Mogħdija tan-navigazzjoni

Nieħdu ħsieb l-ambjent

EMAS: nipprattikaw dak li nippriedkaw

Mill-1993 'il hawn, il-kumpaniji Ewropej saru jistgħu jevalwaw, jirrapportaw u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom permezz ta' l-EMAS, l-Iskema ta' Verifika ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-Amministrazzjoni Ekoloġika.Fl-2001, l-iskema ġiet estiża sabiex tkopri bl-istess mod kemm l-organizzazzjonijiet pubbliċi kif ukoll dawk privati, u l-Kummisssjoni ħadet id-deċiżjoni politika li tipprattika hi stess dak li tippriedka billi tapplika r-Regolament EMAS anke fl-attivitajiet tagħha.

Fl-2005, erba' Direttorati Ġenerali u servizzi tal-Kummissjoni kisbu ċ-ċertifikazzjoni EMAS billi taw laqta aktar ambjentali lill-attivitajiet ta' kuljum tagħhom.Dawn qed iwittu t-triq biex jiġu segwiti minn servizzi oħrajn dalwaqt.

Permezz taċ-ċertifikazzjoni EMAS, il-Kummissjoni issa ngħaqdet ma' numru dejjem jikber ta' awtoritajiet pubbliċi Ewropej fl-isforzi tagħhom biex ikollna amministrazzjoni ambjentali aħjar tar-riżorsi u l-proċessi, skond il-prinċipji tas-sostenibbiltà u l-iżvilupp sostenibbli.

Għal aktar tagħrif...

Il-mobbiltà u t-trasport

Il-bini tal-Kummissjoni jinsab f'għadd ta' siti differenti.Fi Brussell biss, hemm aktar minn 50 binja. Dan ifisser li l-istaff tal-Kummissjoni spiss ikollhom jivvjaġġaw minn bini tal-Kummissjoni għal ieħor waqt il-jiem tal-ħidma tagħhom biex jattendu laqgħat u affarijiet oħra. Il-Kummissjoni tipprovdilhom kważi 200 rota għad-dispożizzjoni tagħhom, biex il-membri ta' l-istaff ikunu jistgħu jivvjaġġaw madwar Brussell u l-Lussemburgu b'mod li ma jħassarx l-ambjent u fl-istess ħin il-vjaġġ iservilhom ta' eżerċizzju fiżiku li tgawdi minnu saħħithom.Fl-2004 biss, dawn ir-roti ntużaw biex saru ma' l-10,000 vjaġġ.

Il-Kummissjoni għamlet ukoll arranġamenti speċjali mal-kumpaniji tat-trasport pubbliku ta' Brussell (STIB/MIVB) sabiex l-istaff tagħha jkun jista' juża tliet rotot speċjali tal-karozzi tal-linja b'xejn jew bl-irħis meta jivvjaġġa bejn il-bini tal-Kummissjoni u bejn iċ-ċentru ta' Brussell u l-ajruport. Arranġament simili jeżisti wkoll fil-Belt tal-Lussemburgu għat-trasport bejn il-bini differenti tal-Kummissjoni.Dan kollu jgħin biex l-uffiċjali jevitaw li jagħmlu vjaġġi bla bżonn bil-karozza.

Sib aktar tagħrif dwar il-pjan ta' mobbiltà għall-istaff tal-Kummissjoni fi Brussell .

Il-bini tal-Kummissjoni

Il-bini ikona tal-Kummissjoni magħruf bħala l-Berlaymont, li nfetaħ mill-ġdid f'Novembru 2004, huwa mgħammar b'diversi aspetti ambjentali avangardisti.Dawn jinludu sistema ta' rkuprar ta' l-ilma li tiġbor l-ilma tax-xita u tużah biex issaqqi l-pjanti u fis-sistemi sanitarji.Huwa mgħammar ukoll b'sistema kombinata tat-tisħin u l-elettriku li taħdem bil-gass u karatteristiċi oħra bħal sensors tad-dawl senstittivi għall-movimenti f'kull uffiċċju, li jgħinu biex tiġi kkonservata l-enerġija billi jiżguraw li d-dawl jintefa' awtomatikament meta l-kamra ma jkun hemm ħadd fiha.

Mill-2004 'il hawn, ir-regoli interni tagħna konnessi mal-bini jiżguraw li l-bini eżistenti tagħna jkun kemm jista' jkun konformi ma' standards ambjentali għoljin fil-limiti tal-manteniment kontinwu tiegħu, u li l-bini l-ġdid li nixtru jkun ukoll kompatibbli ma' rekwiżiti ambjentali stretti.

Naħdmu mal-ġirien tagħna

Aħna ngħixu u naħdmu bħala membri ta' komunità usa'.Biex insemmu mqar eżempju wieħed:il-Kummissjoni qiegħda taħdem bi sħab mal-Gvern Federali Belġjan u dak reġjonali ta' Brussell biex jiġi riġernerat il-“Quartier Schuman” fi Brussell. Billi ninkorraġġixxu taħlita ideali ta' bini kummerċjali, residenzjali u amministrattiv, il-Kwartier Ewropew jista' jerġa' jsir mill-ġdid post vijabbli, sostenibbli u vibranti fejn wieħed jgħix u jaħdem.

Bħal kull organizzazzjoni fir-reġjun ta' Brussell li tħaddem magħha aktar minn 200 persuna, fassalna pjan ta' mobbiltà ambizzjuż sabiex inħeġġu lill-istaff tal-Kummissjoni jnaqqas l-użu tal-karozzi u juża t-trasport pubbliku u r-rota nkella jimxi biex imur ix-xogħol.

Nikkonservaw ir-riżorsi naturali

Tul dawn l-aħħar erba' snin, il-Kummissjoni naqqset il-paġni li tistampa kull sena b'aktar min-nofs.Billi naqqasna drastikament l-istampar bla bżonn tad-dokumenti uffiċjali, l-istampar naqas minn 220 miljun paġna fl-2000 għal 37 miljun fl-2003.Kull sena niffrankaw madwar 36 miljun paġna billi ma bqajniex nistampaw l-avviżi dwar il-postijiet tax-xogħol battala interni, 50 miljun paġna billi nqassmu l-avviżi informattivi interni b'mod aktar preċiż fost il-persuni li verament jeħtiġuhom u 100 paġna oħra fis-sena billi ma bqajniex nistampaw id-direttorju telefoniku intern.

Sa mill-2003, il-kafeteriji u r-ristoranti tagħna biegħu firxa ta' prodotti li jirrispettaw il-filosofiji ta' l-iżvilupp sostenibbli u l-kummerċ ġust. Kull bini tal-Kummissjoni għandu laned taż-żibel għar-riċiklaġġ tal-fliexkien u kontenituri oħra tal-plastik u tal-metall.

Il-Kummissjoni tirriċikla l-iskart elettroniku kollu li tipproduċi.Fil-Belġju, il-kompjuters qodma jingħataw lill-organizzazzjoni tal-karità Belġjana Oxfam Solidarité.Fl-2002, 12,000 kompjuter ġie "irriċiklat" b'dan il-metodu.

Commission civil service