Għodod tal-aċċessibilità
Service tools
Language selector
Navigation path
| It-thejjija u l-istabbiliment ta' kumitat taċ-ċittadini | |
| Ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta | |
| Mass. 2 xhur | |
| Iċ-ċertifikazzjoni tas-sistema ta' ġbir onlajn tiegħek | |
| Mass. xahar | |
| Il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ f'forma stampata u / jew onlajn | |
| Mass. 12 xhur | |
| Il-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ | |
| Mass. 3 xhur | |
| Is-sottomissjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni | |
| Eżami, smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew u tweġiba mill-Kummissjoni. | |
| Mass. 3 xhur | |
| Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ssegwi l-inizjattiva tagħkom -> jibda l-proċess leġiżlattiv | |
Hekk kif tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta, l-organizzaturi jistgħu jibdew jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miċ-ċittadini. Għandhom 12-il xahar biex jiġbru l-għadd rikjest ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ (miljun firma inkluż għadd minimu f'tal-anqas 7 stati membri - ara L-għadd minimu ta' firmatarji għal kull stat membru hawn taħt).
Matul il-proċedura kollha, l-organizzaturi għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta. Dan ifisser b'mod partikolari li qabel il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, jistgħu jiġu rikjesti jinnotifkaw lill-awtorità(jiet) tal-protezzjoni tad-dejta fl-istat(i) membru/i fejn se tiġi pproċessata d-dejta. Għal aktar informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta, ikklikkja hawn.
Biex jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, l-organizzaturi għandhom jużaw formoli speċifiċi li jikkonformaw mal-mudelli għad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, u li jinkludu l-informazzjoni rikjesta kollha dwar l-inizjattiva proposta. Dik l-informazzjoni għandha tkun eżatt l-istess bħall-informazzjoni dwar l-inizjattiva proposta ppubblikata fuq dan is-sit web.
Id-dejta li l-firmatarji huma rikjesti jipprovdu fil-formoli tvarja skont l-istat membru li jiġu minnu.
L-organizzaturi jistgħu jniżżlu, mill-kont tal-organizzatur tagħhom fuq dan is-sit, formoli preparati, li jkunu jinkludu diġà l-informazzjoni rilevanti dwar l-inizjattiva tagħhom, u li jistgħu jiġu adatti għal kull pajjiż fejn biħsiebhom jiġbru l-firem. Is-softwer żviluppat mill-Kummissjoni jipprovdi wkoll formoli onlajn adatti għal kull pajjiż.
Għal aktar informazzjoni dwar id-dejta rikjesta f'kull pajjiż, ikklikkja hawn.
Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jistgħu jinġabru fuq il-karta u/jew onlajn. Qabel ma jiġbru d-dikjarazzjoni ta' appoġġ onlajn, l-organizzaturi jridu jiksbu ċertifikat għas-sistema ta' ġbir onlajn tagħhom mill-awtorità rilevanti nazzjonali u għandhom jippubblikaw dan iċ-ċertifikat fuq is-sit web tagħhom.
Il-formoli tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jinkludu informazzjoni dwar l-inizjattiva proposta u oqsma differenti li għandhom jimtlew mill-firmatarji.
L-informazzjoni dwar l-inizjattiva proposta tista' tkun biss f'waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tal-inizjattiva ppubblikata fuq dan is-sit. Pereżempju, jekk inizjattiva proposta hi disponibbli biss bl-Ingliż fuq dan is-sit web, it-test tal-inizjattiva fuq il-formola tad-dikjarazzjoni ta' appoġġ tista' tkun biss bl-Ingliż.
L-ismijiet tal-oqsma fuq il-formola jistgħu jkunu fi kwalunkwe ligwa uffiċjali tal-UE.
L-organizzaturi mhumiex mitluba jiġbru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ mis-27 stat membru kollha. Madankollu, ikollhom bżonn għadd minimu ta' firmatarji minn tal-anqas 7 stati membri.
Nota: Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin fi stati membri fejn il-limitu ma jintlaħaqx jingħaddu wkoll biex tintleħaq il-mira ta' miljun firma.
Il-firmatarji jridu jkunu ċittadini tal-UE (iċ-ċittadini ta' stat membru) b'età li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (18-il sena, ħlief fl-Awstija, fejn l-età hi ta' 16-il sena).
Għal aktar informazzjoni dwar l-iffirmar ta' inizjattiva, ara Kif tiffirma inizjattiva?.
Għal aktar informazzjoni dwar il-ġbir, ara l-FAQ.