Kummissjoni Ewropea > NGE > Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni > Awstrija

L-aħħar aġġornament: 24-10-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni - Awstrija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

Liema metodi bażiċi ta’ ftehim ekstra-ġudizzjarju għat-tilwim huma disponibbli fl-Awstrija? Liema metodi bażiċi ta’ ftehim ekstra-ġudizzjarju għat-tilwim huma disponibbli fl-Awstrija?
A. It-tribunali ta’ arbitraġġ A.
B. Il-proċeduri tal-bord ta’ konċiljazzjoni għal tilwim li għandu x’jaqsam ma’ akkomodazzjoni B.
C. Il-medjazzjoni f’kawżi tal-liġi ċivili (speċjalment fil-liġi tal-familja) C.
D. Il-bord ta’ konċiljazzjoni għal kwistjonijiet dwar mezzi ta’ telekomunikazzjoni D.
E. L-uffiċċji ta’ medjazzjoni ta’ l-awtoritajiet lokali E.
F. It-tribunali ta’ arbitraġġ u ċ-ċentri ta’ konċiljazzjoni ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ l-avukati F.

 

Liema metodi bażiċi ta’ ftehim ekstra-ġudizzjarju għat-tilwim huma disponibbli fl-Awstrija?

Bħala regola, issir distinzjoni bejn proċeduri ta' barra mill-qorti sabiex jintlaħaq ftehim għal tilwim li jkun istituzzjonalizzat f'forma statutorja u dawk li jiffunzjonaw mingħajr bażi statutorja.

Riżolvimenti ta' tilwim pprovduti b'liġi jinkludu l-ftehim pretorjan (“praetoriansettlement), li jseħħ bl-involviment u bil-parteċipazzjoni tal-qrati imma ma jwassalx għal deċiżjoni mill-qrati. Skond il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Awstrijak, ftehim pretorjan jippresupponi petizzjoni maħsuba li għandha x'taqsam ma' kunflitti eżistenti li jiġu solvuti minn waħda mill-partijiet li tinvoka l-għajnuna tal-qorti sabiex tipprova ssib ftehim amikevoli għat-tilwima, bl-għajnuna u bil-parir ta' mħallef.

Forma possibbli oħra ta' ftehim ekstra-ġudizzjarju għal tilwim hija l-istabbiliment ta' att notarili eżegwibbli. Jistgħu jinstabu aktar dettalji ta' istituzzjonijiet statutorji oħra ta' ftehim ekstra-ġudizzjarju għal tilwim bħal tribunali ta' arbitraġġ, bordijiet ta' konċiljazzjoni fi kwistjonijiet ta' djar, medjazzjoni fi kwistjonijiet ta' liġi ċivili (speċjalment fil-liġi tal-familja), bordijiet ta' konċiljazzjoni fi kwistjonijiet dwar t-telekomunikazzjoni u uffiċċji ta' medjazzjoni ta' awtoritajiet lokali taħt il-punti A) sa E) aktar 'l isfel. Barra minn dawn il-korpi kollha, rappreżentanti ta' korpi professjonali, bħal dawk ta' l-avukati, tan-nutara pubbliċi, tat-tobba tal-mediċina u ta' l-inġiniera ċivili, jagħmluha ta' medjaturi f'tilwim bejn il-membri tagħhom jew f'tilwim bejn il-membri u l-klijent tagħhom. Taħt F) wieħed jista' jsib aktar informazzjoni dwar it-tribunali ta' arbitraġġ u dwar il-bordijiet ta' konċiljazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet Awstrijaċi ta' l-avukati.

FuqFuq

Minbarra dawn il-metodi kollha stabbiliti bil-liġi, hemm numru ta' metodi mhux statutarji ta' ftehim ekstra-ġudizzjarju jew biex ikun evitat it-tilwim, speċjalment fi kwistjonijiet fejn għandhom x'jaqsmu l-konsumaturi. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, dipartimenti għall-ilmenti informali ta'għaqdiet u ta' assoċjazzjonijiet tan-negozju, kumitati ta' konċiljazzjoni fl-għaqdiet tal-kummerċ, bordijiet ta' konċiljazzjonijiet fejn tipparteċipa l-Assoċjazzjoni għall-Informazzjoni għall-Konsumatur, uffiċċju ta' konċiljazzjoni għal kwistjonijiet ta' responsabbiltà medika. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur flimkien ma' lista u deskrizzjoni ta' istituzzjonijiet ekstra-ġudizzjarji fl-Awstrija billi tara l-ħowmpejġ tal-Kummissjoni Ewropea (http://ec.europa.eu/consumers/redress/out_of_court/adrdb_en.htm English.

