Mogħdija tan-navigazzjoni

L-uffiċjali permanenti

X'jagħmel uffiċjal permanenti?

Bil-missjoni unika tagħha u bl-ambjent tax-xogħol multikulturali tagħha, il-Kummissjoni hija differenti minn kull organizzazzjoni oħra fid-dinja. Hu x'inhu l-profil tiegħek, fil-firxa wiesgħa ta' oqsma li l-Kummissjoni topera fihom jista' jkun hemm l-impjieg addattat għalik.

L-uffiċjali tal-Kummissjoni jwettqu firxa wiesgħa ta' dmirijiet li huma maqsuma fi tliet kategoriji: amministraturi (AD), assistenti (AST) u Segretarji/skrivani (AST/SC).

Bħala amministratur tista' ssib ruħek fi rwol ewlieni fil-proċessi leġiżlattivi u baġitarji tal-UE: tikkoordina l-politiki ekonomiċi wiesgħa tal-Istati Membri, tieħu sehem f'negozjati ma' pajjiżi mhux tal-UE, tgħin fit-tmexxija tal-politika agrikola komuni, jew tiżgura li l-liġi tal-Komunità tiġi interpretata b'mod uniformi u applikata b'mod effettiv. Hu x'inhu dak li tagħmel, il-firxa wiesgħa tal-attivitajiet tal-UE tfisser li tista' tistenna livell għoli ta' responsabbiltà minn stadju bikri fil-karriera tiegħek.

Bħala assistent, jista' jkollok rwol importanti fil-ġestjoni interna tal-Kummissjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-baġit u finanzjarji, xogħol tal-persunal, kompjuters jew libreriji. Tista' wkoll tgħin fl-implimentazzjoni ta' politiki f'diversi oqsma tal-attivitajiet tal-UE.

Bħala segretarju/skrivan tista' wkoll ikollok rwol importanti fejn tkun responsabbli għal xogħol segretarjali u klerikali u tiżgura l-operat effiċjenti ta' unità amministrattiva.

Kif issir uffiċjal permanenti?

L-uffiċjali permanenti jintgħażlu permezz ta' kompetizzjonijiet miftuħa organizzati mill-Uffiċċju Ewropew tal-Għażla tal-Persunal (EPSO). L-EPSO jmexxi l-għażla tal-persunal mhux biss għall-Kummissjoni iżda wkoll għall-Istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn kollha. Il-kompetizzjonijiet miftuħa huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali u mħabbra fuq is-sit web tal-EPSO.

Il-Kompetizzjonijiet Miftuħa jinkludu testijiet u eżerċizzji ta' valutazzjoni mfassla biex ikejlu l-ħiliet professjonali tiegħek u numru ta' kompetenzi ewlenin. Ġeneralment, huma meħtieġa 5-9 xhur biex titlesta l-proċedura tal-għażla, mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni. L-iskeda tal-kompetizzjonijiet kurrenti u ppjanati kif ukoll xi kampjuni tat-testijiet huma disponibbli fuq is-sit web tal-EPSO.

Kompetizzjonijiet speċifiċi jistgħu jsiru wkoll għal pożizzjonijiet tal-maniġment tan-nofs u għal dawk tal-maniġment għoli. Sir af aktar...

Biex tirnexxi bħala kandidat fi kwalunkwe livell, trid turi abbiltà, għarfien, inizjattiva u motivazzjoni. Naturalment, sabiex tiġi kkunsidrat għall-proċess ta' għażla, l-ewwel trid tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà (kwalifiki, esperjenza professjonali, eċċ) tal-kompetizzjoni partikolari, kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

Ir-rekwiżiti jkunu dejjem ugwali għall-istandards minimi tal-eliġibbiltà għall-gruppi tal-"assistenti" u l-"amministraturi" u s-"segretarji u skrivani", li huma stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal (Artikolu 5(3) ), jew ogħla minn dawn. F'kull każ, trid tkun ċittadin ta' wieħed mill-pajjiżi tal-UE (għalkemm jistgħu jsiru eċċezzjonijiet speċifiċi għat-tħejjija għat-tkabbir tal-UE), trid tkun issodisfajt l-obbligi kollha dwar is-servizz militari, trid tkun fiżikament b'saħħtek biex twettaq id-dmirijiet tiegħek, trid tipproduċi referenzi xierqa tal-karattru, u jkollok għarfien fil-fond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra tal-UE.

