut b’obbligu ta’ segretezza dwar l-informazzjoni miksuba waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Dan jiżgura li l-proċeduri jitmexxew b’mod ġust u li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali.

FuqFuq

L-arbitraġġ mhux obbligatorju. Mezzi oħra ta’ soluzzjoni tat-tilwim, inklużi l-proċeduri tradizzjonali fil-qorti, jistgħu jintużaw bħala alternattiva. Għalhekk mhux possibbli jinbdew proċeduri quddiem l-Arbitru Finanzjarju jekk qorti tkun diġa ddeċidiet fuq l-istess kwistjoni jew jekk ikunu għaddejjin il-proċeduri fil-qorti. L-istess japplika jekk it-tilwima diġa qegħda jew kienet inġiebet quddiem l-Arbitru Finanzjarju jew jekk kienet is-suġġett ta’ proċeduri oħra ta’ arbitraġġ.

Jista’ jibda l-proċeduri konsumatur li huwa klijent ta’ istituzzjoni finanzjarja partikolari jew detentur ta’ mezz elettroniku ta’ pagament.

Il-proċeduri jistgħu jinbdew ukoll b’mod elettroniku permezz ta’ firma elettronika sikura. Huwa possibbli wkoll li jinbdew il-proċeduri bit-teleks, bil-faks jew bin-netwerk pubbliku tad-data mingħajr firma elettronika avvanzata, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni biex jibdew il-proċeduri tiġi ffirmata fi żmien tlett ijiem bil-miktub jew b’firma elettronika avvanzata. L-applikazzjoni tista’ ukoll issir fuq formola pprovduta mill-Arbitru. Ikklikkja hawn ceština PDF File (PDF File 174 KB) għall-formola standard (pdf) jew hawn ceština għall-formola elettronika.

Il-proċeduri nfushom jistgħu jitmexxew mid-distanza, bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi, iżda l-arbitru jista’ jitlob lill-parteċipanti biex jipprovdu spjegazzjoni bil-fomm.

FuqFuq

Il-partijiet ma jistgħux ikollhom rappreżentant legali. Il-proċeduri mhumiex taxxabbli. Kull parteċipant iħallas l-ispejjeż tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ l-interpretazzjoni, li titħallas mill-istituzzjoni finanzjarja. Dan jirreferi għall-interpretazzjoni lejn il-lingwa li biha huwa miktub il-ftehim li l-applikant għandu ma’ l-istituzzjoni jew għal dik li biha hu jew hi normalment tikkomunika bil-miktub ma’ l-istituzzjoni. L-applikant huwa intitolat għal din it-tip ta’ interpretazzjoni.

L-Arbitru jagħti deċiżjoni f’kull każ u jikkonsenjaha lill-parteċipanti personalment. Oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni jridu jkunu sottomessi fil-forma legali xierqa. Il-partijiet jistgħu jissottomettu oġġezzjonijiet bir-raġunijiet tagħhom fi żmien 15-il ġurnata minn meta jirċievu d-deċiżjoni. Id-dritt ta’ oġġezzjoni jista’ jiġi rinunzjat. Is-sottomissjoni ta’ oġġezzjonijiet għandu effett sospensiv. Id-deċiżjoni ta’ l-Arbitru fuq l-oġġezzjonijiet sollevati tista’ tikkonferma jew tvarja d-deċiżjoni oriġinali. Kopja bil-miktub tad-deċiżjoni fuq l-oġġezzjonijiet sollevati tiġi kkonsenjata lill-parteċipanti u titqies finali. Din id-deċiżjoni torbot legalment u mhumiex permessi oġġezzjonijiet ulterjuri. Id-deċiżjoni tista’ tiġi infurzata mill-qrati skond il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ladarba jkun skada t-terminu għall-implimentazzjoni tagħha. Jekk it-terminu ma jissemmiex espliċitament fid-deċiżjoni, tista’ tiġi infurzata ladarba ssir torbot legalment.

Jekk il-konsumatur mhux kuntent bil-mod kif l-Arbitru Finanzjarju jkun sab soluzzjoni għat-tilwima, jista’ jressaq il-każ fil-qorti. Anki l-istituzzjoni finanzjarja konċernata għandha dan id-dritt. Id-deċiżjoni ssir nulla u bla effett jekk il-każ jitressaq fil-qorti, jekk it-tilwima titressaq quddiem tribunal ta’ l-arbitraġġ, jekk jintlaħaq ftehim bonarju u jekk tiġi rtirata l-applikazzjoni qabel id-deċiżjoni ssir legalment vinkolanti.

FuqFuq

Siti ta’ l-internet oħra utli: L-Arbitru Finanzjarju ceština

2.2. It-tilwim bejn l-intraprendituri

L-intraprendituri jistgħu jużaw l-arbitraġġ b’mod partikolari biex isibu soluzzjoni għat-tilwim li jinvolvi l-proprjetà. Ara hawn fuq għad-dettalji dwar dan it-tip ta’ ADR.

