Mogħdija tan-navigazzjoni

Stqarrija ta' privatezza speċifika dwar is-CV onlajn ta' l-UE

Għaliex niġbruha d-data?

Is-CV onlajn ta' l-UE jippermettilek tgħaddilna dettalji bażiċi dwar il-karriera professjonali tiegħek fil-format tas-CV elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea u huwa strument sabiex tapplika elettronikament għal ċerti impjiegi jew sabiex tirrispondi għal sejħiet ta' espressjoni ta' interess ippubblikati f'dan il-portal dwar ir-riżorsi umani.Is-sistema tar-reġistrazzjoni magħrufa bħala e-CV tagħmilha aktar faċli għalik li tfittex għall-postijiet tax-xogħol battala li jkunu jaqblu mal-profil tiegħek u tgħin lid-dipartimenti li jirreklutaw il-persunal jidentifikaw il-kandidati adatti għall-postijiet tax-xogħol li jkunu jixtiequ jimlew.

Is-sistema tippermettilek li:

  • toħloq, teditja, timmodifika u tħassar is-CV elettroniku Ewropew tiegħek;
  • tfittex postijiet tax-xogħol battala li jaqblu mal-profil personali tiegħek;
  • tamministra d-drittijiet ta' aċċess għas-CV elettroniku tiegħek mill-Istitituzzjonijiet;
  • tapplika elettronikament għal postijiet tax-xogħol battala li jiġu rreklamati f'dan il-portal;
  • tamministra l-applikazzjonijiet tiegħek u żżomm kont ta' liema stadju jinsabu fih.

 

X'tip ta' data personali niġbru?

Id-data li niġbru hija dik inkluża fis-CV standard Ewropew EUROPASS.Din hija konnessa ma' l-identità tiegħek, l-impjieg attwali u dawk li kellek fil-passat, l-edukazzjoni, l-esperjenza, l-għarfien, il-ħiliet, it-talenti u l-kapaċitajiet lingwistiċi tiegħek.

X'mezzi tekniċi nutilizzaw biex nipproċessaw id-data?

Id-data kollha tinħażen fuq database li jokkupa server ċentrali bi drittijiet ta' aċċess individwali permezz ta' browser.Jistgħu jiġu pprogrammati tfittxijiet anonimi permezz ta' applikazzjoni li tqabbel il-profili mar-rekwiżiti għal kull impjieg speċifiku fi ħdan l-Istituzzjonijiet.
Kull aċċess għad-data tiegħek, sew biex jinħolqu, jiġu kkonsultati nkella jiġu aġġornati l-entraturi, iseħħ permezz ta' protokoll ta' l-Internet sikur (SSL/https).

Min għandu aċċess għall-informazzjoni fis-CV elettroniku?

Jekk min-naħa tiegħek tippermetti l-aċċess għas-CV elettroniku tiegħek, il-kategoriji li ġejjin, awtomatikament, ikollhom aċċess għad-data dwarek:

  • il-membri ta' l-istaff li jamministraw ir-riżorsi umani;
  • il-maniġers;
  • staff ieħor fi ħdan l-Istituzzjoni ddelegat speċifikament minn xi ħadd fost wieħed mill-gruppi msemmija hawn fuq.

Dawn ikollhom l-opportunità jfittxu u jikkonsultaw mal-profil tiegħek bla ebda possibilità li jibdluh.

Jekk ma' tippermetti l-aċċess għas-CV elettroniku tiegħek lill-ebda Istituzzjoni, ħadd ħliefek ma jkun jista' jarah.Ma tkun ikkuntattjat dwar l-ebda post tax-xogħol battal, sakemm ma tesprimix formalment l-interess tiegħek permezz ta' applikazzjoni elettronika bi tweġiba għal xi avviż ta' post vakanti jew sejħa għal espressjoni ta' interess.

Sew jekk tippermetti l-aċċess lill-Istituzzjonijiet inkella le, id-data fil-profil tiegħek dejjem tiġi pproċessata meta jsiru t-tiftixiet anonimi, imma r-riżultati ta' dan ikunu jikkonsistu biss f'analiżi statistika tal-profili preżenti fis-sistema.Id-data personali tiegħek ma tiġix żvelata permezz ta' tfittxijiet ta' dan it-tip, u ħadd ma jkun jista' jidentifikak bħala parti mis-sors tat-tagħrif statisiku li jinġabar.L-applikazzjonijiet statistiċi ta' dan it-tip jgħinu lill-Istituzzjonijiet ta' l-UE jevalwaw u jtejbu l-istrateġiji tagħhom biex isibu l-istaff li jkunu jeħtieġu.It-tfittxijiet anonimi msejsa fuq xi kriterji mis-CV tiegħek huma neċessarji sabiex nipprovdulek selezzjoni ta' avviżi ta' postijiet tax-xogħol battala li jafu jkunu relevanti għalik.

Inti l-unika persuna li għandha d-dritt tidħol fis-CV elettroniku tiegħek, u tamenda d-data tiegħek, filwaqt li tiddefinixxi min għandu aċċess għaliha.

Kemm indumu nżommuha d-data dwarek?

Id-data tinżamm attiva għal 6 (sitt) xhur – jew anqas, jekk int minn jeddek tħassar is-CV tiegħek qabel dan.Wara dak il-perjodu, tkun tista' tiddeċiedu jekk tridx tattivaha mill-ġdid, jekk tkun tixtieq li l-profil tiegħek jibqa' fis-sistema.Wara 12-il xahar ta' inattività, id-data titneħħa kompletament mid-database.Dment li jkun inattiv, il-profil tiegħek ma jkun jista' jikkonsultah ħadd, u l-anqas jidħol fit-tfittxijiet anonimi. Ikun biss aċċessibbli għalik sabiex, jekk tkun trid, tattivah mill-ġdid.

Min għandu aċċess għall-applikazzjoni tiegħek fir-rigward ta' xi post tax-xogħol battal speċifiku jew sejħa għal espressjoni ta' interess?

L-applikazzjoni tiegħek tiġi indirizzata speċifikament lill-Istituzzjoni li tkun trid tirrekluta.Il-persuni jew il-kategoriji li jkollhom aċċess għall-applikazzjoni tiegħek jiġu ddikjarati fl-avviż speċifiku li jirreklama l-post tax-xogħol battal jew is-sejħa għal espressjoni ta' interess.Ġeneralment, dawn ikunu l-membri ta' l-istaff responsabbli mir-riżorsi umani ta' l-Istituzzjoni li tkun tixtieq tirrekluta, il-maniġer(s) tad-dipartiment in kwistjoni u l-persuni li jkunu ddelegawlhom speċifikament id-drittijiet ta' aċċess għal dan il-fajl għall-amministrazzjoni jew għall-parteċipazzjoni fil-proċess selettiv.Ħadd iktar ma jiġi informat dwar il-fatt li tkun applikajt, u ħadd iktar ma jkollu aċċess għall-fajl ta' l-applikazzjoni tiegħek.

Min-naħa tiegħek tkun tista' taċċessa, taġġorna u temenda l-applikazzjoni tiegħek sakemm jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet.Minn dak in-nhar 'il hinn, tkun tista' taċċessa l-applikazzjoni tiegħek bla ma tkun tista' temendaha aktar.Tinżamm infurmat dwar il-progress tal-proċess selettiv permezz ta' l-istrument għall-amministrazzjoni ta' l-applikazzjonijiet.Il-komunikazzjonijiet formali kollha li jkollok ma' l-entità li tkun qed tirrekluta jingħaddew permezz tas-sistema tas-CV onlajn ta' l-UE.

Kemm indumu nżommuha d-data ta' l-applikazzjoni tiegħek?

Għal raġunijiet ta' konsultazzjoni u analiżi, l-applikazzjonijiet jinżammu fis-sistema għal 12-il xahar wara l-ħatra tar-rekluti magħżula.Wara dan il-perjodu, jitħassru mid-database fejn, għal raġunijiet statistiċi, jinżamm biss sommarju purament anonimu ta' l-applikazzjonijiet.Ma jinżammu l-ebda kopji ta' l-applikazzjonijiet individwali.

Min-naħa tiegħek, ikollok aċċess għall-applikazzjonijiet ta' l-imgħoddi dment li dawn jinżammu fid-database.

X'miżuri taż sigurtà jeżistu kontra l-użu ħażin jew l-aċċess mhux awtorizzat?

Is-sistema ta' informazzjoni hija protetta kontra l-użu mhux awtorizzat.L-aċċess huwa riżervat għar-reċipjenti awtorizzati identifikati biss, li joffru protezzjoni permezz ta' login u password, fuq konnessjoni sikura ta' l-internet jew intranet.Il-users fi ħdan l-Istituzzjonijeit jingħataw id-drittijiet ta' l-aċċess skond il-ħtieġijiet ta' xogħolhom u jkunu jistgħu jaraw biss id-data relevanti għal għanijiet ħidmiethom.Il-Kontrollur Ġenerali responsabbli mid-data fis-CV elettroniku huwa d-Direttur għall-Persunal u l-Karrieri fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea.Il-kontrolloturi responsabbli mid-data li tkun disponibbli għal xi proċedura selettiva speċifika jkunu l-persuni indikati għall-proċedura selettiva relevanti.

Lil min għandek tikkuntattja?

Dawn li ġejjin tista' tikkuntattjahom dwar kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data personali:

Għandek id-dritt li, kull meta jidhirlek li huwa f'waqtu, ikollok rikors quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, edps@edps.europa.eu

Commission civil service