L-infurzar ta' drittijietek

Mistoqsijiet u lmenti dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni

Jekk int ċittadin ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew jekk tgħix f'wieħed mill-Istati Membri, jew jekk għandek negozju fl-Unjoni Ewropea, il-liġi tal-Unjoni tagħtik għadd ta' drittijiet

Jekk tixtieq tkun taf aktar, tista’:

Jekk taħseb li drittijietek skont il-liġi tal-Unjoni ma ġewx irrispettati mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru, l-ewwel għandek tressaq il-kwistjoni tiegħek quddiem l-entitajiet jew l-awtoritajiet nazzjonali. Dan hu normalment l-aktar mod rapidu u effettiv biex issolvi l-kwistjoni.

Mezzi disponibbli ta’ rimedju fuq livell nazzjonali

Kif inhu stipulat fit-Trattati, l-awtoritajiet pubbliċi u l-qrati tal-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

Għalhekk, hu fl-interess tiegħek li tagħmel użu mill-mezzi kollha possibbli ta’ rimedju fuq livell nazzjonali (mekkaniżmi amministrattivi u/jew medjazzjoni barra l-qorti).

Skont is-sistema ta' kull Stat Membru, tista' wkoll tissottometti l-fajl tiegħek lill-ombudsman nazzjonali jew l-ombudsman reġjonali.

Jew tista’ tressaq il-kwistjoni quddiem il-qorti tal-Istat Membru fejn tkun qamet il-problema. Sib aktar dwar is-sistemi ġudizzjali nazzjonali jew ir-riżoluzzjoni tal-problemi barra mill-qorti. Jekk ir-riżoluzzjoni tal-problema tiegħek tirrikjedi l-annullament ta’ deċiżjoni nazzjonali, il-qrati nazzjonali biss jistgħu jannullawha. Jekk qed tfittex kumpens għad-danni, il-qrati nazzjonali biss għandhom is-setgħa, fejn xieraq, li jordnaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkumpensaw lill-individwi għat-telf li jkunu sofrew minħabba ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Strumenti oħra għar-riżoluzzjoni tal-problemi

Alternattivament, tista’:

  • tikkuntattja lil SOLVIT - SOLVIT huwa servizz ipprovdut mill-amministrazzjoni nazzjonali, li jittratta problemi transkonfinali relatati ma’ applikazzjoni ħażina tal-liġi tal-UE minn amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali fis-Suq Intern. Hemm ċentru SOLVIT f'kull pajjiż tal-UE, u anke fin-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. L-Istat Membru tiegħek jipprova jsolvi l-problema mal-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat. Jekk tuża s-servizz SOLVIT jista' jkun li tieħu anqas ħin milli tressaq ilment formali lill-Kummissjoni Ewropea u jista' jsolvilek il-problema individwali tiegħek. Jekk il-problema ma tissolviex jew jekk taħseb li s-soluzzjoni proposta mhix aċċettabbli, tista’ tieħu azzjoni legali permezz ta' qorti nazzjonali jew tressaq ilment formali quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Kun af li meta tindirizza l-kwistjoni lil SOLVIT dan ma jissospendix il-limiti ta’ żmien quddiem il-qrati nazzjonali.

    Ressaq il-problema tiegħek lil SOLVIT
  • ikkuntattja liċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur – jeżisti netwerk madwar l-Ewropa ta' ċentri tal-konsumatur, li jikkoopera biex isolvi t-tilwim bejn il-konsumarturi u l-kummerċjanti bbażati fil-pajjiżi differenti tal-UE, kif ukoll fin-Norveġja u l-Iżlanda.

    Ressaq il-problema tiegħek liċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur
  • ikkuntattja lil FIN-Net – li hu netwerk għar-riżoluzzjoni ta' tilwim finanzjarju barra mill-qorti fil-pajjiżi tal-UE, kif ukoll fl-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja. Dawn għandhom ir-responsabbiltà li jittrattaw tilwim bejn il-konsumaturi u l-fornituri ta’ servizzi finanzjarji.

    Ressaq il-problema tiegħek lil FIN-Net

Azzjonijiet disponibbli fil-livell tal-UE

Għalkemm normalment tkun tista' tinforza drittijietek aħjar fil-pajjiż fejn tgħix, l-Unjoni Ewropea tkun tista' tgħinek ukoll:

    • Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Għandek id-dritt (Artikolu 227 TFUE) li tissottometti petizzjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Tista' tissottometti l-petizzjoni tiegħek bil-posta jew onlajn mill-websajt tal-Parlament Ewropew. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew fuq il-websajt tal-UE dwar iċ-ċittadinanza u l-moviment liberu.

    • Il-Kummissjoni Ewropea

Tista’ tikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwalunkwe miżura (liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva), nuqqas ta’ miżura jew prattika minn Stat Membru li taħseb li huwa kontra l-liġi tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea tqis l-ilment tiegħek biss jekk ikun ksur tal-liġi tal-Unjoni mill-awtoritajiet fi Stat Membru tal-UE. Jekk l-ilment tiegħek hu dwar l-azzjoni ta’ individwu jew entità privata (sakemm tkun tista’ turi li l-awtoritajiet nazzjonali huma b’xi mod involuti), trid tipprova ssolvi din il-problema fuq livell nazzjonali (il-qrati jew modi oħra ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim). Il-Kummissjoni Ewropea ma tistax tittratta kwistjonijiet li jinvolvu biss individwi jew entitajiet privati biss, u li ma jinvolvux l-awtoritajiet pubbliċi.

Jekk m’intix espert fil-liġi tal-Unjoni, tista’ ssibha bi tqila biex issir taf eżattament liema liġi tal-UE taħseb li ġiet miksura. Tista’ tikseb parir malajr u b’mod informali mis-servizz Pariri tal-Ewropa Tiegħek, bil-lingwa tiegħek stess.

    • L-Ombudsman Ewropew

Jekk tħaseb li l-Kummissjoni Ewropea ma ttrattatx it-talba tiegħek kif suppost, tista' tikkuntattja lill-Ombudsman Ewropew (Artikoli 24 u 228 TFUE).