Sa mill-1 ta' Marzu 2003, l-Awstrija għandha wkoll bord ta' konċiljazzjoni għal tilwim li għandu x'jaqsam mad-domains Awstrijaċi “.at”. Dan huwa tilwim dwar id-dritt ta' proprjetà fid-domains “.at”, speċjalment tilwim dwar id-dritt li jintuża isem u drittijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kodiċijiet ta' identifikazzjoni, trejdmarks, proprjetà intelletwali u kompetizzjoni. Wieħed jista' jsib aktar informazzjoni (bil-Ġermaniż u bl-Ingliż) fuq is-sit web Deutsch - English.

FuqFuq

Hemm ukoll Ombudsman ta' l-Internet li jipprovdi servizzi ta' konċiljazzjoni f'tilwim u li jitrattata ilmenti relatati ma' forum shopping, jiġifieri wieħed jagħti titwila madwaru sabiex jagħżel pajjiż ta' ġuriżdizzjoni għal każ relatat ma' l-Internet. Is-servizzi ta' l-Ombudsman huma disponibbli fuq pagament ta' ħlas annwali ta' sħubija (bħalissa ta' €25). Wieħed jista' jsib aktar informazzjoni (bil-Ġermaniż u bl-Ingliż) fuq is-sit web Deutsch.

A. It-tribunali ta’ arbitraġġ

L-Artikoli 577 sa 618 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Awstrijak japplikaw għall-proċeduri kollha ta' arbitraġġ li jinvolvu tribunali ta' arbitraġġ ibbażati fl-Awstrija. Il-Kodiċi jistabbilixxi l-liġi dwar l-arbitraġġ b'mod ġenerali, fejn ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn proċeduri purament domestiċi u proċeduri internazzjonali, jew bejn tilwim minħabba negozju u kwistjonijiet oħra. Hemm ukoll regoli speċifiċi rigward gruppi li jeħtieġu protezzjoni speċjali, bħall-konsumaturi u l-impjegati.

Fil-prinċipju, it-talbiet kollha dwar beni li jistgħu jinstemgħu quddiem il-qrati ordinarji jistgħu jiġu solvuti permezz ta' ftehim ta' arbitraġġ. It-talbiet li m'għandhomx x'jaqsmu esklużivament ma' beni jista' jintlaħaq ftehim dwarhom permezz ta' arbitraġġ jekk il-partijiet kapaċi jilħqu ftehim. Madankollu, oġġettivament ma jistax jintlaħaq ftehim dwar talbiet li ġejjin minn ċerti oqsma legali permezz ta' arbitraġġ (bażikament talbiet li jinvolvu l-liġi tal-familja u d-drittijiet ta' akkomodazzjoni).

FuqFuq

It-tribunal ta' arbitraġġ jista' jintalab jiddeċiedi biss jekk il-partijiet jaqblu. Il-ftehim ta' arbitraġġ irid jirreferi għal kawża legali partikolari jew għal kważi futuri li ġejjin minn relazzjoni legali partikolari.

Dwar kwistjonijiet ta' arbitraġġ, fil-parti l-kbira, il-partijiet ikunu awtonomi. Huma ħielsa li jiddeċiedu jekk jistrutturawx il-proċedura fuq ir-regoli tagħhom stess jew fuq regoli speċifiċi ta' proċedura, sakemm ma jkunx hemm xi rekwiżit mandatorju li jgħid il-kontra. Ir-rekwiżiti mandatorji jinkludu l-prinċipju li l-partijiet iridu jiġu trattati b'mod ġust u li kull parti għandha d-dritt li tinstema'. Id-dritt ta' parti għal rappreżentazzjoni minn persuna li tagħżel hija huwa invjolabbli.

