Navigation path

Paġna Ewlenija Kuntatt Mappa tas-sit

Dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini

Sib inizjattiva

Niedi inizjattiva

  • RSS
FAQ

Mistoqsijiet u Tweġibiet ġenerali dwar l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini (ECI)

  1. X'inhi d-differenza bejn ECI u petizzjoni?
  2. Hemm inizjattivi taċ-ċittadini fi ħdan l-istati membri?
  3. Iċ-ċittadini jistgħu jitolbu reviżjoni tat-Trattati b'ECI?
  4. Hemm kwalunkwe tip ta' finanzjament tal-UE pprovdut għall-organizzaturi ta' ECI?
  5. Hu possibbli li nippreżenta inizjattiva li tmur kontra inizjattiva oħra ppreżentata minn ħaddieħor? Hu possibbli li nippreżenta l-istess inizjattiva diversi drabi?
  6. L-organizzaturi jistgħu jirtiraw inizjattiva taċ-ċittadini proposta?
Fuq

It-tħejjija u l-istabbiliment ta' kumitat taċ-ċittadini

  1. Skont ir-regoli, il-kumitat għandu jkollu membri minn 7 stati membri differenti. Irid jinkludi 7 nazzjonalitajiet differenti - xi membri jistgħu jkunu tal-istess nazzjonalità?
  2. Ċittadini li mhumiex tal-UE jistgħu jorganizzaw inizjattiva taċ-ċittadini / ikunu membri ta' kumitat taċ-ċittadini?
  3. X'età jrid ikollhom iċ-ċittadini biex ikunu membri ta' kumitat taċ-ċittadini?
  4. Iċ-ċittadini jridu jkunu rreġistrati li jivvutaw biex ikunu membri ta' kumitat taċ-ċittadini?
  5. Kemm iridu jissemmew membri mill-kumitat taċ-ċittadini biex nirreġistra inizjattiva proposta?
  6. Il-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jkunu membri ta' kumitat taċ-ċittadini?
  7. X'inhu r-rwol tal-persuni ta' kuntatt tal-kumitat?
Fuq

Ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta

  1. X'informazzjoni hi meħtieġa biex nirreġistra inizjattiva proposta?
  2. Ladarba l-inizjattiva proposta tiġi rreġistrata, x'informazzjoni tiġi ppubblikata fuq dan is-sit web?
  3. F'liema lingwa hu possibbli li nirreġistra inizjattiva proposta?
  4. Il-Kummissjoni tittraduċi l-inizjattivi proposti?
  5. Il-kumitat taċ-ċittadini x'mezzi ta' rimedji għandu jekk il-Kummissjoni tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta tiegħu?
  6. Fejn tista' ssib informazzjoni dwar l-inizjattivi proposti li ma ġewx irreġistrati mill-Kummissjoni?
Fuq

Il-gbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ

  1. L-organizzaturi meta jistgħu jibdew jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għall-inizjattiva proposta tagħhom? Kemm għandhom żmien biex jiġbruhom?
  2. L-organizzaturi jistgħu jużaw l-istess formola stampata biex jiġbru l-firem minn kwalunkwe ċittadin tal-UE?
  3. Il-formoli jridu jkunu f'lingwa uffiċjali tal-istat membru fejn ikunu qed jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ? Hemm xi rekwiżit lingwistiku?
  4. Irid jinġabar għadd minimu ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ f'tal-anqas 7 stati membri. X'jiġri bid-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin mill-istati membri fejn ma jintlaħaqx l-għadd minimu?
  5. X'età jrid ikollhom iċ-ċittadini tal-UE biex jiffirmaw inizjattiva?
  6. Iċ-ċittadini tal-UE jridu jkunu rreġistrati li jivvutaw biex jiffirmaw inizjattiva?
  7. Iċ-ċittadini li mhumiex tal-UE jistgħu jiffirmaw inizjattiva?
  8. Jekk persuna hi ċittadina ta' stat membru wieħed iżda tgħix fi stat membru ieħor, f'liema stat membru tingħadd id-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħha?
  9. Iċ-ċittadini li huma residenti f'pajjiż barra mill-UE jistgħu jiffirmaw inizjattiva? F'liema stat membru se tingħadd id-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħhom?
  10. Iċ-ċittadini li jagħtu l-appoġġ tagħhom kif jistgħu jkunu ċerti li d-dejta personali tagħhom mhix se tintuża għal raġunijiet oħrajn?
  11. L-organizzaturi jistgħu jżommu d-dejta tal-firmatarji għal iktar tixrid ta' informazzjoni?
Fuq

