Mogħdija tan-navigazzjoni

Skema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel

Għajnuna mill-esperti

L-aktar mistoqsijiet reċenti

Kif nista' nħeġġeġ lit-tfal tiegħi jieklu aktar frott u ħaxix?

Spiss, it-tfal isibuha bi tqila biex b'mod spontanju jieklu frott u ħaxix u spiss jippreferu t-togħma ta' ikel ieħor, inkluż snacks mielħin jew ħelwin. Ħafna drabi, huma jieklu dak li jsibu disponibbli d-dar.

Għaldaqstant, oqgħod attent/a x'isservi bħala ikliet u t-tip ta' snacks li żżomm fl-armarju tiegħek!

Dawn huma xi suġġerimenti biex tħeġġeġ lit-tfal tiegħek japprezzaw ikel li jagħmel tajjeb għas-saħħa:

  • Agħmel ċert li sservi ħaxix u frott ma' kull ikla u anki qabel l-ikel sabiex huma jidraw jiekluhom ta' kuljum bħala rutina;
  • Agħmilha faċli għat-tfal tiegħek li jkolhom l-għażla bejn snacks varji iktar bnini, billi żżomm frott u ħaxix disponibbli u lesti biex jittieklu;
  • Agħmilha aktar faċli sabiex huma jieklu l-frott, pereżempju billi tħejji 'fruit salad';
  • Finalment, l-aqwa mod kif tħeġġeġ lit-tfal tiegħek jieklu l-frott u l-ħaxix huwa billi tiekolhom inti stess! Huwa aktar probabbli li t-tfal isegwu l-eżempju tal-adulti li huma jaraw kuljum. Billi tiekol ikel iktar bnin, inti tkun qed tagħti l-messaġġ it-tajjeb lit-tfal tiegħek.
Fuq

Għaliex il-kalċju huwa daqstant importanti?

Il-kalċju huwa nutrijent ewlieni għall-bini ta' għadam li jiflaħ u b'saħħtu. Għaldaqstant huwa essenzjali li l-kalċju jiġi inkluż fid-dieta tat-tfal tiegħek, partikolarment mit-tfulija sal-adoloxxenza. Dan jiżgura li t-tfal tiegħek ikollhom bidu tajjeb għall-ħajja adulta tagħhom bl-aktar għadam b'saħħtu possibbli.

Huwa daqstant importanti minħabba li aħna nafu li l-kalċju fl-għadam jibda jonqos minn età adulta bikrija, u dan iġib miegħu riskju ta' żvilupp ta' mard tal-għadam bħall-osteoporożi jew ksur minħabba għadam dgħajjef.

Ara ftit ir-rakkomandazzjonijiet attwali mill-Kumitat Xjentifiku Ewropew dwar l-Ikel fuq it-teħid tal-kalċju:

  • 1 sa 3 snin: 400mg ta' kalċju kuljum
  • 4 sa 6 snin: 450mg
  • 7 sa 10 snin: 550mg
  • 11 sa 17-il sena: 1,000mg

Biex nagħtuk eżempju, vażett jogurt tal-ħalib mingħajr xejn miżjud miegħu (200ml) fih madwar 275mg ta' kalċju.

Sorsi tajbin ta' kalċju jistgħu jinstabu fil-ħalib u fi prodotti oħrajn tal-ħalib, bħall-jogurt jew ġobon fejn inti għandek tagħżel għażliet b'inqas xaħam, iżda anki f'ikel ieħor bħal ħxejjex bil-weraq aħdar bħall-brokkoli jew kaboċċi. U tinsiex tħeġġeġ lit-tfal tiegħek biex jieħdu sehem f'attivitajiet fiżiċi regolari, li huma wkoll huma vitali għas-saħħa tal-għadam!

Fuq
×(*=obbligatorju)


Security Image