Rapport tal-Attività tal-OLAF: Niffaċċjaw l-isfidi ta' suċċess

OLAF/10/07 Brussell, l-14 ta’ Lulju 2010

Fl-2009, l-OLAF fetaħ 220 kawża, żieda meta l-istess numru jitqabbel mal-204 kawżi li nfetħu fl-2008. L-eżempji ta' investigazzjonijiet li jinsabu fir-Rapport tal-Attività tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), li qed jiġi ppreżentat illum, jinkludu debbolezzi sistematiċi li nstabu f'aġenzija ġdida, użu ħażin tal-ispejjeż parlamentari minn persuna li kienet MPE (Membru Parlamentari Ewropew), u investigazzjoni ta' frodi sistematiċi possibbli fi ħdan il-programm SAPARD.

Ir-Rapport tal-2009 għandu riżultati tanġibbli li nkisbu f'firxa wiesgħa ta' oqsma taħt it-tmexxija tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, Franz-Hermann Brüner, li llum mejjet.  Ir-Rapport jiffoka fuq il-ħidma operattiva indipendenti tal-OLAF, u jippreżenta numru ta' studji ta' każi konkreti li juru n-natura u l-benefiċċji tal-ħidma tal-OLAF f'aktar dettall. Nicholas Ilett, l-Aġent Direttur Ġenerali, qal li "taħt it-tmexxija tas-Sur Brüner, l-OLAF żviluppa f'amministrazzjoni multidixxiplinari b'kompetenzi ġenerali għal kontra l-fordi, f'investigazzjonijiet, kooperazzjoni u koordinazzjoni, analiżi, prevenzjoni u deterrenza.  L-isfidi għall-ġejjieni huma l-isfidi ta' suċċess, biex tinżamm l-effettività tal-Uffiċċju f'perjodu meta t-theddida qed tikber b'rata aktar mgħaġġla mir-riżorsi disponibbli biex tiġi miġġielda; u biex tiġi żgurata l-kontinwità operattiva ta' servizzi indipendenti fl- sfond tar-riforma meħtieġa.”

Studji ta' Każi

Attenzjoni speċjali fir-Rapport tal-2009: debbolezzi sistematiċi li nstabu fl-aġenzija l-ġdida
Matul eżerċizzju ta' awditjar fuq aġenzija ġdida Ewropea nstabu numru ta' irregolaritajiet serji.  Minħabba n-natura serja u sistematika tal-irregolaritajiet – il-ksur ta' regolamenti finanzjarji, negliġenza, in-nuqqas ta' rispett tar-rekwiżiti bażiċi ta' ġestjoni finanzjarja tajba – l-OLAF ġie infurmat minnufih u fetaħ investigazzjoni.

Fl-għaġla biex titwaqqaf l-aġenzija, ma ġewx implimentati ċertu elementi ewlenin tal-ġestjoni u l-kontrolli finanzjarji.  Is-sitwazzjoni malajr tjiebet, grazzi għall-isforzi konġunti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Servizz tal-Awditjar Intern u l-OLAF.  L-uffiċjali responsabbli rriżenjaw mill-karigi tagħhom u saru bidliet fundamentali fil-proċeduri interni tal-aġenzija.

Investigazzjonijiet interni: użu ħażin tal-ispejjeż parlamentari minn persuna li  kienet MPE
Membru tal-Parlament Eropew iffroda l-baġit tal-UE billi din il-persuna għamlet talba falza ta' spejjeż ta' aktar minn EUR 40,000 fis-sena.  Wara r-rapport fl-istampa tal-allegazzjoni, l-MPE ħallas lura l-ispejjeż mitluba b'mod falz.  Madankollu, l-investigazzjoni tal-OLAF ikkonkludiet li kien hemm biżżejjed provi biex juru li l-MPE kien konxju li l-azzjonijiet tiegħu kienu illegali, u l-każ ġie riferut lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

Waqt il-proċess ġudizzjarju, il-persuna li kienet MPE, ammettiet li kienet involuta f'kontabbiltà falza u ngħatat sentenza ta' sentejn ħabs.