Bħala regola, l-arbitraġġ jintemm b'deċiżjoni li jkollha l-istess għan u effett bħal sentenza f'kawża ċivili normali. Ladarba l-partijiet jiġu notifikati bid-deċiżjoni, din ikollha effett legali u tista' tiġi eżegwita wara perjodu ta' żmien li jrid jiġi stipulat. Id-deċiżjoni hija titolu eżekuttiv li, jekk ikun meħtieġ, jista' jiġi eżegwit mill-qrati.

Għal ċerti raġunijiet, li ġew elenkati fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili u ma jistgħux jiġu rinunzjati, qorti ordinarja tista' tbiddel id-deċiżjoni ta' l-arbitraġġ permezz ta' petizzjoni għat-tħassir tad-deċiżjoni. Dawn ir-raġunijiet jinkludu ċaħda tad-dritt għal smigħ mill-qorti, nuqqas ta' kunsens dovut għall-arbitraġġ, ksur tar-regoli mandatorji dwar l-arbitraġġ u ksur ta' l-ordni pubbliku proċedurali (ordre public), nuqqas ta' bażi oġġettiva għall-arbitraġġ u ksur ta' l-ordni pubbliku (ordre public) rigward il-liġi sostantiva.

FuqFuq

Links utli

  • Il-Liġjiet Awstrijaċi Deutsch - English fis-sistema federali ta' informazzjoni legali
  • Il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja ta' l-Awstrija Deutsch - English - français
  • It-Tribunal Istituzzjonali ta' Arbitraġġ Deutsch - English tal-Kamra Awstrijaka tal-Kummerċ

B. Il-proċeduri tal-bord ta’ konċiljazzjoni għal tilwim li għandu x’jaqsam ma’ akkomodazzjoni

F'ċertu tilwim li għandu x'jaqsam ma' l-Att dwar l-Assoċjazzjonijiet tad-Djar Mhux Bi Qligħ (Wohnungsgemeinnützigkeitsgesetz) jew ma' l-Att dwar il-Proprjetà ta' l-2002, li jridu jinqatgħu f'qorti fi proċeduri mhux kontenzjużi, fejn l-awtoritajiet lokali in kwistjoni jkollhom bordijiet ta' konċiljazzjoni li jittrattaw tilwim dwar il-liġi tal-kera, il-proċeduri ta' konċiljazzjoni lokali jridu jinbdew qabel ma l-kwistjoni titressaq quddiem qorti. L-awtoritajiet lokali fi Graz, Innsbruck, Klagenfurt, Leoben, Linz, Mürzzuschlag, Neunkirchen, Salzburg, St Pölten, Stockerau u Vjenna bħalissa għandhom faċilitajiet bħal dawn.

FuqFuq

Il-liġi dwar il-kera tista' tikkonċerna t-twettiq ta' manutenzjoni u ta' titjib, il-legalità tal-kirjiet miftiehma jew id-distribuzzjoni ta' l-ispejjeż amministrattivi.

Fi proċeduri bħal dawn, huwa mandatorju li l-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kirja jitressqu quddiem tribunal ta' arbitraġġ f'waħda miż-żoni ta' l-awtoritajiet lokali fejn ikun hemm tribunal ta' arbitraġġ. Kawżi bħal dawn għalhekk jistgħu jitressqu quddiem qorti biss jekk qabel ikunu tressqu quddiem il-bord ta' konċiljazzjoni ta' l-awtorità lokali u l-bord ta' konċiljazzjoni jkun diġà ħa deċiżjoni jew jekk il-proċeduri ma jkunux ġew konklużi fi żmien tliet xhur.

Fil-prinċipju, is-seduti quddiem il-bord ta' konċiljazzjoni jsiru in camera. Il-partijiet għall-proċeduri biss ikollhom aċċess għall-atti. Barra minn hekk, ċerti dokumenti jkunu eżentati mid-dritt ta' aċċess għall-atti. Dan ikun il-każ fejn spezzjoni tal-kontenut tal-fajls tista' tkun ta' dannu għall-interessi leġittimi ta' waħda mill-partijiet jew ta' parti terza. Dan japplika wkoll fejn il-funzjonijiet ta' awtorità lokali jistgħu jitqiegħdu f'riskju jew jekk dan jinterferixxi ma' l-għan tal-proċedimenti.

