Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-maniġers

X'inhu x-xogħol tal-maniġers fil-Kummissjoni?

Maniġers fil-livell nofsani

Il-Kapijiet ta' l-Unitajiet huma sinslet il-Kummissjoni Ewropea.Biex tilħaq Kap ta' Unità, minbarra l-għarfien u l-ħiliet speċjalisti u edukazzjoni ġenerali tajba, irid ikollok ukoll il-kwalitajiet neċessarji biex tmexxi grupp ta' persuni b'mod li timmotivahom u tiggwidahom filwaqt li tħeġġiġhom jiġbdu ħabel wieħed bħala tim.Tkun meħtieġ tiffissa u tirrevedi l-objettivi u l-miri tal-membri ta' l-istaff li jkollok f'idejk bla ma titbiegħed mill-pjan ta' ħidma u mill-istrateġija globali tad-Direttorat Ġenerali li tkun qed taħdem fi ħdanu.Ikun mistenni minnek ukoll li tadatta l-objettivi ta' l-Unità tiegħek, filwaqt li tissorvelja u tevalwa l-progress ta' l-Unità f'mixjietha biex tilħaqhom.Vitali wkoll huma l-ħiliet interpersonali eċċellenti u l-kapaċità li tikkomunika u tinnegozja.

Maniġers f'livelli għolja

Id-Diretturi Ġenerali, id-Deputati Diretturi Ġenerali, id-Diretturi u l-Konsulenti Prinċipali huma l-uffiċjali għolja fi ħdan il-Kummissjoni.Id-Diretturi Ġenerali huma l-uffiċjali ċivili ta' l-UE li jokkupaw l-ogħla livell u jirrapportaw direttament lill-Kummissarju responsabbli mill-qasam politiku kopert mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) tagħhom.Id-Diretturi, li jirrapportaw lid-Diretturi Ġenerali, huma responsabbli minn Direttorati sħaħ li jkunu jikkonsistu minn 3 sa 7 unitajiet (madwar 100 uffiċjal).

Kif tista' tilħaq maniġer?

Maniġers fil-livell nofsani

Il-postijiet vakanti fi ħdan il-maniġment fil-livell nofsani tal-Kummissjoni normalment jimtlew minn persuni li diġà jkunu jaħdmu bħala uffiċjali ċivili mal-Kummissjoni.Madankollu, il-Kummissjoni xi kultant taħtar applikanti esterni f'pożizzjonijiet ta' Kapijiet ta' Unitajiet, meta dan ikun xieraq. Ngħidu aħna, meta l-UE tkabbret fl-1 ta' Mejju 2004, ittellgħu xi konkorsi kompetittivi sabiex jintgħażlu kandidati esterni mill-pajjiżi l-ġodda ta' l-UE ħalli jieħdu f'idejhom pożizzjonijiet ta' Kapijiet ta' Unitajiet sabiex jiġi żgurat li dawn in-nazzjonalitajiet ikunu rappreżentati b'mod ġust fil-livell maniġerjali nofsani fi ħdan l-Istituzzjonijiet Ewropej.

Jekk tixtieq tapplika għal pożizzjoni ta' Kap ta' Unità, ikun jeħtieġlek tissodisfa r-rekwiżiti minimi għall-gradi kollha minn AD 9 sa AD 14 u jkollok il-ħiliet speċifiċi marbuta ma' l-impjieg(i) in kwistjoni.Dawn ir-rekwiżiti jvarjaw skond il-grad li fih ikun inħareġ il-konkors kompetittiv, imma jkunu jinkludu l-ħtieġa li tkun ikkwalifikat f'xi oqsma speċifiċi u li jkollok esperjenza professjonali, li normalment tkun ta' bejn 10 u 15-il sena, li turi b'mod ċar li inti mogħni bil-kapaċitajiet meħtieġa għal xi qasam partikolari tal-politika jew l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

Issib aktar dettalji dwar ir-rekwiżiti speċifiċi fl-avviż tal-konkors kompetittiv li fih jitħabbar il-konkors li jinteressak tapplika għalih, kif ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.Iċċekkja jekk hemmx xi postijiet battala bħalissa .