Iċ-ċertifikazzjoni tas-sistema ta' ġbir onlajn minn awtorità nazzjonali kompetenti

  1. Iċ-ċittadini kif jistgħu jserħu rashom li mhux se jinqalgħu problemi ta' sigurtà meta jiffirmaw inizjattiva?
  2. L-organizzaturi jistgħu jużaw iktar minn sistema waħda ta' ġbir (sistema waħda għal kull stat membru, pereżempju)?
  3. L-organizzaturi jistgħu jużaw is-sistema ta' ġbir onlajn għall-istati membri kollha?
  4. L-organizzaturi jistgħu jitolbu lill-awtorità nazzjonali kompetenti tiċċertifika s-sistema ta' ġbir onlajn tagħhom qabel ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta tagħhom mal-Kummissjoni?
  5. X'format jistgħu jużaw l-organizzaturi biex jibagħtu d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin onlajn lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-verifika?
  6. X'mezzi ta' rikors huma disponibbli għall-organizzaturi jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti ma toħroġx iċ-ċertifikat fi żmien il-limitu ta' żmien ta' xahar?
Fuq

Is-softwer għas-sistemi ta' ġbir onlajn żviluppat mill-Kummissjoni

  1. Fejn nista' nsib informazzjoni u gwida dwar is-softwer żviluppat mill-Kummissjoni?
  2. Hu possibbli li nbiddlu s-softwer żviluppat mill-Kummissjoni?
Fuq

Il-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

  1. Il-firmatarji, x'informazzjoni jridu jagħtu fid-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħhom?
  2. Kif jiġu vverifikati d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ?
  3. X'mezzi ta' rikors huma disponibbli għall-organizzaturi jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti ma toħroġx iċ-ċertifikati fi żmien il-limitu ta' żmien ta' 3 xhur?
Fuq

Is-sottomissjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni

  1. L-organizzaturi jridu jibagħtu d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ kollha lill-Kummissjoni?
Fuq

Il-verifika u t-tweġiba mill-Kummissjoni

  1. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta proposta leġiżlattiva b'rispons għal inizjattiva taċ-ċittadini, x'jiġri wara?
  2. X'jiġri jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni fuq inizjattiva taċ-ċittadini? Jeżistu xi mezzi ta' rikors?




Mistoqsijiet u Tweġibiet ġenerali dwar l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini (ECI)

  1. X'inhi d-differenza bejn ECI u petizzjoni?
    Id-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, li diġà kien jeżisti fit-Trattati preċedenti, hu differenti ħafna mill-inizjattiva taċ-ċittadini introdotta bit-Trattat ta' Lisbona.
    • Il-petizzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi miċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll minn persuni naturali jew legali li jgħixu jew li għandhom uffiċċju rreġistrat fi stat membru, individwalment jew f'assoċjazzjoni ma' ċittadini jew persuni oħrajn.
    • Il-petizzjonijiet għandhom jikkonċernaw kwistjonijiet fi ħdan l-oqsma ta' attività tal-Unjoni u li jolqtu direttament lil dawk li jagħmlu l-petizzjoni (eż. ilment).
    • Il-petizzjonijiet huma indirizzati lill-Parlament Ewropew fir-rwol tiegħu bħala rappreżentant dirett taċ-ċittadini fil-livell tal-UE.
    • Bil-petizzjonijiet, m'hemmx rekwiżiti formali għal għadd minimu ta' firem jew appoġġ mifrux f'pajjiżi differenti tal-UE.
    • Min-naħa l-oħra, l-inizjattiva taċ-ċittadini tippermetti liċ-ċittadini jsejħu direttament lill-Kummissjoni biex tressaq proposti ġodda għal atti legali – jekk jiksbu biżżejjed appoġġ fl-UE.

    Aktar tagħrif dwar il-petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew.
  2. Hemm inizjattivi taċ-ċittadini fi ħdan l-istati membri?

