Id-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-OLAF iwiegħed ġlieda effettiva kontra l-frodi fl-UE

OLAF/11/02 Brussell, Brussell, l-14 ta’ Frar 2011

Id-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-Uffiċċju Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Frodi (OLAF), is-Sur Giovanni Kessler, illum beda jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu.
"Inħossni onorat li llum qed nieħu f'idejja dmirijieti fl-OLAF. Hekk kif l-Ewropa qed titqabad bi tnaqqis fil-baġits u b'pakketti ta' awsterità, il-missjoni tal-OLAF fil-ġlieda kontra l-frodi u biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE hija aktar importanti minn qatt qabel. Jien għalhekk se nirsisti biex immexxi l-OLAF b'mod effiċjenti filwaqt li nħares l-indipendenza operattiva tiegħu. Beħsiebni wkoll naħdem mill-qrib mal-Kummissjoni, mal-Parlament u mal-Istati Membri u li jkolli parti attiva fil-proċess ta' riforma kif imfassal fit-Trattat ta' Lisbona", qal Giovanni Kessler.

Is-Sur Kessler qed imexxi Direttorat-Ġenerali li jinkludi erba' Direttorati u madwar 500 membru tal-persunal, u li għandu baġit ta' madwar EUR 50 miljun. Bħala d-Direttur-Ġenerali tal-OLAF huwa għandu r-responsabbiltà sħiħa għall-investigazzjonijiet amministrattivi indipendenti tiegħu. Is-Sur Kessler se jmexxi wkoll ir-rwol tal-Uffiċċju Ewropew għall-Ġlieda Kontra l-Frodi li jassisti lill-Istati Membri billi jorganizza kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, sabiex jiġu kkoordinati attivitajiet bl-iskop li jitħares il-baġit tal-UE kontra l-frodi. Fl-aħħarnett, is-Sur Kessler se jkun responsabbli li jikkontribwixxi għall-istrateġija ta' kontra l-frodi tal-Kummissjoni.

Giovanni Kessler, li għandu 54 sena, kien il-Kummissarju Għoli Taljan għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar ta' prodotti tal-marka, kif ukoll Prosekutur Pubbliku.Qabel ingħaqad mal-OLAF huwa kien il-President tal-Assemblea Leġiżlattiva tal-Provinċja Awtonoma ta' Trento kif ukoll President tal-Konferenza tal-Assemblej Leġiżlattivi Reġjonali Ewropej (CALRE). Huwa issa irtira mill-funzjonijiet kollha li kellu qabel.

Għal aktar informazzjoni dwar Giovanni Kessler, jekk jogħġbok ara:
http://ec.europa.eu/dgs/olaf/directory/director_general/Kessler-mt.html

OLAF

Il-missjoni tal-Uffiċċju Ewropew għall-Ġlieda Kontra l-Frodi (OLAF) hija li tgħin fil-ħarsien tal-interessi tal-Unjoni Ewropea u li tiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u kull attività irregolari oħra, inkluż l-imġiba skorretta fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. L-OLAF huwa parti mill-Kummissjoni Ewropea, iżda jibqa' indipendenti fil-funzjonijiet operattivi u investigattivi tiegħu.

Pavel BOŘKOVEC
Kap tal-Unità, Kelliem tal-OLAF, Komunikazzjoni u Relazzjonijiet Pubbliċi
Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
RueJoseph II, 30 B-1049 Brussell (il-Belġju)
Telefon: +32 2 296 72 00
Faks: +32 2 2998101
Email: olaf-press@ec.europa.eu

Print versionDecrease textIncrease text
Kalendarju
L-aħħar aġġornament: 02/05/2012