Kif tapplika għal impjieg

L-applikanti li jgħaddu f'kompetizzjoni jitniżżlu f'lista ta' riżerva li minnha l-istituzzjonijiet jibdew jieħdu kandidati skont il-bżonnijiet tagħhom. Dawn il-listi jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. Ladarba jkunu fuq lista ta' riżerva, il-kandidati jistgħu jiġu reklutati għal post vakanti minn kull servizz interessat fil-Kummissjoni.

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni jħarsu lejn il-listi ta' riżerva wara li jkunu kkunsidraw il-kandidati interni meta jkunu qed ifittxu l-persuni addattati biex jimlew postijiet vakanti. Sabiex tiżgura li l-informazzjoni li tkun disponibbli tkun dejjem aġġornata, inti mistieden li tipprovdi s-CV tiegħek (u li żżommu aġġornat) permezz tal-applikazzjoni EU CV online.

Jekk qiegħed fuq il-lista ta' riżerva, tista' tintgħażel għal intervista għal impjieg ma' waħda mill-istituzzjonijiet tal-UE (il-Kummissjoni).

Tkun teħtieġ ukoll li tgħaddi minn eżami mediku mis-servizz mediku tal-Kummissjoni, qabel ma tiġi reklutat formalment.

Fl-aħħar nett, inti tirċievi offerta formali ta' impjieg mid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani li tikkonferma li inti ġejt irreklutat biex taħdem mal-Kummissjoni. Li tkun fuq lista' ta' riżerva ma jiggarantix li inti tiġi reklutat għal pożizzjoni ta' uffiċjal permanenti. Il-listi ta' riżerva għal kompetizzjonijiet ta' ġeneralisti huma validi għal sena. Għal profili oħra, huma validi għal perjodi itwal.

Il-karriera u l-benefiċċji

Il-perkors tal-karriera

Is-sistema tal-karrieri tal-Kummissjoni tikkonsisti fi skala unika tal-pagi b'16-il grad. F'din l-iskala tal-pagi, l-Assistenti (AST) jistgħu jokkupaw il-gradi 1-11, is-Segretarji/Skrivani (AST/SC) jistgħu jokkupaw il-gradi 1-6 u l-Amministraturi (AD) jistgħu jokkupaw il-gradi 5-16.

Il-kompetizzjonijiet miftuħa huma ġeneralment organizzati fi gradi speċifiċi bejn AD 5 u AD 8, AST/SC u AST 3. Bħala uffiċjal ġdid irreklutat tiġi appuntat fil-grad stabbilit fl-avviż tal-kompetizzjoni li tkun għaddejt minnha.

Kull grad għandu ħames "tarġiet ta' anzjanità": inti tavvanza b'mod awtomatiku minn dawn it-tarġiet skont l-anzjanità tiegħek fil-Kummissjoni. Titla' tarġa kull sentejn sakemm tiġi promoss għall-grad li jmiss jew sakemm tasal fl-aħħar tarġa fil-grad. L-ogħla grad (AD 16) fih biss tliet tarġiet ta' anzjanità.

Meta tiġi rreklutat għall-ewwel darba, normalment tiġi kklassifikat fl-ewwel tarġa tal-grad li fih tkun ġejt appuntat. Madankollu, l-esperjenza professjonali tiegħek titqies jekk tkun tmur lil hinn mill-perjodu minimu meħtieġ fl-avviż tal-kompetizzjoni, u dan jista' jirriżulta fi klassifikazzjoni fit-tieni tarġa tal-grad. Għal aktar dettalji, ara l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal .

Tibda fil-Kummissjoni bħala uffiċjal "bi prova". Fi tmiem dan il-perjodu ta' disa' xhur, jitħejja rapport fuq il-prestazzjoni tiegħek. Jekk ittemm il-perjodu ta' prova b'suċċess, tiġi stabbilit bħala uffiċjal. Bħall-uffiċjali l-oħra kollha, il-prestazzjoni tiegħek tkompli tiġi vvalutata regolarment matul l-eżerċizzju annwali tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni, li għandu influwenza diretta fuq il-progress tal-karriera tiegħek, inkluża l-promozzjoni għall-grad li jmiss fl-iskala tas-salarji tal-Kummissjoni.

L-uffiċjali li jingħaqdu mal-Kummissjoni fil-kategorija ta' "assistenti" jistgħu jidħlu fil-kategorija ta' "amministraturi" billi jsegwu l-"proċedura taċ-ċertifikazzjoni". Din tippermetti lil membri magħżula tal-persunal li wrew il-potenzjal li jaqdu dmirijiet ta' "amministratur" li jsegwu sett ta' moduli mandatorji tat-taħriġ u jagħmlu l-eżamijiet tal-aħħar. Jekk jgħaddu, ikunu jistgħu japplikaw għal postijiet ta' "amministratur".

Salarju u benefiċċji oħra

Hawn taħt issib sommarju tal-benefiċċji ewlenin tagħna. Għal dettalji preċiżi, tista' tikkonsulta r-Regolamenti tal-Persunal tagħna.

Salarju
Is-salarji bażiċi ta' kull xahar tal-Kummissjoni jvarjaw minn madwar EUR 2 300 fix-xahar għal uffiċjal ġdid reklutat AST/SC 1 sa madwar EUR 16 000 fix-xahar għal uffiċjal tal-ogħla livell AD 16 b'aktar minn erba' snin anzjanità.
Kull grad huwa maqsum f'ħames tarġiet ta' anzjanità b'żidiet li jikkorrispondu magħhom fis-salarju. Is-salarju bażiku jiġi aġġustat kull sena skont l-inflazzjoni u l-poter tal-akkwist fil-pajjiżi tal-UE. It-tabella sħiħa tas-salarji hija disponibbli fir-Regolamenti tal-Persunal (Artikolu 66) .

Is-salarju bażiku ta' kull xahar huwa biss il-punt tat-tluq. Biex tkun taf kemm tkun qed taqla', trid iżżid ukoll l-allowances li tista' tkun intitolat għalihom, u tnaqqas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (il-pensjoni, l-assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti) u taxxi oħra (it-taxxa fuq l-income u imposta speċjali tal-UE). Issib aktar dettalji hawn taħt.

Allowances
Jekk ħallejt pajjiżek biex tiġi u taħdem għall-Kummissjoni Ewropea, inti intitolat għal allowance tal-espatrijazzjoni ekwivalenti għal 16% tas-salarju bażiku tiegħek.

Xi allowances relatati mal-familja huma disponibbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni skont is-sitwazzjoni familjari tagħhom. Dawn jinkludu allowance għad-dar, allowance għat-tfal dipendenti, allowance għall-edukazzjoni u allowance tal-pre-school. Dawn l-allowances jistgħu jgħinu sabiex ikopru l-ispejjeż biex wieħed jieħu ħsieb il-familja waqt li jaħdem għal organizzazzjoni internazzjonali. Għal aktar informazzjoni, ara r-Regolamenti tal-Persunal (l-Artikoli 62 sa 71 u l-Anness VII ).

Pensjoni

L-uffiċjali tal-UE fis-servizz qabel l-1 ta' Jannar 2014 jiġu rtirati fl-età ta' 65 sena, l-uffiċjali tal-UE rreklutati wara l-1 ta' Jannar 2014 jiġu rtirati fl-età ta' 66 iżda huwa possibbli li jittieħed irtirar kmieni b'pensjoni mnaqqsa mill-età ta' 58 sena, jew li wieħed jaħdem sal-età ta' 67 sena jew eċċezzjonalment, sal-età ta' 70 sena.

Il-pensjonijiet jitħallsu bħala perċentwal tas-salarju bażiku finali. L-uffiċjali jakkumulaw 1.8% tad-drittijiet tal-pensjoni kull sena u huma intitolati għal pensjoni massima ta' 70% tas-salarju bażiku tagħhom. Għal aktar dettalji, ara r-Regolamenti tal-Persunal (l-Artikoli 77 sa 84 u l-Anness VIII ).

Il-membri tal-persunal jistgħu japplikaw għal trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni li diġà jkollhom minn impjieg preċedenti jew bħala persuni impjegati għal rashom. Bl-istess mod, tista' wkoll tittrasferixxi d-drittijiet tal-pensjoni li tikseb waqt li taħdem mal-Kummissjoni Ewropea lejn fond ieħor tal-pensjoni. Għal aktar dettalji, ara r-Regolamenti tal-Persunal (l-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII ).

Waqt li tkun qed taħdem, il-kontribuzzjoni tiegħek għall-iskema tal-pensjoni tikkorrispondi għal 10.1% tas-salarju bażiku tiegħek.

Assigurazzjoni tal-mard
Bħala uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, inti u l-familja tiegħek intitolati li tibbenefikaw mill-Iskema Konġunta tal-Assigurazzjoni tal-Mard tal-Komunitajiet Ewropej li tkopri l-ispejjeż mediċi b'rata ta rimborż ta' 80% għall-biċċa l-kbira tat-trattamenti (suġġett għal limiti massimi). Inti kopert ukoll minn assigurazzjoni għall-inċidenti u assigurazzjoni kontra mard okkupazzjonali.

L-Iskema Konġunta tal-Assigurazzjoni tal-Mard hija ffinanzjata permezz ta' kontribuzzjoni ta' madwar 2% tas-salarju bażiku ta' kull xahar mingħand kull uffiċjal tal-Kummissjoni.

Inti obbligat ukoll li tagħmel eżami mediku preventiv kull sena. Għal aktar dettalji, ara r-Regolamenti tal-Persunal (l-Artikoli 72 sa 76 ).

Taxxi
Bħala impjegat pubbliku Ewropew, is-salarju tiegħek mhuwiex suġġett għat-taxxa nazzjonali fuq l-introjtu. Minflok, is-salarji li jitħallsu mill-Kummissjoni lill-uffiċjali tagħha huma direttament suġġetti għal taxxa tal-Komunità li titħallas lura direttament fil-baġit tal-UE. Din it-taxxa tinġabar progressivament b'rata ta' bejn 8% u 45% tal-parti taxxabbli tas-salarju tiegħek. "Imposta tas-solidarjetà" addizzjonali ġiet stabbilita għall-perjodu bejn l-2014 u l-2023 (ara l-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal ).

Liv u assenzi
L-uffiċjali tal-Kummissjoni huma intitolati għal liv annwali ta' 24 ġurnata tax-xogħol. Minbarra dan l-intitolament, tista' tingħata wkoll liv għaż-żmien li tqatta' tivvjaġġa bejn il-pajjiż tiegħek u l-post fejn taħdem. Minbarra l-liv annwali, hemm regoli għal liv speċjali għaż-żwieġ, iċ-ċaqliq tad-dar, il-mewt ta' familjari jew mard serju, twelid, eċċ. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, tista' tapplika wkoll għal liv bla ħlas għal raġunijiet personali. Għal aktar informazzjoni, ara r-Regolamenti tal-Persunal (l-Artikoli 57 sa 61 u l-Anness V ).

Rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u personali
Jinsabu fis-seħħ bosta miżuri biex jiżguraw li l-impjieg mal-Kummissjoni jiffavorixxi ħajja sana professjonali, personali u tal-familja. Dawn il-miżuri jiffukaw fuq il-liv tal-ġenituri u dak ta' kompassjoni, infrastruttura solida għall-kura tat-tfal u l-iskola u arranġamenti tax-xogħol moderni.

Bosta minn dawn il-miżuri ġew introdotti jew imtejba meta daħlu fis-seħħ ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda f'Mejju 2004. B'mod partikolari, l-ommijiet huma intitolati għal 20 ġimgħa ta' liv tal-maternità u l-missirijiet għal għaxart ijiem ta' liv tal-paternità bis-salarju normali, filwaqt li sitt xhur ta' liv tal-ġenituri għal kull wild huwa disponibbli b'allowance bażika ta' kull xahar.

Għal aktar informazzjoni, ara r-Regolamenti tal-Persunal (l-Artikoli 57 sa 61 u l-Annessi IV bis u V ).

Il-Kummissjoni tieħu approċċ ħolistiku lejn l-aspetti kollha tal-benesseri fuq il-post tax-xogħol: hemm ukoll bosta klabbs tal-mistrieħ, l-isport u l-kultura miftuħa għall-persunal tal-Kummissjoni u l-familji tagħhom, inklużi l-atletika, iż-żfin, it-teatru, l-arti u l-iskambju tal-lingwi.

Commission civil service