    IVA – fil-biċċa l-kbira tal-istati membri, nazzjonali, reġjonali jew lokali. Għandhom ambitu u proċedura differenti.

    Eżempji ta' inizjattivi taċ-ċittadini nazzjonali
    l-Awstrija, l-Ungerija, l-Itlaja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi.

    Eżempji ta' inizjattivi taċ-ċittadini reġjonali
    l-Awstrija, il-Ġermanja, Spanja, l-Isvezja, il-Pajjiżi l-Baxxi.

    Eżempji ta' inizjattivi taċ-ċittadini lokali
    il-Belġju, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja.

    Barra l-UE
    l-Isvizzera, l-Istati Uniti, eċċ.

  3. Iċ-ċittadini jistgħu jitolbu reviżjoni tat-Trattati b'ECI?

    LE – skont it-Trattat, l-inizjattivi taċ-ċittadini jistgħu jikkonċernaw biss proposti dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li hu meħtieġ att legali tal-Unjoni biex jiġu implimentati t-Trattati.

  4. Hemm kwalunkwe tip ta' finanzjament tal-UE pprovdut għall-organizzaturi ta' ECI?

    LE – l-ebda finanzjament tal-UE mhu disponibbli għal dan il-għan.

  5. Hu possibbli li nippreżenta inizjattiva li tmur kontra inizjattiva oħra ppreżentata minn ħaddieħor? Hu possibbli li nippreżenta l-istess inizjattiva diversi drabi?

    IVA – m'hemmx restrizzjonijiet fuq ebda waħda minn dawn ir-regoli.

  6. L-organizzaturi jistgħu jirtiraw inizjattiva taċ-ċittadini proposta?

    IVA – fi kwalunkwe ħin qabel ma jintbagħtu d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-verifika.

    L-irtirar hu irriversibbli. Inizjattiva proposta rtirata ma tistax tissokta, u d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin isiru nulli u bla effett.

    Inizjattivi rtirati mmarkati jibqgħu jidhru fuq dan is-sit fis-sezzjoni dwar l-inizjattivi proposti nulli.

Fuq

It-tħejjija u l-istabbiliment ta' kumitat taċ-ċittadini

  1. Skont ir-regoli, il-kumitat għandu jkollu membri minn 7 stati membri differenti. Irid jinkludi 7 nazzjonalitajiet differenti - xi membri jistgħu jkunu tal-istess nazzjonalità?

    Il-fattur li jgħodd hu l-pajjiż ta' residenza. Jista' jkollhom l-istess nazzjonalitajiet jew jistgħu jkunu differenti.

  2. Ċittadini li mhumiex tal-UE jistgħu jorganizzaw inizjattiva taċ-ċittadini / ikunu membri ta' kumitat taċ-ċittadini?

    LE – il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini jridu jkunu ċittadini tal-UE (ċittadini ta' stat membru).

  3. X'età jrid ikollhom iċ-ċittadini biex ikunu membri ta' kumitat taċ-ċittadini?

    Iċ-ċittadini jrid ikollhom 18-il sena ħlief jekk huma ċittadini jew residenti tal-Awstrija, f'liema każ jista' jkollhom 16-il sena (i.e. f'età li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew).

  4. Iċ-ċittadini jridu jkunu rreġistrati li jivvutaw biex ikunu membri ta' kumitat taċ-ċittadini?

    LE – għandu jkollhom biżżejjed età biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (ara l-mistoqsija preċedenti).

  5. Kemm iridu jissemmew membri mill-kumitat taċ-ċittadini biex nirreġistra inizjattiva proposta?

    Il-Kummissjoni teżamina biss informazzjoni dwar 7 membri li jgħixu f'7 stati membri differenti (il-membri tal-Parlament Ewropew huma esklużi). Għalhekk, 7 minn dawn il-membri biss għandhom jissemmew fil-formola ta' reġistrazzjoni.

  6. Il-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jkunu membri ta' kumitat taċ-ċittadini?

    IVA – iżda ma jistgħux jingħaddu biex jilħqu l-minimu ta' 7 ċittadini li jgħixu f'7 stati membri differenti. Għalhekk, ma jistgħux ikunu fost is-7 membri msemmija fil-formola ta' reġistrazzjoni.