Jekk intraprenditur għandu tilwima ma’ bank, jista’ ukoll juża s-servizzi ta’ l-Arbitru Finanzjarju. Għad-dettalji dwar il-kundizzjonijiet li taħthom dan it-tip ta’ ADR jista’ jintuża effettivament, ara s-sezzjoni t’hawn fuq dwar it-tilwim bejn in-negozji u l-konsumaturi.

2.3. It-tilwim bejn l-impjegati u min iħaddem

F’din it-tip ta’ tilwima, l-arbitraġġ jista’ jintuża għal kwistjonijiet relatati max-xogħol (terminazzjoni inġusta ta’ l-impjieg, talbiet għal żjieda fil-paga, eċċ.). Ikklikkja hawn għad-dettalji dwar l-arbitraġġ.

2.4. It-tilwim tal-familja

F’dan il-qasam jista’ jintuża biss l-arbitraġġ bħala l-forma alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim, u biss f’numru zgħir ta’ tilwimiet li jridu jinvolvu proprjetà u li jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Liġi Nru 216/1994 Coll. Dwar il-Proċeduri ta’ l-Arbitraġġ u l-Infurzar tad-Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ ceština. Minn dan isegwi li l-arbitraġġ ma jistax jintuża, per eżempju, fil-każ ta’ divorzju. Fil-prattika, l-arbitraġġ jidher li hu adegwat l-aktar għal tilwim dwar manteniment bejn l-adulti jew ftehimiet li jikkonċernaw l-assi konġunti tal-miżżewwġin. Ikklikkja hawn għad-dettalji dwar l-arbitraġġ.

FuqFuq

2.5. It-tilwim bejn l-individwi

L-individwi jistgħu wkoll jużaw l-arbitraġġ biex isolvu tilwim dwar proprjetà. Ara hawn fuq għad-dettalji dwar dan it-tip ta’ ADR.

2.6. Tilwim speċifiku ieħor

Jekk it-tip ta’ tilwima s’issa ma ssemmietx speċifikatament f’dan il-fuljett, probabbilment hija tilwima bejn l-individwi u l-gvern. F’każijiet bħal dawn, jistgħu jintużaw s-servizzi ta’ l-Ombudsman.

L-istatus u l-poteri ta’ l-Ombudsman huma regolati mil-Liġi 349/1999 Coll. Tat-8 ta’ Diċembru 1999 dwar l-Ombudsman ceština.

L-Ombudsman jassisti lin-nies li ġew trattati mill-awtoritajiet b’mod kuntrarju għal-liġi jew mhux konfirmi mal-prinċipji ta’ stat demokratiku li jirrispetta s-supremazija tad-dritt.

L-ilment jista’ jinvolvi d-dipartimenti tal-gvern jew awtoritajiet amministrattivi oħra li huma responsabbli għall-pajjiż kollu u d-dipartimenti li jirrapportaw lil dawk l-awtoritajiet (per eżempju r-reġistru ta’ l-artijiet, l-aġenziji ta’ l-impjiegi u dipartimenti tal-finanzi), l-awtoritajiet lokali li jmexxu l-operat tal-gvern, il-pulizija (bl-eċċezzjoni, ovvjament, tat-timijiet ta’ investigazzjoni), l-armata, il-Kunsill tax-Xandir bir-Radju u t-Televiżjoni, il-ħabsijiet u ċ-ċentri ta’ detenzjoni, il-faċilitajiet għall-kura istituzzjonali jew il-kustodja protettiva, l-isptarijiet tas-saħħa mentali u l-korpi pubbliċi ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa.

FuqFuq

L-Ombudsman m’għandux is-saħħa jinvestiga lmenti magħmula kontra l-Parlament, il-President tar-Repubblika u tal-Gvern, l-Uffiċċju ta’ l-Awditur Suprem, is-servizzi sigrieti Ċeki, l-awtoritajiet responsabbli mill-proċeduri kriminali, il-prosekuturi pubbliċi u l-qrati, bl-eċċezzjoni ta’ l-amministrazzjoni statali tal-qrati.