Hija permessa rappreżentazzjoni minn avukat, imma mhix mandatorja.

L-applikazzjonijiet, il-petizzjonijiet, in-notifiki, l-ilmenti u komunikazzjonijiet oħra jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe mezz tekniku disponibbli, inkluż permezz ta' mezz telegrafiku, bit-teleks, bi trasferiment awtomatiku tad-data jew bi kwalunkwe mezz teknoloġiku ieħor. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll b'mezz elettroniku jekk il-bord ta' konċiljazzjoni in kwistjoni jkollu t-tagħmir teknoloġiku meħtieġ.

FuqFuq

Madankollu, fil-parti l-kbira tal-każi jeħtieġ li jsiru s-seduti. Il-partijiet għandhom jidhru personalment (u mhux sempliċement ikunu rappreżentati minn avukat), peress li dan minnu nnifsu jinkoraġġixxi ftehim amikevoli għat-tilwima. Madanakollu, bħala regola dan mhu se jkun ta' l-ebda diffikultà, peress li l-proċeduri tal-bord ta' konċiljazzjoni jsiru fiż-żona ta' l-awtorità lokali fejn tinstab il-proprjetà mikrija.

Il-proċeduri ta' konċiljazzjoni fi kwistjonijiet ta' kera jkunu bla ħlas.

Jekk it-tentattiv sabiex jintlaħaq ftehim b'mod amikevoli ma jirnexxix, il-bord ta' konċiljazzjoni jkollu jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. Jekk waħda mill-partijiet ma tkunx sodisfatta bid-deċiżjoni tal-bord ta' konċiljazzjoni, il-parti tista' titlob biex il-każ jitressaq quddiem qorti fi żmien erba' ġimgħat minn meta tingħata d-deċiżjoni tal-bord ta' konċiljazzjoni. Id-deċiżjoni tal-bord ta' konċiljazzjoni issir ineffettiva ladarba l-każ jitressaq quddiem qorti. Kwalunkwe waħda mill-partijiet tista' tressaq ukoll il-kwistjoni quddiem qorti jekk il-proċeduri quddiem il-bord ta' konċiljazzjoni ma jkunux ġew konklużi fi żmien tliet xhur. Hekk kif talba ta' din ix-xorta ssir bil-mod xieraq, il-bord ta' konċiljazzjoni jrid jissospendi l-proċeduri tiegħu.

Jekk l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun ressqet il-kwistjoni quddiem qorti fi żmien erba' ġimgħat minn meta id-deċiżjoni tal-bord ta' konċiljazzjoni tiġi notifikata, id-deċiżjoni tal-bord ta' konċiljazzjoni issir finali. Imbagħad tkun tikkostitwixxi titolu eżekuttiv. Għaldaqstant ma jkunx possibbli li din il-kwistjoni ta' kera titressaq quddiem qorti; b'hekk, l-uniċi drittijiet ta' appell u ta' rimedji legali disponibbli jkunu dawk ipprovduti fi proċeduri ta' eżekuzzjoni.

FuqFuq

Links utli

  • Il-Belt ta' Vjenna Deutsch - English
  • Graz - l-għajxien u l-ivvjaġġar fil-belt Deutsch - English

C. Il-medjazzjoni f’kawżi tal-liġi ċivili (speċjalment fil-liġi tal-familja)

Hawnhekk qed nittrattaw is-soluzzjoni ta' kunflitti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati ordinarji. L-Att dwar il-Medjazzjoni fil-Liġi Ċivili (Zivilrechts-Mediations-Gesetz, BGBl I 2003/29) tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-medjazzjoni f'kunflitti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati ċivili ordinarji. Fit-tifsira ta' dan l-Att, nistgħu nitkellmu dwar medjazzjoni biss jekk il-medjatur ikun espert ikkwalifikat li juża metodi rikonoxxuti.

Il-medjatur huwa legalment meħtieġ li jkun imparzjali u li jagħti attenzjoni speċjali sabiex iservi lill-partijiet mingħajr ma jagħti trattament preferenzjali lil kwalunkwe parti minnhom (għandu jittratta magħhom ilkoll b'mod ugwali). Fil-prinċipju, l-istruttura tal-proċeduri ta' medjazzjoni tiġi deċiża mill-partijiet kontendenti, u dan il-ftehim ta' medjazzjoni jistabbilixxi l-prinċipji tal-proċeduri. Il-kontenut tad-diskussjonijiet ta' medjazzjoni huma kunfidenzjali għall-parteċipanti kollha, u skond l-Artikolu 320(4) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (ZPO), il-medjaturi ma jistgħux jissejħu bħala xhieda fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja sussegwenti. Il-medjaturi huma marbuta bl-obbligu legali tas-segretezza. Jekk jiksru l-obbligu tas-segretezza tagħhom, huma jkunu soġġetti għall-prosekuzzjoni skond il-liġi kriminali. Dawk il-persuni li ġew elenkati f'lista speċjali biss jistgħu jagħmluha ta' medjaturi. Dan jiggarantixxi li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa ta' espert.

FuqFuq

Ir-rappreżentazzjoni legali mhix mandatorja, imma l-partijiet jistgħu jkunu rappreżentati minn avukat, sakemm ma jkunx hemm ftehim li jgħid mod ieħor.

L-għan tal-medjazzjoni huwa li jintlaħaq kunsens bejn il-partijiet permezz tat-tekniki ta' komunikazzjoni tal-medjatur. Għalhekk se jkun diffiċli li jkun hemm medjazzjoni b'mezzi ta' komunikazzjoni elettronika. Hemm spejjeż obbligatorji marbuta ma' l-użu tal-medjaturi. L-ispejjeż ta' medjatur ma jiddependux fuq il-firxa tat-tilwima in kwistjoni imma fuq il-ħin investit mill-medjatur. Fil-prinċipju, l-ispejjeż tal-medjazzjoni jinqasmu bejn il-parteċipanti. Il-partijiet għat-tilwima jiftiehmu dwar id-distribuzzjoni ta' l-ispejjeż tul l-andament tal-proċeduri. Fil-prinċipju mhemm l-ebda dispożizzjoni sabiex tingħata għajnuna legali. Fi kwistjonijiet li jinvolvu l-familji, il-Ministeru Federali għas-Saħħa, il-Familja u l-Affarijiet taż-Żgħażagħ jista' jagħti kontribuzzjoni, jiddependi mid-dħul tal-familja.

Peress li l-proċedura ta' medjazzjoni hija volontarja, il-partijiet jistgħu jtemmuha meta jridu, u l-kwistjoni tista' titressaq quddiem qorti ordinarja. Skond l-Artikolu 22 ta' l-Att dwar il-Medjazzjoni fil-Liġi Ċivili, fejn il-medjazzjoni tibda u titwettaq bl-għajnuna ta' medjatur irreġistrat, il-medjazzjoni tinterrompi l-preskrizzjoni u termini oħra sabiex id-drittijiet u t-talbiet marbuta mal-medjazzjoni jkunu jistgħu jiġu artikulati. Konsegwentement, il-preskrizzjoni u termini oħra jibdew jgħoddu mill-ġdid biss hekk kif titwaqqaf il-medjazzjoni.

L-għan tal-proċeduri ta' medjazzjoni huwa li jintlaħaq kunsens bejn il-partijiet. Dan il-kunsens ma jistax jiġi eżegwit minn qorti; huwa soluzzjoni suġġerita li fuqha, akar tard, il-qorti tista' tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Anki wara li tinstab soluzzjoni fi proċeduri ta' medjazzjoni, meta jridu l-partijiet jistgħu jressqu l-kwistjoni quddiem qorti ordinarja.

FuqFuq

Links utli

  • Il-Liġijiet Awtrijaċi Deutsch - English fis-sistema federali ta' informazzjoni legali
  • Il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja ta' l-Awstrija Deutsch - English - français

D. Il-bord ta’ konċiljazzjoni għal kwistjonijiet dwar mezzi ta’ telekomunikazzjoni

Il-bord jitratta tilwim li għandu x'jaqsam mas-servizzi ta' komunikazzjoni. Il-proċedura primarjament tintuża għal tilwim li għandu x'jaqsam mal-ħlas ta' kontijiet jew ma' spejjeż, imma tista' tintuża wkoll għal ilmenti dwar il-kwalità tas-servizzi offruti. L-ilmenti jistgħu jsiru kemm mill-konsumaturi kif ukoll mill-gruppi ta' pressjoni. Madankollu, il-konċiljazzjoni mhix obbligatorja.

