OLAF Annual Report for 2011

OLAF Nru 4, 2012 

Brussell, it-3 ta’ Lulju 2012

Irkuprati EUR 691 miljun għall-baġit tal-UE u ngħataw sentenzi ta’ 511 sena ħabs bis-saħħa tal-investigazzjonijiet tal-OLAF

Ir-Rapport Annwali tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), ippubblikat illum, jiġbor fil-qosor il-kisbiet tal-OLAF fl-2011. L-OLAF ittratta 463 kas fl-2011. Bħala riżultat tal-investigazzjonijiet tal-OLAF ġew irkuprati EUR 691 miljun, u ingħataw sentenzi mill-qrati tal-Istat Membri li jakkumulaw għal 511 sena ħabs

“Bis-saħħa tal-investigazzjonijiet tagħna, ġie rkuprat ammont konsiderevoli ta' flus għall-kontribwenti tal-UE, u għadd kbir ta' kriminali tressqu quddiem il-ġustizzja fil-qrati nazzjonali minħabba reati kontra l-baġit tal-UE. F’din il-klima finanzjarja, il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni hija ta' importanza partikolari, u għandha tkun prijorità fl-Istati Membri kollha. L-OLAF irid iqawwi din il-ġlieda. Għalhekk, aħna sejrin inżidu l-attenzjoni tagħna fuq l-effiċjenza u r-riżultati tal-investgazzjonijiet tagħna u nsaħħu l-kooperazzjoni mal-imsieħba tagħna sew fi ħdan kif ukoll barra l-UE.” qal id-Direttur-Ġenerali tal-OLAF Giovanni Kessler.

Sommarju tal-attivitajiet operattivi fl-2011

  • EUR 691.4 miljun ġew irkuprati bħala riżultat tal-każijiet tal-OLAF.  Dan kien ammont eċċezzjonali dovut għal ċirkostanzi partikolari matul is-sena.
  • L-akbar ammont ta’ rkupru ġie irreġistrat fis-settur tal-fondi strutturali (EUR 524.7 miljun), warajh jiġi s-settur tad-dwana (EUR 113.7 miljun), u l-agrikultura (EUR 34 miljun).
  • Bħala riżultat tal-azzjoni legali fl-Istati Membri, wara r-rakkomandazzjonijiet mill-OLAF, fl-2011 il-qrati nazzjonali taw sentenzi lill-frodaturi li b’kollox ilaħħqu l-511 sena ta’ priġunerija u imponew multi li jammontaw għal madwar EUR 155 miljun.
  • L-OLAF fetaħ 178 każ ġdid, li 80% minnhom huma investigazzjonijiet.  Matul is-sena ngħalqu 208 każ investigattiv u ta’ koordinazzjoni.
  • L-OLAF ittratta 463 kas ta’ investigazzjoni u ta’ koordinazzjoni fl-2011. 122 minn dawn il-każijiet kienu marbuta ma’ persunal tal-UE, 89 mas-settur agrikolu, 67 ma’ dak tal-assistenza esterna u 64 ma’ dak tal-fondi strutturali.
  • Ir-rata tal-ikklirjar, jiġifieri l-proporzjon tal-każijiet li nfetħu ma’ dawk li ngħalqu, tjiebet u niżlet taħt il-wieħed. Iż-żmien medju li damu l-każijiet żdied bi ftit għal 29.1 xahar. Dawn iż-żewġ fenomeni jistgħu jiġu spjegati bl-għadd relattivament kbir ta' każijiet li ngħalqu matul is-sena. 

Ir-rapport jinkludi studju fuq  kampjun ta’ każijiet li jippreżenta ħarsa ġenerali tal-investigazzjonijiet tal-OLAF dwar suspetti ta’ reati kontra setturi differenti tal-baġit tal-UE. Dawn jinkludu każijiet dwar il-kuntrabandu tal-bijodiżil, dwar offerta qarrieqa marbuta mal-fondi struttutali, kif ukoll dwar korruzzjoni minn uffiċjal ta’ delegazzjoni tal-UE.

Ir-rapport sħiħ jista' jitniżżel mill-websajt tal-OLAF: http://olaf.europa.eu/annualreport

L-OLAF

Il-missjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAf) tinqasa fi tlieta: jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (UE) billi jinvestiga l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra; Jikxef u jinvestiga affarijiet serji marbuta mat-twettiq tad-dmirijiet professjonali minn membri u persunal u korpi tal-istituzzjonijiet tal-UE li jistgħu jwasslu għal proċedimenti dixxiplinarji jew kriminali;  kif ukoll jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ prevenzjoni u kxif ta' frodi.

Għal aktar dettalji:
Johan WULLT
Kelliem (aġent)
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefon: +32 2 295 22 10
E-mail: olaf-media@ec.europa.eu
http://ec.europa.eu/anti_fraud

Print versionDecrease textIncrease text
Kalendarju
L-aħħar aġġornament: 02/06/2014