Mogħdija tan-navigazzjoni

Etika u mġiba

X'tip ta' mġiba għandek tippretendi mill-istaff tal-Kummissjoni?

B'mod ġenerali, huwa mistenni minna li f'kull waqt ta' ħidmietna naġixxu b'mod oġġettiv u imparzjali fl-interess Komunitarju u għall-ġid komuni.Fil-prattika, naħdmu f'qafas regolatorju li jirregolalna l-ħajja professjonali tagħna.Dawn ir-regoli jikkonsistu fil-biċċa l-kbira tagħhom fi standards ta' mġiba kif jitlob is-sens komun, u li huma mistennija mill-uffiċjali ċivili peress li l-indipendenza u s-sens ta' responsabbiltà pubblika tagħhom huma fundamentali fit-twettiq kif suppost ta' ħidmiethom.Ir-regoli li qed nitkellmu dwarhom jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal (l-Artikoli 11 sa 26bis), li jagħtu dettalji dwar ir-regoli implimentattivi, u l-kodiċi speċifika ta' mġiba.

Ir-relazzjonijiet mal-pubbliku

Il-ftuħ u t-trasparenza huma l-mottos li jiggwidawlna r-relazzjonijiet tagħna mal-pubbliku.Għal ħarsa ġenerali ta' l-inizjattivi li ttieħdu f'dan il-qasam tista' taqra it-taqsima dwar it-trasparenza.
Fit-twettiq ta' ħidmietna jeħtiġilna nirrispettaw il-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba, kif ġiet stabbilita f'Ottubru 2000.Din il-kodiċi tirregola b'mod speċifiku l-mod kif nittrattaw il-kuntatti mal-pubbliku u għandha l-għan li tiżgura li jkun hemm servizz pubbliku ta' kwalità għolja.Ir-regoli jinkludu kundizzjoni li l-korrespondenza tal-pubbliku jeħtieġ li titwieġeb fi żmien massimu ta' 15-il jum tax-xogħol.It-tweġiba tagħna tkun bil-lingwa ta' min ikun kitbilna, jekk din tkun waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-UE.

Konflitti ta' interessi u attivitajiet esterni

Ma nistgħux naċċettaw favuri jew rigali minn terzi partijiet qabel ma nkunu tlabna permess biex nagħmlu dan.M'għandniex ikollna xi interess f'kwalunkwe negozju jew organizzazzjoni li għandha xi konnessjoni ma' l-Istituzzjonijiet ta' l-UE, jekk dan jaf jikkompromettilna l-indipendenza tagħna.Kwalunkwe attività barra minn ħidmietna ma' l-UE għandha qabel xejn tiġi approvata. Jeħtiġilna wkoll ninfurmaw lil min jimpjegana dwar jekk il-konjugi tagħna t/jaħdimx u jekk iva, x't/jagħmel.Aħna mitlubin ukoll li ninfurmaw lil min jimpjegana jekk, fit-twettiq ta' ħidmietna, nintalbu niddeċiedu dwar xi kwistjoni li fiha ninzertaw ikollna interess personali li jaf itellfilna s-sens ta' imparzjalità tagħna.

Uffiċjal għandu d-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni, bir-rispett dovut għall-prinċipji tal-lealtà u l-imparzjalità.Jekk ikollna l-ħsieb li nippubblikaw xi ħaġa li titratta ħidmet l-Istituzzjonijiet, inkunu obbligati li ninfurmaw lis-superjur tagħna minn qabel.  Fl-istess waqt, m'għandniex xi ngħidu, huwa ovvju li ma nistgħux nikxfu tagħrif li jkun ristrett u nibbenefikaw mill-immunità fil-proċeduri ġuridiċi li jolqtu lil ħidmietna ma' l-Istituzzjonijiet.Naturalment, meta niġu għall-proċeduri fil-qrati nazzjonali (ċivili jew krinimali) in konnessjoni mal-ħajja privata tagħna, inkunu suġġetti għall-istess regoli li japplikaw għal kull ċittadin ieħor ta' l-UE.

L-anqas il-Kummissarji m'huma 'l fuq minn dawn il-prinċipji:huma mitluba jiddikjaraw l-interessi tagħhom jeħtiġilhom jaġixxu skond l-obbligi ta' kodiċi ta' mġiba speċjali għall-Kummissarji.

Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-persunal

Ir-Regolamenti tal-Persunal jistipulaw li jekk il-Komunitajiet Ewropej isofru xi danni minħabba xi nuqqas serju konness mat-twettieq ta' dmirijietna, aħna bħala membri ta' l-istaff ikollna inpattu għalih b'mod sħiħ jew parzjali skond il-każ.Għalhekk, tista' tiġi invokata r-responsabbiltà finanzjarja kull meta xi membru ta' l-istaff jikser xi obbligu legali, jikkawża ħsara finanzjarja jew jinstab ħati ta' mġiba ħażina apposta jew negliġenza ċara.M'għandniex xi ngħidu li qabel ma tittieħed kwalunkwe deċijoni jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-każ.

Salvagwardji: niżguraw li jkun hemm standards professjonali għoljin

X'sistemi jeżistu jekk xi ħadd jonqos milli jimxi skond dawn l-istandards?

  • Inkjesti amministrattivi u proċeduri dixxiplinarji

    Is-sistema dixxiplinarja tapplika għal kull meta xi ħadd jonqos milli jikkonforma ruħu ma' l-obbligi stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal, sew jekk dan ikun seħħ apposta jew minħabba traskuraġni.L-Uffiċċju tal-Kummissjoni inkarigat mill-Investigazzjonijiet u d-Dixxiplina (IDOC) imexxi l-inkjesti amministrattivi b'mod imparzjali u jħejji l-proċeduri dixxiplinarji.L-IDOC jitratta l-materji kollha li ma jaqgħux taħt il-mandat, jew li mhumiex diġà qed jiġu investigati, mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).Fl-aħħar mill-aħħar, l-inkjesti amministrattivi jafu jwasslu għat-tnedija ta' proċeduri dixxiplinarji.Dawn, min-naħa tagħhom, jistgħu jwasslu għal għadd ta' penali finanzjarji jew ta' natura oħra proporzjonali għall-imġiba ħażina kkonċernata.  Il-penali finanzjarji jistgħu jinvolvu l-posponiment fil-promozzjoni għal grad ta' salarju ogħla, it-tneħħija mill-pożizzjoni attwali, jew it-tnaqqis ta' pensjoni.

  • Ir-rappurtar ta' mġiba ħażina fost il-kollegi (whistleblowing)

    Skond ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, għandna l-obbligu li nirrapportaw kull każ ta' frodi jew korruzzjoni possibbli għad-detriment ta' l-interessi Komunitarji li nkunu nafu bih, jew kull nuqqas serju ta' konformità ma' l-obbligi professjonali, sew lill-Kummissjoni nfisha inkella direttament lill-OLAF.Nistgħu wkoll nirrapportaw il-kwistjoni barra l-Kummissjoni, lill-Istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn, dejjem jekk dan nagħmluh b'intenzjonijiet tajba u filwaqt li nippermettu żmien raġonevoli lill-OLAF ħalli jirreaġixxi dwar il-każ.

  • Inkompetenza professjonali

    Kull sena l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta' kull membru ta' l-istaff tagħha sabiex teżamina l-kisbiet, il-ħiliet u l-imġiba tiegħu.Jekk membru ta' l-istaff isibha bi tqila li jissodisfa l-istandards rikjesti, dan ikun mistenni li jsegwi programm rimedjarju ta' taħriġ attiv u ħidma sorveljata, li jkun jinkludi miri partikolari li jridu jintlaħqu fi żmien stipulat.Fl-agħar każijiet, meta in-nuqqas ta' ħila u prestazzjoni jibqa' hemm, anke wara li kull sforz biex tittejjeb is-sitwazzjoni ma jwassal imkien, jista' jinbeda l-proċess skond l-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal biex il-persuna in kwistjoni titkeċċa jew jitnaqqsilha l-grad tagħha.

 

Commission civil service