Id-dettalji tal-proċedura sabiex jinstab ftehim għat-tilwim huma stabbiliti fl-Att dwar il-Mezzi ta' Telekomunikazzjoni ta' l-2003 (TKG 2003). L-Artikolu 122 tat-TKG 2003 jeħtieġ li l-uffiċċju regolatur jistabbilixxi regoli għall-proċedura biex jiġu solvuti l-kunflitti.

FuqFuq

Jista' jinstab ftehim għal tilwima barra mill-qorti biss jekk id-diversi partijiet involuti kollha jressqu applikazzjoni bil-miktub quddiem il-bord ta' konċiljazzjoni, RTR-GmbH, wara li jkunu fallew tentattivi oħra biex jintlaħaq ftehim. Il-parteċipazzjoni fil-proċedura hija volontarja għall-partijiet ikkonċernati kollha, u n-negozjati jistgħu jitwaqqfu fi kwalunkwe ħin mingħajr ma tingħata raġuni.

Ir-rikorrenti jistgħu jiġu rrappreżentati minn avukat jew minn kwalunkwe persuna li jkollha l-kunfidenza tagħhom fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri. Il-fornituri tas-servizzi b'mezzi ta' telekomunikazzjoni jistgħu jinħtieġu li jawtorizzaw persuna partikolari sabiex twettaq dawn il-proċeduri, u sabiex tinnegozja u taqbel ma' soluzzjoni reċiprokament aċċettata.

Il-partijiet iridu jippreżentaw l-argumenti tagħhom bil-miktub jew f'forma elettronika. Dan japplika wkoll għat-trażmissjoni tad-dokumenti. Fuq il-bażi ta' l-argumenti preżentati miż-żewġ naħat u ta' l-opinjoni ta' espert tekniku li jkun ġie konsultat, il-bord ta' konċiljazzjoni jfassal proposta għal soluzzjoni, li l-partijiet jistgħu jiffirmaw u jroddu lura lill-bord ta' konċiljazzjoni f'perjodu ta' żmien speċifiku. Jekk is-soluzzjoni ma tintraddx lura, il-bord ta' konċiljazzjoni jista' jħarrek lill-parteċipanti kollha sabiex jattendu għal smigħ orali jekk iqis dan espedjenti u jekk ir-rikorrent ma joġġezzjonax. Ir-rakkomandazzjoni tal-bord ta' konċiljazzjoni hija biss suġġeriment u mhix eżegwibbli. Madankollu, jekk iż-żewġ partijiet jagħtu l-kunsens bil-miktub tagħhom għar-rakkomandazzjoni, din tista' tikseb il-forza ta' ftehim skond id-dritt privat.

Il-proċedura ta' konċiljazzjoni minnha nfisha hija bla ħlas, imma kull waħda mill-partijiet għat-tilwima trid tbati l-ispejjeż tal-ħlasijiet ta' l-avukat tagħha. Jekk ir-rikorrent ma jkunx konsumatur, il-bord ta' konċiljazzjoni jista' jeħtieġ li dan iħallas l-ispejjeż effettivi. Mhemm l-ebda dispożizzjoni biex tingħata l-għajnuna legali, imma f'ċerti ċirkostanzi l-konsumaturi jiġu rimborżati l-ispejjeż tal-vjaġġ.

FuqFuq

Matul l-andament tal-proċeduri jew saħansitra wara li jkunu ġew konklużi, il-partijiet, meta jridu, jistgħu jressqu l-kwistjoni quddiem qorti. Ladarba ssir applikazzjoni quddiem il-bord ta' konċiljazzjoni, id-data tal-ħlas ta' fattura tiddewwem sa tmiem il-proċeduri.