  7. X'inhu r-rwol tal-persuni ta' kuntatt tal-kumitat?

    Il-persuni ta' kuntatt – ir-rappreżentant u s-sostitut tiegħu – għandhom il-mandat li jitkellmu u jaġixxu f'isem il-kumitat.

    Huma rabta bejn il-kumitat u l-Kummissjoni Ewropea matul il-proċedura, partikolarment fil-ġestjoni tas-sottomissjonijiet kollha lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-inizjattiva proposta tagħhom.

    It-tnejn li huma jkollhom aċċess għall-kont tal-organizzatur u jirċievu l-korrispondenza mill-Kummissjoni.

Fuq

Ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta

  1. X'informazzjoni hi meħtieġa biex nirreġistra inizjattiva proposta?
    • it-titlu tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta (massimu 100 karattru)
    • is-suġġett (massimu 200 karattru)
    • deskrizzjoni tal-għanijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li l-Kummissjoni hi mistiedna taġixxi fuqha (massimu 500 karattru)
    • id-dispoiżizzjonijiet tat-Trattati meqjusin rilevanti mill-organizzaturi għall-azzjoni proposta
    • id-dettalji personali tas-7 membri tal-kumitat taċ-ċittadini (ismijiet sħaħ, indirizzi, nazzjonalitajiet u dati tat-twelid), b'indikazzjoni speċifika tar-rappreżentant u s-sostitut tiegħu kif ukoll l-indirizzi tal-email
    • dokumenti li juru l-ismijiet sħaħ, l-indirizzi postali, in-nazzjonalitajiet u d-dati ta’ twelid ta’ kull wieħed mis-seba’ Membri tal-kumitat taċ-ċittadini
    • is-sorsi kollha ta' finanzjament u appoġġ għall-inizjattiva taċ-ċittadini proposta (magħrufa fil-ħin tar-reġistrazzjoni) b'ammont ta' iktar minn €500 kull sena u għal kull sponser.

    Jekk iridu, l-organizzaturi jistgħu jipprovdu:
    • l-indirizz tas-sit web tagħhom għall-inizjattiva proposta (jekk għandhom wieħed)
    • anness (mass. 5 MB) li jipprovdi iktar informazzjoni ddettaljata dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-isfond tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta
    • att legali abbozz (mass. 5 MB).
  2. Ladarba l-inizjattiva proposta tiġi rreġistrata, x'informazzjoni tiġi ppubblikata fuq dan is-sit web?

    Il-kontenut kollu relatat mal-inizjattiva proposta (titlu, suġġett, għanijiet, dispożizzjoni(jiet) fit-Trattati meqjusin rilevanti mill-organizzaturi u kwalunkwe informazzjoni oħra pprovduta) u s-sorsi ta' appoġġ u finanzjament.

    Rigward id-dejta personali tal-organizzaturi, jiġu ppubblikati biss l-ismijiet sħaħ u l-indirizzi tal-email tal-persuni ta' kuntatt (rappreżentant u sostitut).

    Għal aktar dettalji, ara l-istqarrija ta' privatezza

  3. F'liema lingwa hu possibbli li nirreġistra inizjattiva proposta?
    Tista' tintuża kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE.
  4. Il-Kummissjoni tittraduċi l-inizjattivi proposti?

    LE – hi r-responsabbiltà tal-organizzaturi li jittraduċu l-inizjattiva proposta tagħhom fil-lingwi li jixtiequ.

    Wara l-konferma tar-reġistrazzjoni f'lingwa uffiċjali waħda, l-organizzaturi jistgħu jissottomettu t-traduzzjonijiet tal-inizjattiva proposta tagħhom lill-Kummissjoni f'lingwi uffiċjali oħrajn tal-UE (tal-anqas it-titlu, is-suġġett u l-għanijiet). Qabel ma jittellgħu fir-reġistru, il-Kummissjoni tivverifika jekk ikunx hemm inkonsistenzi kbar mal-verżjoni oriġinali tat-titlu, is-suġġett u l-għanijiet.
  5. Il-kumitat taċ-ċittadini x'mezzi ta' rimedji għandu jekk il-Kummissjoni tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta tiegħu?

    Id-deċiżjoni tar-reġistrazzjoni hi bbażata fuq bażijiet legali. Għalhekk tista' tiġi kkontestata. Jekk ir-reġistrazzjoni tiġi rrifjutata, il-Kummissjoni tinforma l-organizzaturi dwar ir-raġunijiet u r-rimedji ġudizzjali u extra-ġudizzjali possibbli disponibbli lilhom.