L-Ombudsman jintgħażel mill-Parlament Ċek minn fost applikanti proposti mill-President u mis-Senat. Il-funzjoni ta’ Ombudsman mhix kompatibbli ma’ dik ta’ President tar-Repubblika, Membru tal-Parlament, senatur jew imħallef u mal-funzjonijiet kollha ta’ l-amministrazzjoni pubblika. L-Ombudsman ma jistax ikun membru ta’ partit jew moviment politiku. Inoltre, l-Ombudsman ma’ jistax ikun involut f’attivitajiet oħra bi ħlas, bl-eċċezzjoni tal-gestjoni ta’ l-assi privati tiegħu jew attivitajiet ta’ natura xjentifika, edukattiva, ta’ pubblikazzjoni, litterarja jew artistika, sakemm ma jtellfuhx mill-abilità li jaqdi l-funzjonijiet tiegħu jew jheddu li jwaqqgħu l-uffiċċju ta’ l-Ombudsman jew il-kunfidenza fl-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu. L-Ombudsman huwa marbut bil-kunfidenzjalità dwar l-informazzjoni li kellu aċċess għaliha fil-kors ta’ dmirijietu. Dan l-obbligu jibqa’ jgħodd wara li jintemm iż-żmien tal-kariga tiegħu u jgħodd ugwalment għall-impjegati fl-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman. Id-dipartimenti tal-gvern, inklużi dawk responsabbli għall-proċeduri kriminali, huwa awtorizzati biex jikkonsultaw il-fajls ta’ l-Ombudsman u jistgħu jipprelevawhom jekk ikun hemm raġuni valida fil-liġi għal dan. Jekk l-Ombudsman ma jagħtix il-permess tiegħu, hija meħtieġa l-approvazzjoni ta’ l-Ispiker tal-Kamra tad-Deputati. Dan jiżgura li l-kwistjonijiet jiġu ttrattati mill-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman b’mod imparzjali u kunfidenzjali.

FuqFuq

Kull min iressaq lment fuq inizjattiva tiegħu stess quddiem l-Ombudsman m’għandux bzonn li jkollu rappreżentant legali.

Ikklikkja hawn ceština biex tressaq lment quddiem l-Ombudsman b’mod elettroniku jew ibgħat email f’dan l-indirizz.

Ma jintalabx ħlas biex jitressaq lment quddiem l-Ombudsman.

L-Ombudsman jivverifika b’mod indipendenti jekk qorti ġġudikatx dwar il-materji involuti jew jekk hemmx proċeduri għaddejjin fil-qorti, u f’każijiet bħal dawn għandu l-fakoltà li ma jittrattax ċerti kwereli ("jipposponi").

Jekk, fil-kors ta’ l-investigazzjonijiet tiegħu, l-Ombudsman ma jsibx evidenza ta’ ksur tal-liġi jew aġir illegali ieħor, hu jinforma b’dan lill-kwerelant u lill-awtorità.

Jekk isib li seħħew irregolaritajiet bħal dawn, l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tissottometti l-kummenti tagħha fi żmien 30 ġurnata. Jekk, b’risposta għal dan l-invit, l-awtorità konċernata tafferma li ħadet jew li ser tieħu azzjoni korrettiva u jekk l-Ombudsman ikun tal-fehma li dawn il-miżuri huma suffiċjenti, huwa jinforma lill-kwerelant u lill-awtorità konċernata b’din id-deċiżjoni tiegħu. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-Ombudsman huwa obbligat, malli jirċevi l-kummenti mitluba jew f’egħluq it-terminu għas-sottomissjoni tal-kummenti, jinforma lill-kwerelant u lill-awtorità konċernata bid-deċiżjoni finali tiegħu; parti minn din id-deċiżjoni tikkonsisti fi proposta għal miżuri korrettivi.

L-azzjoni prinċipali li jista’ jirrakomanda l-Ombudsman hija:

FuqFuq

  1. li jinbdew proċeduri għall-istħarriġ ta’ deċiżjoni, azzjoni jew proċedura tal-gvern, fejn ikun possibbli li l-Ombudsman jibda proċeduri bħal dawn;
  2. li jinbdew jittieħdu miżuri biex jipprevjenu n-nuqqas ta’ azzjoni;
  3. li tinbeda azzjoni dixxiplinarja jew azzjoni simili;
  4. il-prosekuzzjoni għal att kriminali, aġir illegali jew offiża amministrattiva oħra;
  5. il-ħlas tad-danni jew il-preżentazzjoni ta’ talba għad-danni.

L-awtorità kkonċernata trid tinforma lill-Ombudsman dwar l-azzjoni korrettiva fi żmien 30 ġurnata minn meta tirċievi d-deċiżjoni finali. Jekk l-awtorità ma taqdix l-obbligu tagħha li tieħu azzjoni korrettiva jew jekk l-Ombudsman ikun tal-fehma li l-azzjoni li hi tieħu mhix suffiċjenti, hu għandu żewġ possibiltajiet: jew li jinforma lill-awtorità superjuri jew, jekk m’hemmx tali awtorità, lill-gvern, jew li jinforma lill-pubbliku.

Min iressaq lment quddiem l-Ombudsman ma jitlifx id-dritt li jieħu azzjoni legali quddiem il-qrati.

Siti oħra ta’ l-internet utli: L-Ombudsman ceština - Deutsch - English - français

« Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni - Informazzjoni Ġenerali | Repubblika Ċeka - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 28-02-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit