Mogħdija tan-navigazzjoni

Skema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel

Mistoqsijiet Komuni

Għaliex in-nutrizzjoni ħażina, il-piż eċċessiv u l-obesità huma problema tal-UE?

B'aktar minn 200 miljun adult u b'14-il miljun tifel/tifla li għandhom piż eċċessiv, l-UE jeħtieġ li tiffaċċja problema reali fis-soċjetà. Fatturi fl-istil tal-ħajja, inkluż id-dieta, drawwiet fl-ikel, livelli ta' attività fiżika, iżda wkoll fatturi ġenetiċi jikkawżaw piż eċċessiv u obeżità.

Għar-reġjun Ewoprew, il-WHO tirrapporta li bejn wieħed u ieħor 20% tat-tfal u adoloxxenti għandhom piż eċċessiv u terz minnhom huma obeżi. It-tendenza fl-obeżità hija allarmanti b'mod speċjali fost it-tfal u l-adoloxxenti. Ir-rata annwali taż-żieda fil-prevalenza tal-obeżità fit-tfulija ilha tiżdied b'mod stabbli u r-rata attwali hija ta' 10 darbiet aktar minn dik li kienet fis-snin sebgħin.

Sors: WHO 2007

Fuq

Għaliex l-UE għandha tiġġieled l-obeżità?

L-obeżità fit-tfulija tista’ tħalli impatt serju fuq is-saħħa (mard tal-qalb, dijabete tat-tip 2, osteoartrite u anki xi tipi ta’ kanċer). Dawn huma kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal diżabilità sostanzjali u mewta prematura.

L-ispejjeż annwali diretti u indiretti totali tal-obeżità biss fl-2002 fil-15-il pajjiż li kienu membri tal-UE qabel Mejju 2004 kienu stmati li jlaħħqu €32.8 biljun fis-sena skont ir-rapport ta’ sfond tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Aktar tard, Fry u Finley (2005) stmaw li l-ispejjeż diretti u indiretti tal-obeżità (BMI ≥ 30kg/m2) jammontaw għal 0.3% tal-PDG tal-UE15.

L-estrapolazzjoni ta’ din id-dejta għall-UE25 billi jintużaw il-figuri tal-PDG tal-2005 tirriżulta fi spiża fuq l-obeżità ta’ €40.5 biljun fis-sena għall-UE25, u spiża għall-UE ta’ €81 biljun għall-obeżità u l-piż żejjed.

Fuq

X’inhu l-konsum ta’ frott u ħaxix fl-UE?

Fl-2010, il-konsum ta’ frott per capita kien stmat li kien 219 g/capita/jum u l-konsum ta’ ħaxix kien stmat għal 228.1 g/capita/jum għall-UE-27.

Filwaqt li l-konsum medju ta' frott u ħaxix fl-UE huwa ogħla mir-rakkomandazzjonijiet tal-WHO, għad hemm wisq Stati Membri li għandhom livell aktar baxx ta’ konsum per capita mill-minimu ta’ 400 gr rakkomandat mill-WHO.

Din l-analiżi tibqa’ inkwetanti meta tiġi kkunsidrata r-rata ta’ obeżità li qiegħda tiżdied.

Rakkomandazzjoni ta' konsum minimu skont il-WHO/FAO

Sors: Monitor 2011 FRESHFEL EUROPE

Fuq

X’inhi r-relazzjoni bejn il-Politika Agrikola Komuni u l-Iskema Ewropea tal-Frott fl-Iskejjel?

Il-politika agrikola komuni tiffoka - fost l-oħrajn - fuq l-istabilizzazzjoni tas-swieq agrikoli billi tipprovdi għal produzzjoni stabbli, kompetittività dejjem ikbar fl-agrikoltura permezz tal-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-prodotti, tikkontribwixxi għall-koeżjoni reġjonali u soċjali. Madanakollu, qiegħda tinxteħet importanza akbar fuq kif tista’ titjieb is-saħħa pubblika u l-iskop aħħari hu li l-kwistjonijiet relatati mas-saħħa jiġu kkunsidrati fil-politiki kollha tal-UE.

Pereżempju:

  • Fl-2005, id-DĠ SANCO stabbilixxa pjattaforma tal-UE dwar “Is-Saħħa, id-Dieta u l-Attività fiżika”.
  • Fl-2007, id-DĠ SANCO ppubblika White paper dwar “[in-] Nutrizzjoni, il-Piż-Żejjed u l-Obeżità” li fiha l-Kummissjoni Ewropea tiġbed l-attenzjoni fuq l-irwol li l-Politika Agrikola Komuni jista’ jkollha fl-ifformar ta’ dieta aħjar u fil-ġlieda kontra l-piż eċċessiv u l-obeżità.
  • F’Settembru 2007, meta l-UE adottat ir-Riforma tal-Frott u l-Ħxejjex, wieħed mill-għanijiet ewlenin kien li titreġġa’ lura x-xejra ta’ konsum ta’ frott u ħxejjex li kien qiegħed jonqos fost iż-żgħażagħ.
  • Wara l-approvazzjoni tar-Riforma tal-Frott u l-Ħxejjex, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tressaq proposta għal Skema tal-Frott fl-Iskejjel ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt.
  • Fl-abbozz tal-baġit ġenerali 2008 tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew reġa’ saħaq fuq l-impenn sod tiegħu fil-finanzjament ta’ Skema tal-Frott fl-Iskejjel.
  • Il-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK għal wara l-2013 hija li jiżdiedu l-pakkett finanzjarju u r-rata ta’ kofinanzjament tal-UE li bħalissa hemm disponibbli għall-SFS.
Fuq

L-Iskemi tal-Frott fl-Iskejjel (SFS) huma għodda effiċjenti?

Attwalment, għat-tielet terminu skolastiku, hemm għaddejja l-Iskema Ewropea tal-Frott fl-Iskejjel amministrata mid-DĠ-AGRI. Din hija inizjattiva ferm importanti li fil-mira tagħha għandha l-iżgħar ġenerazzjonijiet Ewropej u tgħinhom joħolqu drawwiet alimentari tajbin għas-saħħa.

Skont ir-rapporti ta’ monitoraġġ annwali 2010/2011, aktar minn 54 000 skola u 8.1 miljun tifel u tifla ħadu sehem fl-Iskema tal-Frott fl-Iskejjel fl-24 Stat Membru li pparteċipaw.

Fuq

Kif tista’ titkejjel l-effikaċja tal-Iskema tal-Frott fl-Iskejjel?

Bħalissa, id-DĠ AGRI qiegħed iħejji evalwazzjoni esterna tal-Iskema li għandha titlesta fl-2012. L-Istati Membri sejrin jivvalutaw ukoll l-iskemi tagħhom sa Frar 2012. Din l-informazzjoni kollha sejra tkompli żżid mar-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-PE dwar l-applikazzjoni tal-SFS, akkumpanjat minn proposti xierqa, jekk ikun hemm bżonn.

Ir-rapport għandu jindirizza l-kwistjonijiet ta’ kemm l-SFS ippromwoviet it-twaqqif tal-SFS li taħdem kif suppost fl-SM u l-impatt tagħha fuq it-titjib tad-drawwiet alimentari tat-tfal.

Fuq

X’inhu l-valur miżjud tal-UE tal-Iskema tal-Frott fl-Iskejjel?

  • Tagħti ispirazzjoni għall-bidu ta’ skemi ġodda jew testendi skemi li għaddejjin.
  • Tipprovdi qafas stabbli ta’ finanzjament multiannwali.
  • Tnaqqas l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsum ta’ frott u ħaxix.
  • Iżżid l-għarfien tal-grupp fil-mira, għaliex l-Iskema tal-Frott fl-Iskejjel għandha potenzjal kbir li tindirizza l-problemi tas-saħħa tal-popolazzjoni.
  • Tipprovdi lill-Istati Membri b’linji gwida u bi gwida ġenerali dwar il-ġestjoni ta’ dan il-programm.
  • Tintegra l-kompetenza, tiffaċilita l-iskambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-promoturi billi tipprovdi informazzjoni komparabbli dwar il-programmi.
Fuq

Xi tfisser "5 kuljum"?

Tikkorrispondi għal ħames porzjonijiet kuljum (ta’ 80gr) ta’ frott u ħaxix. Dawn ifisser ħames porzjonijiet ta’ frott u ħaxix globali, mhux ħames porzjonijiet minn kull waħda minnhom; u hija bbażata fuq parir mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li tirrakkomanda li bħala minimu jittieklu 400g ta' frott u ħaxix kuljum sabiex jonqos ir-riskju ta’ problemi serji tas-saħħa.

Fuq

Għalxiex għandi bżonn niekol 5 porzjonijiet frott u ħaxix kuljum?

  • Il-frott u l-ħaxix huma parti importanti minn dieta tajba għas-saħħa u minn dieta bbilanċjata.
  • Huma sors tajjeb ħafna ta’ nutrijenti, vitamini, minerali u fibri.
  • Jistgħu jgħinu jnaqqsu r-riskju ta’ mard tal-qalb, puplesija u xi tipi ta’ kanċer.
  • Għandhom ftit xaħmijiet u kaloriji.
Fuq