MISTOQSIJIET FREKWENTI

OLAF/08/06 Brussell, 22 ta' Lulju 2008

X'inhu "OLAF"?

"OLAF" huwa l-akronimu għall-isem Franċiż ta' l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi: "Office européen de lutte anti-fraude.” L-OLAF mhuwiex skwadra tal-pulizija, servizz sigriet u lanqas mhu prosekutur pubbliku: l-OLAF huwa servizz amministrattiv ta' investigazzjoni ta' l-UE intiż biex jiġġieled kontra l-frodi u l-korruzzjoni li jaffettwaw lill-UE. Billi jipproteġi l-baġit ta' l-UE, l-OLAF jaħdem fl-interess ta' l-Ewropej li jħallsu t-taxxa. L-Uffiċċju nħoloq fl-1999 u huwa bbażat fi Brussell.

X'jagħmel l-OLAF?

Miljuni u miljuni ta' sigaretti mdaħħla fl-UE mill-Balkani bil-kuntrabandu; NGO kisbet bi frodi finanzjament doppju minn donaturi differenti għall-istess programm ta' żvilupp; kollużjoni bejn kuntratturi u uffiċjal ta' l-UE li ppermettielhom jissottomettu fatturi eċċessivi u talabhom jagħmlu xogħol privat għall-benefiċċju tiegħu: dawn huma biss tliet eżempji minn 'il fuq minn 200 każ ta' frodi u korruzzjoni suspettati li l-OLAF jiftaħ kull sena.

Il-missjoni ta' l-OLAF hi li jipproteġi l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea u li jiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet illegali oħra, inkluż mġiba ħażina serja fi ħdan l-Istituzzjonijiet Ewropej, li jkollhom konsegwenzi finanzjarji. Fi kliem ieħor, l-OLAF jipproteġi l-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxa billi jiżgura li l-fondi ta' l-UE jintefqu tajjeb, li l-UE mhux qed tiġi mċaħħda mid-dħul dovut tagħha u li l-persunal ta' l-UE jġib ruħu skond ir-regoli.

L-OLAF mhuwiex kompetenti biex jiġġieled il-frodi li ma jikkonċernax il-baġit ta' l-Unjoni Ewropea. Fi kliem ieħor, iridu jkunu involuti l-flus ta' l-UE. L-istess jgħodd għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni: L-OLAF jista' jinvestiga biss każijiet fejn ikun involut il-persunal ta' l-UE.

Kif jaħdem l-OLAF?

Is-setgħat u l-kompiti ta' l-OLAF ikopru tliet oqsma differenti: investigazzjoni u koordinazzjoni, intelliġenza u żvilupp tal-politika kontra l-frodi. L-OLAF għandu s-setgħa li jmexxi investigazzjonijiet amministrattivi iżda jista' jgħin ukoll lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri billi jassistihom fl-investigazzjonijiet amministrattivi u kriminali tagħhom jew billi jikkoordina każijiet transnazzjonali.

Is-setgħat ta' investigazzjoni ta' l-OLAF jiddependu ħafna fuq is-suġġett in kwistjoni: L-uffiċċji ta' l-uffiċjali ta' l-UE jistgħu jkunu suġġett ta' tfittxija mill-OLAF - iżda mhux id-djar tagħhom. Il-benefiċjarji ta' sussidji ta' l-UE jistgħu jkunu s-suġġett ta' verifiki fuq il-post tan-negozji tagħhom mill-investigaturi ta' l-OLAF – iżda l-investigaturi ta' l-OLAF ma jistgħux jidħlu fuqhom bil-forza; l-awtoritajiet nazzjonali biss jistgħu jagħmlu dan. Il-persuni li ma jaħdmux ma' l-UE u li m'għandhomx x'jaqsmu ma' kwalunkwe flus ta' l-UE ma jistgħux ikunu suġġetti għal investigazzjonijiet ta' l-OLAF.

Ix-xogħol ta' l-OLAF ikopri lill-istituzzjonijiet, l-entitajiet, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha finanzjati mill-UE kif ukoll l-ambitu ġeografiku tat-territorji tas-27 Stat Membru. L-OLAF jista' jintervjeni wkoll f'pajjiżi terzi f'każijiet fejn ikunu involuti l-fondi Ewropej u hija possibbli kooperazzjoni ma' dawn l-Istati fuq il-bażi ta' ftehimiet.

L-OLAF jista' jikkastiga lil dawk li jikkommettu reat?

Le. L-OLAF huwa biss servizz amministrattiv ta' investigazzjoni. Ir-rapporti li jipproduċi fit-tmiem ta' investigazzjoni jkun fihom biss rakkomandazzjonijiet. Jekk ikun hemm evidenza ta' att kriminali potenzjali, imbagħad ir-rapport għandu jintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali rilevanti. Jekk ikun hemm elementi evidenzjali ta' ksur ta' regoli professjonali, l-entità dixxiplinarja ta' l-istituzzjoni ta' l-UE affettwata għandha teżamina dan. Indipendentement minn dan, il-fondi mhux użati għandhom jiġu rkuprati mill-entità li oriġinarjament tkun ħarġithom, eż. mill-Kummissjoni Ewropea.