Links utli

  • Il-Liġijiet Awtrijaċi Deutsch - English fis-sistema federali ta' informazzjoni legali
  • Ir-Regolatur għall-mezzi tal-komunikazzjoni bla fili u għall-mezzi ta' telekomunikazzjoni Deutsch - English GmbH

E. L-uffiċċji ta’ medjazzjoni ta’ l-awtoritajiet lokali

L-uffiċċji ta' medjazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali huma korpi pubbliċi stabbiliti fuq il-livell lokali. M'għandhomx permess jieħdu deċiżjonijiet; ir-rwol tagħhom huwa li jippruvaw isibu ftehim għal ċerti kwistjonijiet bejn partijiet kontendenti, inklużi talbiet finanzjarji, drittijiet għal oġġetti u għal beni immobbli, tilwim minħabba konfini, tilwim minħabba drittijiet ta' proprjetà jew kwistjonijiet li jinvolvu l-malafama. L-applikazzjoni fl-uffiċċji ta' medjazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali hija volontarja.

FuqFuq

L-uffiċċji ta' medjazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali jiġu stabbiliti fuq ordni ta' l-awtoritajiet reġjonali. Bħalissa hemm uffiċċji ta' medjazzjoni f'sitt stati federali ta' l-Awstrija.

L-uffiċċji ta' medjazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali normalment ikunu magħmula minn tliet persuni ta' kunfidenza li ġew eletti mill-kunsill lokali. Skond ir-rekwiżiti statutarji, ma jista' jinżamm l-ebda rekord tal-proċeduri ta' ftehim li jsiru fl-uffiċċji ta' medjazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali.

Il-partijiet huma ħielsa li jagħżlu jekk waqt il-proċeduri jidhrux personalment jew jekk jawtorizzawx lil xi ħadd biex jirrappreżentahom. Mhemm l-ebda rappreżentazzjoni mandatorja minn avukat. Il-partijiet mhumiex meħtieġa jattendu l-proċeduri imma jridu jressqu apoloġija għal kwalunkwe assenza fi żmien xieraq.

L-uffiċċju ta' medjazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali irid jisma' liż-żewġ partijiet. Il-proċeduri huma orali; mhemm l-ebda dispożizzjoni sabiex il-proċeduri jinżammu permezz ta' mezzi elettroniċi.

Il-proċedura hija bla ħlas.

Jekk it-tentattiv biex jinstab ftehim ifalli, il-kwistjoni tista' titressaq quddiem qorti ordinarja. Il-proċeduri ma jkollhom impatt fuq l-ebda perjodu ta' preskrizzjoni jew fuq dati ta' ħlas oħra.

Ftehim milħuq bl-għajnuna ta' l-uffiċċju ta' medjazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali jkollu l-istess effett bħala ftehim bil-qorti u għalhekk ikun eżegwibbli skond il-proċess ta' eżekuzzjoni ġudizzjarju.

F. It-tribunali ta’ arbitraġġ u ċ-ċentri ta’ konċiljazzjoni ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ l-avukati

Dawk li qed ifittxu ftehim ekstra-ġudizzjarju għal tilwim relatat ma' dritt ċivili, kummerċjali u ekonomiku u mal-liġi dwar il-kera jistgħu japplikaw għand it-tribunali ta' arbitraġġ u ċ-ċentri ta' konċiljazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet ta' l-avukati. L-użu tagħhom huwa volontarju.

FuqFuq

Kull assoċjazzjoni ta' l-avukati fl-Awstrija għandha r-regoli tagħha sabiex twettaq proċeduri ta' arbitraġġ jew ta' konċiljazzjoni, u l-proċeduri ta' arbitraġġ jew ta' konċiljazzjoni quddiem tribunal ta' arbitraġġ jew ċentru ta' konċiljazzjoni partikolari jitwettqu skond ir-regoli ta' l-assoċjazzjoni in kwistjoni. Il-proċedura ta' konċiljazzjoni mhix stabbilita bil-liġi; jekk jogħġbok ara t-taqsima A) aktar 'il fuq għad-dettalji tal-proċeduri ta' arbitraġġ.

Il-ftehimiet kuntrattwali li jeħtieġu li jsiru tentattivi sabiex jintlaħaq ftehim ekstra-ġudizzjarju għat-tilwima qabel ma titressaq quddiem qorti jorbtu fil-każ tal-proċedura ta' arbitraġġ imma mhux fil-każ tal-proċedura ta' konċiljazzjoni.

