L-OLAF JIPPUBBLIKA R-RAPPORT TA' L-ATTIVITÀ TIEGĦU

OLAF/08/07 Brussell, 22 ta' Lulju 2008

Pont li qed jitfarrak mibni mill-flus ta' l-UE iżda b'materjali ta' kwalità inferjuri, plaġjarżimu fi proġett ta' riċerka ta' l-UE, importaturi tat-tadam li jevadu d-dazji doganali, uffiċjal irtirat li jipprova jżid il-pensjoni tiegħu b'mezzi illegali: dawn huma biss erba' eżempji li juru l-firxa wiesgħa ta' każi fejn saru interventi mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) matul l-2007. Illum l-OLAF ippreżenta r-Rapport ta' Attività Annwali tiegħu fi Brussell, fejn juri l-ħidma tiegħu fl-UE u 'l barra minnha fi 15 il analiżi ta' każi u għadd ta' tabelli ta' l-istatistika. Fi tmiem l-2007, l-OLAF kien qed jinvestiga total ta' 408 każ.

"Iċ-ċifri u l-każi fir-rapport juru biċ-ċar kemm qed jittieħdu bis-serjetà l-irregolaritajiet, il-frodi u l-korruzzjoni mill-OLAF u mill-Istituzzjonijiet Ewropej b'mod ġenerali" jgħid id-Direttur Ġenerali ta' l-OLAF Franz-Hermann Brüner fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tar-Rapport ta' attività l-ġdid ta' l-OLAFIt-traduzzjonijiet kollha disponibbli. fi Brussell. "Dawn juru wkoll li l-azzjoni konġunta ta' l-OLAF u l-imsieħba operattivi tiegħu fl-Istati Membri, fil-pajjiżi terzi u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali għandha titkompla", huwa spjega. Is-Sur Brüner żied jgħid: "Huwa ferm importanti għas-suċċess ta' l-OLAF li fil-ħidma tagħna li nħarsu l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-kuntrabandu u atti kriminali simili nkunu nistgħu nibnu fuq il-kooperazzjoni mill-qrib ma' l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri u lil hinn minnhom".

Kemm fi ħdan, kif ukoll 'il barra mill-istituzzjonijiet ta' l-UE, l-OLAF huwa fdat mit-trattament effiċjenti ta' informazzjoni ġdida dwar irregolaritajiet, frodi u korruzzjoni potenzjali. Il-volum ta' l-informazzjoni li jirċievi l-Uffiċċju żdied b'mod kostanti minn 529 oggett ġdid fl-2002 għal rekord ġdid ta' 886 fl-2007. Fi tmiem is-sena, l-OLAF kien qed jinvestiga total ta' 408 każ. Il-benefiċċju finanzjarju ta' l-azzjonijiet ta' l-OLAF għal dawk li jħallsu t-taxxa fl-UE reġa' kien konsiderevoli. Filwaqt li l-effett preventiv tal-ħidma ta' l-Uffiċċju ma jistax jitkejjel f'ċifri, fl-2007 ġie rreġistrat u rkuprat ammont li jaqbeż il-200 miljun Euro wara każi magħluqa ta' l-OLAF. Fl-istess ħin, l-ispejjeż operattivi ta' l-Uffiċċju kienu ta' madwar 50 miljun Euro.

Fl-2007, l-OLAF segwa strateġija li tiffoka fuq każi ikbar u iktar kumplessi ta' frodi f'oqsma sensittivi tal-baġit ta' l-UE fl-Ewopa u lil hinn minnha. L-adeżjoni ma' l-UE ta' żewġ Stati Membri ġodda fl-1 ta' Jannar 2007 ġabet magħha wkoll iktar intensifikazzjoni ta' l-attivitajiet diġà eżistenti ta' l-OLAF f'dawn iż-żewġ pajjiżi. Kooperazzjoni eqreb ma' l-awtoritajiet tar-Rumanija u l-Bulgarija fil-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta' l-UE għadha prijorità fl-aġenda ta' l-Uffiċċju.

Investigazzjoni interni

Fir-rigward ta' l-irregolaritajiet fl-istituzzjonijiet Ewropej infushom u f'entitajiet oħra bħall-aġenziji ta' l-UE, fi tmiem l-2007 l-OLAF kien qed jinvestiga total ta' 70 każ intern li jammontaw għal 17 fil-mija tal-każi kollha li kienu qed jiġu investigati f'dak iż-żmien.

L-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi kull sena joħroġ rapport dwar l-attivitajiet operattivi indipendenti matul is-sena ta' qabel. Għandha ssir distinzjoni bejn dan ir-rapport u l-aħħar rapport tal-Kummissjoni Ewropea li jġib l-isem "Rapport dwar il-Ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet - il-ġlieda kontra l-frodi" li huwa pubblikat fl-istess żmien.

rapporti jistgħu jitniżżlu minn fuq il-websajt ta' l-OLAF English (en)

Alessandro Butticé
Kelliemi ta' l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF)

Tel : +32 (0)2 296.5425
Fax : +32 (0)2 299.8101
olaf-press@ec.europa.eu

Print versionDecrease textIncrease text
Kalendarju
L-aħħar aġġornament: 28/04/2015