Il-laqgħat ta' kull ġimgħa tal-Kummissarji

Il-Kummissjoni tiltaqa' kull ġimgħa biex tiddiskuti kwestjonijiet politikament sensittivi u tadotta proposti li jkollhom bżonn ftehim permezz tal-'proċedura orali'.

Ir-regoli ta' proċedura jistabbilixxu li l-Kummissjoni (jiġifieri 28 Kummissarju) tiltaqa' tal-inqas darba f'ġimgħa.

Fil-prattika, il-Kummissarji jiltaqgħu kull nhar t'Erbgħa fi Brussell, minbarra waqt is-sessjonijiet plenarji tal-Parlament Ewropew meta jitaqgħu fi Strasburgu. Laqgħat speċjali oħra jistgħu jsiru skont il-bżonn, pereżempju eżatt qabel jew waqt laqgħa importanti tal-Kunsill (mexxejja nazzjonali jew ministri).

L-aġenda għal kull laqgħa hija prinċipalment ibbażata fuq il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni. Kull punt fuq l-aġenda jkun ippreżentat mill-Kummissarju responsabbli għal qasam politiku speċifiku. It-tim kollu imbagħad jieħu deċiżjoni kollettiva.

TIsta' tikkonsulta l-aġenda għall-laqgħa tal-Kummissjoni li jmiss. L-aġenda titfassal bil-Franċiż qabel tiġi tradotta għall-Ingliż. Għalhekk, il-verżjoni bil-Franċiż tad-dokument tista' ssibha xi sigħat qabel dik bl-Ingliż fuq il-sit.

Din il-proċedura tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-laqgħat ta' kull ġimgha hija magħrufa bħala l-'proċedura orali'. Tintuża biss għal proposti ewlenin li jkollhom bżonn diskussjoni orali fi ħdan il-Kummissjoni qabel ikunu jistgħu jadottawhom.

Il-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni madanakollu, ma jittiħdux fil-laqgħat ta' kull ġimgħa tagħha, iżda jkunu adottati permezz tal-'proċedura bil-miktub' - proposta jew dokument abbozz jingħata lill-Kummissarji kollha, u dawn jistgħu jagħmlu l-kummenti tagħhom f'ċertu żmien.

Il-Kummissjoni għandha d-'dritt għall-inizjattiva' biex tipproponi liġijiet ġodda. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi b'mod kollettiv dwar proposta leġiżlattiva, din tmur fl-istadju li jmiss tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fil-maġġoranza tal-każi (skont il-'proċedura leġiżlattiva ordinarja' jew 'kodeċiżjoni') din tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għar-reviżjoni u l-adozzjoni.

Fl-istess ħin, il-parlamenti fil-pajjiżi tal-UE huma mistiedna jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-proposta u jiċċekkjaw jekk azzjoni fuq il-livell tal-UE hiex fil-fatt iktar effettiva milli azzjoni fuq livell reġjonali jew lokali (il-kontroll tas-sussidjarjetà).

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 
Ara wkoll
Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?