L-avukati jkunu l-konċiljaturi fi proċeduri ta' konċiljazzjoni u arbitri fi proċeduri ta' arbitraġġ li jsiru fiċ-ċentri ta' konċiljazzjoni jew fit-tribunali ta' arbitraġġ stabbiliti mill-assoċjazzjonijiet Awstrijaċi ta' l-avukati. Il-konċiljaturi u l-arbitri huma marbuta li jwettqu dmirijiethom b'mod għalkollox indipendenti u imparzjali, bl-aħjar għarfien u ħila tagħhom u skond id-dmir professjonali tagħhom bħala avukati. Huma marbuta bis-segretezza rigward dak kollu li jisimgħu meta jwettqu din il-funzjoni u li jiddikjaraw bil-miftuħ iċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza jew l-imparzjalità tagħhom fil-konfront tal-partijiet.

Filwaqt li huwa għalkollox possibbli li jkun hemm rappreżentanti legali jew konsulenti preżenti waqt il-proċess ta' konċiljazzjoni jew ta' arbitraġġ, mhemm l-ebda rekwiżiti legali biex iseħħ dan. Mhemm l-ebda dispożizzjoni għal għajnuna legali.

FuqFuq

L-ispejjeż tal-proċeduri f'ċentru ta' konċiljazzjoni u l-ħlasijiet tal-konċiljatur jiġu kalkulati skond tabella ta' ħlasijiet li tista' tinkiseb mill-assoċjazzjoni ta' l-avukati in kwistjoni. Fil-prinċipju, kull parti trid tbati l-ispejjeż tagħha (eż., il-ħlasijiet ta' konċiljazzjoni, il-ħlasijiet ta' rappreżentanza u ta' konsultazzjoni, il-ħlasijiet għat-tradutturi u għall-interpreti). Madankollu, il-partijiet jistgħu jilħqu ftehim intern bla ħlas sabiex jaqsmu l-ispejjeż.

L-ispejjeż tal-proċeduri quddiem tribunal ta' arbitraġġ u l-ħlasijiet għall-arbitru jew għal panil ta' arbitri jiġu kalkulati skond il-ħlasijiet ta' arbitraġġ. Dawn jiġu determinati skond il-valur involut fit-tilwima u kalkulati skond l-iskala ta' spejjeż marbuta mar-regoli ta' arbitraġġ imfassla mill-assoċjazzjoni ta' l-avukati in kwistjoni. Ir-rimborż ta' l-ispejjeż u ta' l-infiq jiġi determinat skond min jirbaħ il-kawża, sakemm il-ftehim ta' arbitraġġ jew klawżola ta' arbitraġġ ma jgħidx mod ieħor.

Fi proċeduri ta' konċiljazzjoni f'ċentru ta' konċiljazzjoni stabbilit minn assoċjazzjoni Awstrijaka ta' l-avukati, il-partijiet jistgħu jaqblu li l-konċiljatur jirreġistra r-riżultat tal-konċiljazzjoni. Dan il-ftehim jorbot, imma mhux eżegwibbli. Appell għal konformità għandu jsir quddiem qorti ta' l-Istat jew tribunal ta' arbitraġġ. Wara dan, tista' ssir applikazzjoni bħas-soltu għall-eżekuzzjoni.

Id-deċiżjoni ta' arbitraġġ ta' tribunal ta' arbitraġġ ta' l-avukati Awstrijaċi hija eżegwibbli ladarba jkun għadda perjodu għat-twettiq. Wara dan, tista' ssir applikazzjoni għal eżekuzzjoni bħas-soltu (ara t-taqsima A għal aktar dettalji).

Link utli

  • Informazzjoni ġenerali fuq il-ħowmpejġ Deutsch tal-Konfederazzjoni Awstrijaka ta' l-Assoċjazzjonijiet ta' l-Avukati (Servizzi/tribunal ta' arbitraġġ), li għandha wkoll links għas-siti web ta' Assoċjazzjonijiet individwali ta' l-Avukati.

« Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni - Informazzjoni Ġenerali | Awstrija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 24-10-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit