Ir-Riforma tal-PAK

Il-Politika
Agrikola
Komuni
Tal-Ewropa

PAK

Nieħdu ħsieb
l-għeruq tagħna

L-importanza tal-agrikoltura

L-agrikoltura qiegħda fil-qalba ta’ ħajjitna. Il-biċċa l-kbira ta’ dak kollu li nikkonsmaw u nużaw kuljum ġej minn razzett, mill-ħalib, il-ħobż, il-laħam, il-ħaxix u l-inbid tagħna, għall-ħwejjeġ tagħna u fjuri maqtugħa.

Il-bdiewa għandhom rwol uniku. Jipproduċu ikel ta’ kwalità għolja u sikur. Iżda nistennew ukoll li huma jieħdu ħsieb il-pajsaġġ naturali, jgħinu fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u jippreservaw id-diversità agrikola.

Ir-rwol tal-PAK

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE nħolqot biex tgħin lill-bdiewa tal-Ewropa jwasslu dawn l-oġġetti pubbliċi.

Sa mit-tnedija tagħha fl-1962, il-PAK żviluppat biex tindirizza sfidi globali li jaffettwawna lkoll. F’Ġunju 2013, l-Istituzzjonijiet tal-UE ftiehmu dwar direzzjoni ġdida għall-PAK bil-għan li jgħinu lill-bdiewa jaffaċċjaw aħjar dawn l-isfidi. Ir-riforma tfasslet minn dibattitu pubbliku sħiħ maċ-ċittadini u l-partijiet interessati[1].

L-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel tagħna

Il-500 miljun konsumatur tal-UE kollha jiddependu fuq provvista affidabbli ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u nutrittiv bi prezz raġonevoli. Iżda l-biedja mhix biss kwistjoni ta’ kwantità. Il-PAK il-ġdida tippromwovi d-diversità u l-kwalità filwaqt li tirrispetta l-varjetà wiesgħa tat-tradizzjonijiet agrikoli tal-Ewropa.

Tagħmel dan billi tqiegħed aħjar fil-mira l-appoġġ pubbliku, tnaqqas id-distakk fil-pagamenti lil pajjiżi u reġjuni differenti tal-UE, u billi tappoġġja t-tipi kollha differenti ta’ biedja u prattiki tal-irziezet, sew jekk kbar jew żgħar, ġestiti mill-familja, konvezjonali, jew organiċi.

Billi hemm ftit li xejn hemm spazju biex tespandi ż-żona ta’ produzzjoni fl-Ewropa, it-tkabbir tal-produttività jrid jitwettaq permezz ta' riċerka u teknoloġija ġdida. Il-PAK il-ġdida tipprovdi finanzjament addizzjonali f’idejn dawn il-bdiewa li jistgħu jwettqu dan sabiex jimmodernizzaw u jsiru aktar effiċjenti.

Il-ħarsien tal-ambjent tagħna

L-użu b’attenzjoni tar-riżorsi naturali huwa essenzjali għall-produzzjoni tal-ikel u l-kwalità tagħna tal-ħajja, issa u fil-ġejjieni.

Il-PAK il-ġdida tappoġġja lill-bdiewa sabiex tiżgura l-ħarsien tal-ambjent u l-bijodiversità.

30 % tal-pagamenti diretti – l-appoġġ għad-dħul li l-bdiewa jirċievu permezz tal-PAK – huma marbuta ma' prattiki sostenibbli u tajbin għall-ambjent bħad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba' u l-manteniment ta' bur permanenti.

Hemm ukoll għajnuna speċifika għall-biedja organika.

Il-ħarsien tal-vitalità tal-kampanja tagħna

Il-PAK tikkonċena wkoll il-komunitajiet rurali u l-persuni li jgħixu u jaħdmu fihom.

L-industriji tal-biedja u tal-prodotti tal-ikel agrikoli llum jirrappreżentaw 46 miljun impjeig u 6 % tal-PDG Ewropew. Għandhom rwol vitali fl-ekonomija u s-soċjetà tagħna. Madankollu, hemm ftit wisq żgħażagħ li jqisu l-biedja bħala professjoni attraenti. Illum, hemm biss 6% tal-bdiewa li għandhom inqas minn 35 sena.

Il-PAK il-ġdida tiffoka biex tgħin lill-bdiewa fl-UE kollha biex iżommu l-kampanja ħajja. Tistimola l-impjiegi, l-intraprenditorija u l-provvista ta’ ikel lokali, billi tappoġġja n-negozji rurali permezz ta’ finanzjament. Tgħin lill-bdiewa jimmodernizzaw l-irziezet tagħhom u biex jinvestu lil hinn mill-produzzjoni tal-ikel.

Hemm imwaqqfa skemi speċifiċi biex jappoġġjaw il-biedja f’kundizzjonijiet diffiċli, bħal żoni muntanjużi, u għal bdiewa żgħażagħ fl-ewwel ħames snin fis-settur.

Il-PAK hija essenzjali biex tħares il-ġejjieni tal-biedja u l-ħajja rurali fl-Ewropa.

Il-mistoqsijiet tiegħek dwar il-PAK il-ġdida huma mwieġba hawn: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-631_mt.htm

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar l-agrikoltura f’pajjiżek hawnhekk: http://ec.europa.eu/agriculture/statistics/factsheets/index_mt.htm


[1] Il-Politika Agrikola Komuni wara l-2013 – Dibattitu Pubbliku, Sommarju eżekuttiv tal-kontribuzzjonijiet:

http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/debate/report/executive-summary_en.pdfpdf Agħżel it-traduzzjonijiet mil-link ta' qabel