Maniġers f'livelli għolja

Bħal ma għedna fir-rigward tal-maniġment fil-livell nofsani, il-pożizzjonijiet battala għall-maniġers f'livell għoli ġeneralment jinħarġu għall-kandidati interni biss.Madankollu, sabiex il-Kummissjoni jkollha għażla ta' kandidati aktar wiesgħa, il-postijiet battala xi minn daqqiet jiġu ppubblikati wkoll esternament.

Bħal sħabhom fil-livell nofsani, il-maniġers f'livell għoli fi ħdan il-Kummissjoni jeħtieġilhom ikollhom livell għoli f'dawk li huma kwalifiki, esperjenza professjonali u ħiliet dimostrabbli, imma f'dal-każ tinsaħaq aktar l-esperjenza u s-senjorità fil-karriera professjonali ta' dak li jkun.
F'ċirkustanzi eċċezzjonali il-postijiet maniġerjali jistgħu jimtlew billi jiddaħħlu aġenti temporanji.Iċċekkja jekk hemmx xi postijiet battala bħalissa .

Kif tapplika għal impjieg

Kull meta xi pożizzjoni ssir battala u jiġi deċiż li tiżi ppubblikata esternament, l-informazzjoni kollha, inklużi l-formoli ta' l-applikazzjoni elettroniċi, tkun tista' tinstab fil-websajt li ġejja:

  • Postijiet tax-xogħol battala ppubblikati esternament għall-maniġers fil-livell nofsani
  • Postijiet tax-xogħol battala ppubblikati esternament għall-maniġers f'livelli għolja

Dawn l-avviżi jiġu ppubblikat wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali.

Jekk jinteressak kif jaħdem il-proċess tar-reklutaġġ u kif jintgħażlu u jinħatru l-maniġers f'livelli għolja, irreferi għal-linjigwida għall-kandidati.

Karriera u benefiċċji

Karriera

Il-Kapijiet ta' l-Unitajiet jistgħu jokkupaw il-gradi AD 9 sa AD 14 fl-istruttura tal-karrieri ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej.Id-Diretturi jistgħu jokkupaw il-gradi AD 14 u AD 15, filwaqt li d-Diretturi Ġenerali jistgħu jokkupaw il-gradi AD 15 u AD 16.

Ir-Riforma amministrattiva ta' dan l-aħħar li seħħet fil-Kummissjoni kellha impatt fuq il-karrieri maniġerjali kemm fil-livelli nofsana kif ukoll f'dawk għoljin.Il-maniġers f'livelli għoljin issa jeħtieġilhom jibdlu xogħolhom kull ħames snin (ħlief f'xi ċirkustanzi eċċezzjonali) u l-Kapijiet ta' l-Unitajiet ukoll jiġu mħeġġa jfittxu pożizzjoni differenti fi ħdan il-Kummissjoni kull ħames snin.Il-ħiliet li kull maniġer irid ikollu ġew iċċarati.Iddaħħlu wkoll evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni aħjar u regolari għall-maniġers f'kull livell.Dawn il-bidliet ifissru li issa sar possibbli li wieħed ikompli tiegħla t-taraġ tal-karriera anke jekk ikun diġà laħaq maniġer fil-livell nofsani jew f'livell għoli, peress li l-promozzjonijiet sabiex jilħaq saħansitra Direttur jew Direttur Ġenerali mhumiex esklużi.

Is-salarju

Il-maniġers fil-livell nofsani (gradi AD 9 sa AD 14) jaqilgħu salarju bażiku li jvarja bejn € 6,200 u € 13,200 skond il-grad u l-istadju ta' senjorità tagħhom, filwaqt li l-maniġers f'livell għoli (AD 14 sa ADD 16) idaħħlu bejn wieħed u ieħor bejn € 11,500 u € 14,800 fix-xahar.Għal aktar dettalji, agħti titwila lit-tabella tas-salarji fl-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal pdf - 15 KB [15 KB] English (en) .

Is-salarji bażiċi jiġu aġġustati kull sena skond l-inflazzjoni u l-valur prattiku tal-flus fil-pajjiżi ta' l-UE.Is-salarji u l-benefiċċji l-oħra li jieħdu l-maniġers isegwu l-istess regoli bħal dawn ta' l-uffiċjali ċivili Ewropej l-oħra.Għal aktar informazzjoni, irreferi għat-taqsima dwar l-Uffiċjali Permanenti.

Commission civil service