L'OLAF x'tip ta' entità Ewropea hi?

L-OLAF huwa organizzat bħala Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. Jaqa' taħt ir-responsabbiltà politika tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea li hu responsabbli mill-Amministrazzjoni, il-Verifika u l-Ġlieda Kontra l-Frodi.

Madankollu, fl-oqsma ta' l-investigazzjonijiet u l-operazzjonijiet, l-OLAF huwa indipendenti mill-Kummissjoni Ewropea u ma jieħu struzzjonijiet minn ebda istituzzjoni, entità, uffiċċju jew aġenzija oħra ta' l-UE, u lanqas minn ebda gvern.

Din il-kostruzzjoni hija xi drabi msejħa "status ibridu".

Min huma l-imsieħba ta' l-OLAF?

L-OLAF iżomm kuntatti diretti ma' l-imsieħba tiegħu fl-istituzzjonijiet ta' l-UE, fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi (l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, id-dwana, il-pulizija u awtoritajiet amministrattivi oħra) kif ukoll mal-Eurojust, il-Europol u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali bħan-NU jew il-Bank Dinji. L-OLAF imexxi l-investigazzjonijiet tiegħu f'kooperazzjoni ma' l-imsieħba tiegħu, joffri għajnuna billi jipprovdihom b'informazzjoni miġbura fil-livell tal-Komunità u jikkoordina azzjonijiet operattivi f'każijiet transnazzjonali.

Min huma l-persuni li jaħdmu ma' l-OLAF?

L-OLAF bħalissa għandu madwar 400 impjegat mill-UE kollha. 70% tal-persunal ta' l-OLAF jittrattaw kompiti relatati ma' l-attività operattiva ta' l-Uffiċċju. Fid-dawl tal-kompiti ta' l-OLAF, ħafna minnhom għandhom sfond ta' maġistrati, uffiċjali tad-dwana, uffiċjali tal-pulizija kriminali, spetturi tat-taxxa, kontrolluri finanzjarji, awdituri jew esperti ta' l-intelliġenza.

Kemm jiswa l-OLAF biex jopera?

L-OLAF għandu baġit annwali ta' 'l fuq minn 50 miljun Euro. Fil-perjodu 2005-2007 ġew irkuprati iktar minn 200 miljun Euro kull sena wara l-investigazzjonijiet ta' l-OLAF.

Min jivverifika x-xogħol investigattiv ta' l-OLAF?

Fi ħdan l-OLAF, jeżistu kontrolli interni rigorużi ta' l-investigazzjonijiet ta' l-OLAF, ibbażati fuq il-Manwal tal-Proċeduri ta' l-OLAF, il-liġi tal-Komunità Ewropea fis-seħħ u strumenti tad-drittijiet fundamentali eżistenti.

Il-kontroll ġudizzjarju fuq l-OLAF isir mill-Qorti Ewropea tal-Prim'Istanza fil-Lussemburgu, fejn kull persuna affettwata minn azzjoni ta' l-OLAF tista' tressaq ilment. B'mod indirett, l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ta' l-Istati Membri ta' l-UE jivverifikaw ukoll il-legalità ta' l-azzjonijiet ta' l-OLAF kull darba li l-każijiet ta' l-OLAF jiġu riferuti lilhom.

Hemm ukoll Kumitat ta' Superviżjoni ta' l-OLAF, magħmul minn ħames esperti esterni indipendenti, li jissorveljaw regolarment il-funzjoni investigattiva ta' l-OLAF. Fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tad-Direttur Ġenerali, il-Kumitat għandu jagħti opinjonijiet lid-Direttur Ġenerali dwar l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju mingħajr, madankollu, ma jfixkel it-tmexxija ta' l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin.

Kif nista' ninforma lill-OLAF b'suspett ta' frodi jew korruzzjoni?

Kulħadd jista' jinforma lill-OLAF b'suspetti ta' frodi jew korruzzjoni li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea. Il-persunal ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej li jixtieq jagħti informazzjoni dwar irregolaritajiet fid-dipartiment tiegħu (whistleblowers) jista' jirċievi protezzjoni speċjali. Ir-regola ġenerali hi: iktar ma l-informazzjoni tasal f'mument bikri u tkun konkreta, iktar aħjar. Jekk għandek kwalunkwe dokument li jsostni l-informazzjoni tiegħek, jekk jogħġbok ipprovdihomlna wkoll. Tista' tindirizza lill-OLAF fil-lingwi uffiċjali kollha permezz ta' dawn il-kanali differenti:

http://ec.europa.eu/anti_fraud/contact_us/index_en.html

Alessandro Butticé
Kelliemi ta' l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF)

Tel : +32 (0)2 296.5425
Fax : +32 (0)2 299.8101
olaf-press@ec.europa.eu

Print versionDecrease textIncrease text
Kalendarju
L-aħħar aġġornament: 29/10/2014