    Dawn jinkludu l-possibbiltà li jitressqu proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE jew li jitressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew (ilment dwar amministrazzjoni ħażina).
  6. Fejn tista' ssib informazzjoni dwar l-inizjattivi proposti li ma ġewx irreġistrati mill-Kummissjoni?

    It-tweġibiet negattivi mogħtija mill-Kummissjoni għal inizjattivi proposti li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stipulati fir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini jinsabu hawn.

Fuq

Il-gbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ

  1. L-organizzaturi meta jistgħu jibdew jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għall-inizjattiva proposta tagħhom? Kemm għandhom żmien biex jiġbruhom?
    Jistgħu jibdew fil-jum meta jirċievu l-konferma li l-Kummissjoni rreġistrat l-inizjattiva proposta tagħhom.

    Mid-data tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta, l-organizzaturi għandhom sena biex jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ.

  2. L-organizzaturi jistgħu jużaw l-istess formola stampata biex jiġbru l-firem minn kwalunkwe ċittadin tal-UE?

    LE – l-organizzaturi jridu jużaw formoli separati skont l-istat membru li jiġu minnu l-firmatarji. Dan ifisser li l-firmatarji kollha fuq kwalunkwe waħda mill-formoli għandhom jiġu mill-istess stat membru.

    Fuq kull formola, l-organizzaturi l-ewwel għandhom jindikaw l-istat membru fejn se tintbagħat. Iċ-ċittadini li jistgħu jiffirmaw għal dan l-Istat Membru biss jistgħu jużaw din il-formola.

  3. Il-formoli jridu jkunu f'lingwa uffiċjali tal-istat membru fejn ikunu qed jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ? Hemm xi rekwiżit lingwistiku?

    L-organizzaturi jistgħu jiġbru d-dikjarazzjonijiet fi kwalunkwe stat membru fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE.

    Madankollu, l-informazzjoni dwar l-inizjattiva proposta mogħtija fil-formola (punti 5 sa 7 fl-Anness III tar-Regolament) għandha tkun f'waħda mil-lingwi li fiha hi ppubblikata l-inizjattiva proposta fuq dan is-sit.

  4. Irid jinġabar għadd minimu ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ f'tal-anqas 7 stati membri. X'jiġri bid-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin mill-istati membri fejn ma jintlaħaqx l-għadd minimu?

    Dawn id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ ovvjament jiżdiedu mal-għadd totali ta' firmatarji biex tintleħaq il-mira ta' miljun iżda l-istati membri kkonċernati mhux se jingħaddu fil-kwart tal-istati membri rikjesti.

  5. X'età jrid ikollhom iċ-ċittadini tal-UE biex jiffirmaw inizjattiva?

    Iċ-ċittadini jrid ikollhom 18-il sena ħlief jekk huma ċittadini jew residenti tal-Awstrija, f'liema każ jista' jkollhom 16-il sena (i.e. f'età li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew).

  6. Iċ-ċittadini tal-UE jridu jkunu rreġistrati li jivvutaw biex jiffirmaw inizjattiva?

    LE – għandu jkollhom biżżejjed età biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (ara l-mistoqsija preċedenti).

  7. Iċ-ċittadini li mhumiex tal-UE jistgħu jiffirmaw inizjattiva?

    LE – ċittadini tal-UE biss (ċittadini ta' stat membru) jistgħu jiffirmaw.

  8. Jekk persuna hi ċittadina ta' stat membru wieħed iżda tgħix fi stat membru ieħor, f'liema stat membru tingħadd id-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħha?
    Skont id-dejta rikjesta minn dawn l-istati membri, din il-persuna jista' jkollha l-possibbiltà li tagħżel bejn dawn l-istati membri. Din il-persuna tista' tiffirma darba biss għal inizjattiva. Id-dejta li tipprovdi fid-dikjarazzjoni ta' appoġġ (in-numru tal-passaport jew in-numru tal-karta tar-residenza) se tiddetermina f'liema stat membru se tingħadd id-dikjarazzjoni ta' appoġġ ta' din il-persuna.
    Eżempju
    Awstrijak li jgħix fl-Estonja jista' jew
    • jimla l-formola fl-Estonja, billi jimla l-ismijiet sħaħ, il-kunjomijiet, l-indirizzi, id-data u l-post tat-twelid u n-nazzjonalità - f'dan il-każ, id-dikjarazzjoni ta' appoġġ tiegħu se tiġi vverifikata u magħduda fl-Estonja
    • jew jimla l-forma għall-Awstrija, billi jipprovdi, minbarra d-dejta preċedenti, numru ta' dokument identifikazzjoni personali mil-lista aċċettata mill-Awstrija u disponibbli f'Parti C tal-Anness III tar-Regolament (numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità) – f'dan il-każ id-dikjarazzjoni ta' appoġġ tiegħu se tiġi vverifikata u magħduda fl-Awstrija.

    Fi kwalunkwe każ, iċ-ċittadini jistgħu jiffirmaw inizjattiva darba biss.
  9. Iċ-ċittadini li huma residenti f'pajjiż barra mill-UE jistgħu jiffirmaw inizjattiva? F'liema stat membru se tingħadd id-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħhom?

    Dan jiddependi mill-istat membru li tiegħu huma ċittadini.

    Skont ir-rekwiżiti mitluba mill-istati membri, jistgħu jew ma jistgħux jiffirmaw. Dan jiġri minħabba l-fatt li xi stati membri ma jistgħux jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miċ-ċittadini tagħhom li jgħixu barra l-UE.

    Għal dawk li jkollhom il-possibbiltà li jiffirmaw, id-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħhom tingħadd fl-istat membru tan-nazzjonalità.

  10. Iċ-ċittadini li jagħtu l-appoġġ tagħhom kif jistgħu jkunu ċerti li d-dejta personali tagħhom mhix se tintuża għal raġunijiet oħrajn?

    Ir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini jiżgura li l-protezzjoni tad-dejta tiġi garantita, fl-organizzazzjoni u s-segwitu ta' inizjattiva taċ-ċittadini, mill-partijiet kollha involuti – l-organizzaturi, l-istati membri u l-Kummissjoni.

    Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-dejta personali tapplika għall-ipproċessar tad-dejta personali li ssir għar-raġunijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Bħala 'kontrolluri tad-dejta', l-organizzaturi huma responsabbli għal kwalunkwe ħsara li jikkawżaw skont il-liġi nazzjonali applikabbli u suġġetti għal penali adegwati għal kwalunkwe ksur tar-Regolament.

  11. L-organizzaturi jistgħu jżommu d-dejta tal-firmatarji għal iktar tixrid ta' informazzjoni?

    Mhux parti mill-formola uffiċjali tad-dikjarazzjoni ta' appoġġ: id-dejta tal-firmatarji tista' tintuża biss għar-raġuni biex tiġi appoġġata l-inizjattiva proposta kif ipprovdut fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini. Madankollu, l-organizzaturi jistgħu jitolbu lill-firmatarji għad-dettalji ta' kuntatt tagħhom separatament biex iżommuhom informati, sakemm jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Fuq

Iċ-ċertifikazzjoni tas-sistema ta' ġbir onlajn minn awtorità nazzjonali kompetenti

  1. Iċ-ċittadini kif jistgħu jserħu rashom li mhux se jinqalgħu problemi ta' sigurtà meta jiffirmaw inizjattiva?

    Il-ġbir onlajn ma jistax jibda qabel l-organizzaturi jiksbu ċ-ċertifikazzjoni tas-sistema ta' ġbir onlajn mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

    Iċ-ċertifikazzjoni tinvolvi li s-sistema tilħaq ir-rekwiżiti minimi tekniċi u ta' sigurtà stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet iridu jiċċekkjaw li s-sistema tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ddettaljati li huma mniżżlin fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2011 li jistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistemi ta' ġbir onlajn skont ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini.

    Dan japplika wkoll meta l-organizzaturi jużaw is-softwer sors miftuħ stabbilit mill-Kummissjoni.

  2. L-organizzaturi jistgħu jużaw iktar minn sistema waħda ta' ġbir (sistema waħda għal kull stat membru, pereżempju)?

    IVA – iżda jkollhom jiċċertifikaw kull sistema individwalment.

