Navigation path

Paġna Ewlenija Kuntatt Mappa tas-sit

Dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini

Sib inizjattiva

Niedi inizjattiva

  • RSS
dikjarazzjoni speċifika ta' privatezza

dikjarazzjoni speċifika ta' privatezza

Websajt / Reġistru tal-inizjattiva taċ-ċittadini

Din id-dikjarazzjoni ta' privatezza tispjega kif il-Websajt / ir-Reġistru tal-inizjattiva taċ-ċittadini jużaw l-informazzjoni tiegħek, u l-mod kif nipproteġu l-privatezza tiegħek.

1. Obbjettiv/għan tal-operazzjonijiet ta' pproċessar

L-għan u l-obbjettiv tal-websajt / tar-reġistru tal-inizjattivi taċ-ċittadini hu li l-organizzaturi jkollhom aċċess għal sistema biex jirreġistraw l-inizjattivi proposti tagħhom u biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-istrument permezz ta' websajt pubbliku li jiġbor l-informazzjoni dwar l-inizjtattivi rreġistrati kollha tal-passat u dawk li għaddejjin.
Il-websajt / ir-reġistru jitmexxa mill-unità C.4 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni.
Il-kontrollur tad-dejta personali hu l-Kap tal-Unità SG.C.4, is-Sinjura Carmen Preising.

Peress li dan is-servizz onlajn jiġbor u jipproċessa d-dejta personali, japplika r-Regolament (KE) 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-entitatjiet tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta.

2. Qafas legali: dan hu pprovdut mir-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

It-Trattat ta' Lisbona introduċa l-inizjattiva taċ-ċittadini fejn "Ċittadini tal-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta' għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati" (Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Skont l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Regolament li jiddefinixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet rikjesti għal inizjattiva taċ-ċittadini simili.

Dan ir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini adottat fis-16 ta' Frar 2011 jipprovdi li l-inizjattivi taċ-ċittadini proposti jkunu rreġistrati u jsiru pubbliċi mill-Kummissjoni.

3. X’informazzjoni ta’ natura personali niġbru u b’liema mezzi tekniċi?

L-ipproċessar ta' għadd ta' dejta personali hi rikjesta biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini.

Dejta ta' identifikazzjoni

Id-dejta personali miġbura u pproċessata hija dejta neċessarja għar-reġistrazzjoni ta' proposta tal-inizjattiva taċ-ċittadini: l-ismijiet sħaħ, l-indirizzi, id-dati tat-twelid u n-nazzjonalitajiet tas-seba' membri tal-kumitat taċ-ċittadini li jorganizza l-inizjattiva proposta, kif ukoll l-indirizzi tal-email u n-numri tat-telefown ta' żewġ persuni ta' kuntatt fosthom. Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament, l-organizzaturi huma meħtieġa jipprovdu wkoll dokument(i) adegwat(i) li juri/u l-informazzjoni provduta.

Dejta dwar is-sorsi ta' appoġġ u finanzjament

Ir-Regolament dwar l-inizjativa taċ-ċittadini jipprovdi wkoll li l-organizzaturi għandhom jindikaw kwalunkwe sorsi ta' appoġġ u finanzjament għall-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li pprovdew iktar minn 500 ewro kull sena u għal kull sponser. Għalhekk, jeħtieġ tinġabar id-dejta dwar l-organizzaturi u l-individwi li ffinanzjaw l-inizjattiva, inklużi l-ammonti kkonċernati u d-dati meta ntbagħtu u nbdew il-kontribuzzjonijiet.

Informazzjoni teknika

Id-dejta personali tinġabar permezz ta' interface ibbażat fuq il-web. L-interface jikkonforma mad-deċiżjonijiet dwar is-sigurtà tal-Kummissjoni u mad-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-Direttorat tas-Sigurtà.
Is-server tal-applikazzjoni jissejvja biss l-indirizz IP minn fejn tiġi r-rikjesta. Ma ssir ebda rabta bejn l-utent u l-indirizz IP u ma tinġabar ebda informazzjoni dwar fejn jinsabu ġeografikament l-utenti.

4. Min għandu aċċess għall-informazzjoni tiegħek u lil min tingħata?

Skont ir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, meta r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta tiġi kkonfermata, l-ismijiet tal-organizzaturi u l-indirizzi tal-email taż-żewġ persuni ta' kuntatt biss ikunu aċċessibbli fil-websajt pubbliku kif ukoll l-informazzjoni dwar l-appoġġ u l-finanzjament. Dejta personali oħra tkun aċċessibbli biss għas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni. Ma tingħatax lil partijiet terzi.

Meta r-reġistrazzjoni tal-inizzjattiva pproposta tiġi miċħuda, l-ittri ta' ċaħda jiġu disponibbli fuq il-websajt pubbliku. Ir-rappreżentant u s-sostitut tal-kumitat taċ-ċittadini jiġu mitluba minn qabel jekk f'dawn il-każijiet jaċċetawx il-pubblikazzjoni ta' isimhom u l-indirizzi tagħhom bħala parti mill-ittra tar-rifjut. Jekk ma jaqblux li tidher id-dejta personali tagħhom, din id-dejta titħassar mill-ittri disponibbli fuq il-websajt

5. Kif inħarsu u nissalvagwardjaw l-informazzjoni tiegħek?

Id-dejta tiegħek tinżamm f'bażi tad-dejta sigura u protetta miġbura miċ-Ċentru tad-Dejta tal-Kummissjoni Ewropea, li t-tħaddim tiegħu josserva d-deċiżjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà tal-Kummissjoni stabbiliti mid-Direttorat tas-Sigurtà għal din ix-xorta ta' servers u servizzi. Il-bażi tad-dejta mhix aċċessibbli minn barra l-Kummissjoni.
Fil-Kummissjoni l-bażi tad-dejta tista’ tkun aċċessibbli bl-użu ta' UserId/Password.
Id-dejta pubblika tiġi trażmessa b'mod sigur permezz tan-netwerk (permezz ta' Secure Sockets Layers (SSL)) lis-server tal-web tal-Kummissjoni Ewropea.

6. Kif tista’ tivverifika, timmodifika jew tħassar l-informazzjoni tiegħek?

Tista' toġġezzjona għall-pubblikazzjoni tad-dejta personali tiegħek minħabba raġunijiet leġittimi serji relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħek, jista' jkollok aċċess għaliha u tista' tbiddilha fi kwalunkwe ħin. Tista' titlob li titneħħa mir-reġistru onlajn tal-Kummissjoni wara l-iskadenza tal-perjodu ta' sentejn mid-data tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta tiegħek.
Biex tagħmel dan, tista' tuża l-formola ta' kuntatt li ssibha fil-kont tal-organizzatur tiegħek.
Barra dan, niġbdulek l-attenzjoni li inizjattiva rreġistrata ma tistax tiġi rtirata mill-websajt pubbliku. Tista' titlob li tiġi rtirata iżda għal raġunijiet ta' trasparenza tibqa tidher f'taqsima speċifika tal-websajt.

7. Għal kemm żmien inżommu d-dejta tiegħek?

Għal raġunijiet ta' trasparenza, id-dejta kollha dwarek, inkluża d-dejta marbuta mal-inizjattivi proposti li ma jkunux għadhom irreġistrati, tinżamm f'parti mhux pubblika tal-bażi tad-dejta għal 5 snin wara l-aħħar azzjoni fil-kont tal-organizzatur. Dejta oħra minbarra dik ippubblikata fuq il-websajt titħassar wara dawn il-5 snin. Id-dejta ppubblikata ma titħassarx u tinżamm fuq il-websajt għal raġunijiet ta' trasparenza u ta' arkivjar.

8. Informazzjoni ta' kuntatt

F'każ ta' mistoqsijiet relatati mar-Reġistru jew kwalunkwe informazzjoni pproċessata oħra fil-kuntest ta' dan is-servizz, ikkuntattja t-tim ta' appoġġ, billi tuża din l-informazzjoni ta' kuntatt:

Il-Kummissjoni Ewropea
Segretarjat Ġenerali
Direttorat C “Regolamentazzjoni Intelliġenti u Programm ta’ Ħidma”
Unità C.4 "Programm ta' Xogħol u Konsultazzjoni tal-Partijiet Interessati"
B - 1049 Brussell
Tel. +32 2 29 86 983
Faks. +32 2 29 85 871
Email: sg-unite-c4@ec.europa.eu

9. Rikors

Ilmenti, f’każ ta’ konflitt, jistgħu jintbagħtu lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

10. Informazzjoni oħra

Din id-dikjarazzjoni dwar il-privatezza hi kkompletata bid-dikjarazzjonijiet dwar il-privatezza tar-Regolament (UE) Nru 211/2011:

Nota f'qiegħ il-paġna tal-Annessi II u VII tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini:
Dikjarazzjoni dwar il-privatezza: f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, is-suġġetti tad-dejta huma informati li din id-dejta personali qed tinġabar mill-Kummissjoni għall-iskop tal-proċedura fir-rigward tal-inizjattiva taċ-ċittadini. L-ismijiet sħaħ tal-organizzaturi, l-indirizzi tal-email tal-persuni ta' kuntatt u l-informazzjoni relatati mas-sorsi tal-appoġġ u l-finanzjament biss isiru disponibbli għall-pubbliku fuq ir-reġistru onlajn tal-Kummissjoni. Is-suġġetti tad-data huma intitolati joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni tad-data personali tagħhom għal raġunijiet leġittimi aċċettabbli relatati mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, u jitolbu r-rettifika ta’ dik id-data f’kull waqt u t-tneħħija tagħha mir-reġistru online tal-Kummissjoni wara l-iskadenza ta’ sentejn mid-data tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.