In-nefqa agrikola: l-OLAF jikkoordina l-investigazzjoni fi frodi sistematiċi possibbli fil-programm SAPARD
Il-programm SAPARD (Programm Speċjali tal-Adeżjoni għall-Agrikultura u għall-Iżvilupp Rurali) tfassal sabiex iħejji lill-pajjiżi kandidati tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-perjodu ta' qabel l-adeżjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) u fis-suq uniku.

L-OLAF bħalissa qiegħed jinvestiga allegazzjonijiet ta' frodi mifruxa fil-finanzjament ta' impjanti għall-ipproċessar tal-laħam fil-Bulgarija. Fil-kuntest ta' investigazzjoni separata li għaddejja bħalissa, l-awtoritjiet tad-dwana f'għadd ta' Stati Membri ġew mitluba mill-OLAF biex jivverifikaw l-awtentiċità tal-irċevuti għall-materjal mixtri. 

L-awtorità tad-dwana Ġermaniża infurmat lill-OLAF li kellha provi li l-prezzijiet ta' materjal iffinanzjati mis-SAPARD għal impjanti fil-Bulgarija, kienu sistematikament aktar għolja.  L-OLAF qed jaħdem mill-qrib mal-awtoritajiet f'ħames Stati Membri u għamel kontrolli fuq il-post f'seba' Stati Membri oħra sabiex jiddetermina l-firxa u l-ambitu totali ta' dan il-frodi.

L-isfidi li ġejjin

Matul aktar minn għaxar snin ta' espansjoni, l-OLAF żviluppa l-attivitajiet tiegħu f'firxa sħiħa ta' oqsma li jinkludu: l-investigazzjoni interna fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE; il-koordinazzjoni ta' operazzjonijiet tad-dwana; is-soppressjoni tat-traffikar illegali ta' sigaretti; l-isforzi kbar fl-Istati l-Membri l-ġodda qabel u wara t-tkabbir; il-ġlieda fl-attiva kontra l-frodi permezz ta' proġetti ta' għajnuna u żvilupp, kif ukoll fuq l-art, fl-Afrika u bnadi oħrajn; investiment massiv f'tagħmir tal-IT speċjalizzat għall-finijiet ta' appoġġ investigattiv, analiżi, u komunikazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali sigura; biex insemmu biss ftit eżempji.

Riforma meħtieġa tal-OLAF hi fuq l-aġenda politika, parti minnha biex tassorbi il-lezzjonijiet meħuda mill-esperjenza tal-passat, u parti oħra sabiex tisfrutta l-opprotunitajiet maħluqa għall-ġejjieni bit-Trattat ta' Lisbona. 

Sfond

Kull sena l-OLAF joħroġ Rapport dwar l-attivitajiet indipendenti u operazzjonali tiegħu matul is-sena preċedenti. Il-Kummissjoni Ewropea toħroġ ukoll ir-"Rapport dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet – il-ġlieda kontra l-frodi", li jipprovdi fost affarijiet oħra ħarsa ġenerali dwar l-statistika tal-irregolaritajiet kollha nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri.

Iż-żewġ rapporti, ippubblikati llum, jinsabu wkoll fuq:
http://ec.europa.eu/anti_fraud/reports/index_en.htmlIt-traduzzjonijiet kollha disponibbli.

Pavel BOŘKOVEC
Kap tal-Unità, Kelliem tal-OLAF, Komunikazzjoni u Relazzjonijiet Pubbliċi
Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
RueJoseph II, 30 B-1049 Brussell (il-Belġju)
Telefon: +32 2 296 72 00
Faks: +32 2 2998101
Email: olaf-press@ec.europa.eu

Print versionDecrease textIncrease text
Kalendarju
L-aħħar aġġornament: 02/05/2012