  3. L-organizzaturi jistgħu jużaw is-sistema ta' ġbir onlajn għall-istati membri kollha?

    IVA – din is-sistema jkollha tiġi ċċertifikata darba biss, minn awtorità ta' stat membru fejn se tinħażen id-dejta.

  4. L-organizzaturi jistgħu jitolbu lill-awtorità nazzjonali kompetenti tiċċertifika s-sistema ta' ġbir onlajn tagħhom qabel ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta tagħhom mal-Kummissjoni?

    IVA – madankollu jkollhom jipprovdu t-titlu preċiz tal-inizjattiva proposta tagħhom meta jirrikjedu ċ-ċertifikazzjoni.

    Madankollu, sistema ta' ġbir onlajn iċċertifikata konformi ma tippreġudikax id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta' inizjattiva proposta kkonċernata.

  5. X'format jistgħu jużaw l-organizzaturi biex jibagħtu d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin onlajn lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-verifika?

    L-organizzaturi jistgħu jibagħtu d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f'forma stampata jew f'forma elettronika. Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ miġburin onlajn jistgħu jiġu pprintjati u mibgħutin bil-posta, jew jistgħu jintbagħtu f'forma elettronika permezz ta' mezz sikur bħal fajls kriptati f'CD-ROM. Jistgħu jintużaw ukoll fajls XML jekk jiġu aċċettati mill-awtorità nazzjonali kkonċernata. Is-softwer żviluppat mill-Kummissjoni jippermetti l-esportazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ f'format XML.

  6. X'mezzi ta' rikors huma disponibbli għall-organizzaturi jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti ma toħroġx iċ-ċertifikat fi żmien il-limitu ta' żmien ta' xahar?

    L-organizzaturi jistgħu jużaw il-mezzi ta' rikors disponibbli fil-livell nazzjonali. Jistgħu ifittxu għal rikors mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjali nazzjonali (inkluż l-ombudsman nazzjonali jew reġjonali).

    L-organizzaturi jistgħu wkoll iressqu ilment mal-Kummissjoni Ewropea għal non-applikazzjoni tal-liġi tal-UE.

Fuq

Is-softwer għas-sistemi ta' ġbir onlajn żviluppat mill-Kummissjoni

  1. Fejn nista' nsib informazzjoni u gwida dwar is-softwer żviluppat mill-Kummissjoni?

    L-aħħar verżjoni tas-softwer hu ppubblikat fuq JoinUp, fejn tista' ssib ukoll il-verżjonijiet preċedenti kif ukoll l-informazzjoni utli kollha u d-dokumentazzjoni għad-dawnlowd u l-ġestjoni tas-softwer (għad-dokumentazzjoni, ara t-taqsima "Librerija-e"). Barra minn hekk, fit-taqsimiet "Forums" u "Aħbarijiet u blogs", tista' tistaqsi l-mistoqsijiet tiegħek dwar is-softwer, u ssib il-mistoqsijiet u t-tweġibiet li qajmu l-utenti l-oħra.

  2. Hu possibbli li nbiddlu s-softwer żviluppat mill-Kummissjoni?

    Is-softwer żviluppat mill-Kummissjoni jipprovdi l-funzjonalitajiet neċessarji għall-ġbir onlajn tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ skont ir-regoli stabbiliti mir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini. Madankollu, l-organizzaturi jaf ikunu jixtiequ jbiddlu xi elementi biex jadattawh aħjar għall-bżonnijiet u l-preferenzi tagħhom. Peress li hu sors miftuħ, l-elementi kollha ta' dan is-softwer jistgħu jinbidlu.

    Madankollu, jekk l-organizzaturi jixtiequ jużaw verżjoni modifikata tas-softwer, għandhom jiżguraw li xorta jikkonforma mal-Artikolu 6(4) tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini u mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jimplimentawh (Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2011).

    Jekk jogħġbok innota li jekk kwalunkwe fatturi ewlenin tas-softwer jinbidlu, l-użu tas-softwer ma jibqax jiggarantixxi garanzija tal-konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq u l-awtorità nazzjonali kompetenti twettaq il-proċedura ta' ċertifikazzjoni daqslikieku s-sistema ma tużax is-softwer żviluppat mill-Kummissjoni (is-softwer hu ppakkjat permezz ta' kowd hashed li jista' jiġi ċċekkjat mill-awtorità biex tiżgura li l-verżjoni ppreżentata għaċ-ċertifikazzjoni ma ġietx modifikata). Madankollu, l-elementi fil-livell tal-bażi tad-dejta (eż. ir-regoli għall-proċess ta' validazzjoni awtomatika tad-dħul tad-dejta) jistgħu jinbidlu mingħajr ma jikkompromettu l-konformità mar-Regolament.

Fuq

Il-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

  1. Il-firmatarji, x'informazzjoni jridu jagħtu fid-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħhom?

    Id-dejta tiddependi mill-istat membru tal-UE li jiġu minnu. Dan minħabba li l-istati membri huma dawk responsabbli biex jivverifikaw il-validità tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ tal-firmatarji u biex jiċċertifikaw l-għadd ta' dikjarazzjonijiet validi miġburin minn kull pajjiż. Għalhekk, id-dejta rikjesta trid tikkorrispondi ma' dak li l-istati membri jqisu neċessarju biex jivverifikaw dikjarazzjoni ta' appoġġ.

    Id-dejta rikjesta tista' tinkludi l-isem, l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità u, għal diversi stati membri, numru ta' identifikazzjoni personali.

    Parti minn din l-informazzjoni (bħall-indirizz sħiħ, post u data tat-twelid) mhix rikjesta minn xi stati membri.

    Għad-dettalji sħaħ, ara ż-żewġ mudelli għall-formoli tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ fl-Anness III (Partijiet A u B) tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini.

    Rigward l-istati membri li jirrikjedu numru ta' identifikazzjoni personali, ara Parti C tal-Anness III għal lista ta' dokumenti/numri aċċettati minn kull wieħed minnhom.

  2. Kif jiġu vverifikati d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ?

    L-organizzaturi jridu jibagħtu l-formoli tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jwettqu l-verifiki adegwati biex jiċċertifikaw l-għadd ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ validi miġburin. Dawn il-verifiki jistgħu jkunu bbażati fuq kampjun każwali.

  3. X'mezzi ta' rikors huma disponibbli għall-organizzaturi jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti ma toħroġx iċ-ċertifikati fi żmien il-limitu ta' żmien ta' 3 xhur?

    L-organizzaturi jistgħu jużaw il-mezzi ta' rikors disponibbli fil-livell nazzjonali. Jistgħu ifittxu għal rikors mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjali nazzjonali (inkluż l-ombudsman nazzjonali jew reġjonali).

    L-organizzaturi jistgħu wkoll iressqu ilment mal-Kummissjoni Ewropea għal non-applikazzjoni tal-liġi tal-UE.

Fuq

Is-sottomissjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni

  1. L-organizzaturi jridu jibagħtu d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ kollha lill-Kummissjoni?

    LE – iridu biss jibagħtu permezz tal-kont tal-organizzatur tagħhom fuq dan is-sit il-formola ta' sottomissjoni kif ukoll il-kopji taċ-ċertifikati kollha li rċevew mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jikkonfermaw li l-għadd meħtieġ ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ intleħaq.

Fuq

Il-verifika u t-tweġiba mill-Kummissjoni

  1. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta proposta leġiżlattiva b'rispons għal inizjattiva taċ-ċittadini, x'jiġri wara?

    Il-proposta tal-Kummissjoni trid issegwi l-proċedura leġiżlattiva adegwata.

    Biex issir liġi, trid tiġi eżaminata imbagħad adottata mil-leġiżlatur (ġeneralment il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew f'xi każijiet il-Kunsill biss).

  2. X'jiġri jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni fuq inizjattiva taċ-ċittadini? Jeżistu xi mezzi ta' rikors?

    LE – b'differenza għad-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni, din id-deċiżjoni hi bbażata fuq analiżi politika mill-Kummissjoni tas-sostanza tal-inizjattiva u mhix suġġett għal proċedura ta' appell.

    L-inizjattiva taċ-ċittadini hi inizjattiva li tistabbilixxi aġenda li tobbliga lill-Kummissjoni tikkunsidra serjament ir-rikjesti taċ-ċittadini, iżda mhix obbligata li taġixxi fuqhom.

    Madankollu, jekk tiddeċiedi li ma taġixxix, il-Kummissjoni tispjega b'mod ċar ir-raġunijiet tagħha.