Il-PAK fid-dettall

Il-Politika
Agrikola
Komuni
Tal-Ewropa

PAK

Nieħdu ħsieb
l-għeruq tagħna

“Il-Politika Agrikola Komuni hija vitali biex tiżgura l-produzzjoni tal-ikel tagħna, u l-futur ta’ aktar minn nofs it-territorji tagħna.”

Il-Kummissarju tal-Biedja fl-UE Dacian Cioloş

 

Sħubija ġdida bejn l-Ewropa u l-bdiewa

Il-PAK hija rabta bejn l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE għall-agrikoltura, u l-ħtiġijiet tal-bdiewa tal-UE li qed jaffrontaw sfidi ekonomiċi u ambjentali. Hija investiment tal-Unjoni Ewropea f’settur strateġiku f’termini ta’ ikel, ambjent u tkabbir ekonomiku f’żoni rurali.

F’Ġunju 2013, l-istituzzjonijiet tal-UE laħqu ftehim dwar direzzjoni ġdida għall-Politika Agrikola Komuni. Ir-riforma tfasslet minn dibattitu pubbliku sħiħ maċ-ċittadini u l-partijiet interessati [1] bil-għan li tiġi adattata għal sfidi ġodda f’termini ta’:

  • il-pożizzjoni kompetittiva tal-agrikoltua Ewropea;
  • ġustizzja u diversità tas-sistemi tal-biedja mal-Ewropa kollha;
  • il-bidla fil-klima u l-ħarsien tar-riżorsi naturali; u
  • relazzjonijiet fost l-atturi fil-katina tal-ikel kollha.

Politika aktar ġusta, aktar ekoloġika u aktar effiċjenti

Il-PAK il-ġdida għandha għodod fuq terminu ta’ żmien qasir, medju u twil biex jiżguraw il-kapaċità tas-settur agrikolu tal-UE biex jipproduċi ikel ta’ kwalità għal 500 miljun konsumatur, itejbu s-sostenibilità ekonomika u ekoloġika tas-settur, u jżommu d-diversità tal-kampanja, it-tradizzjonijiet u l-prattiki tal-biedja tal-UE. Għandha l-għan li:

Tiżgura provvista affidabbli ta' ikel bnin bi prezz raġonevoli

  • Tibdel id-diversità tal-biedja f’saħħa. Il-pagamenti diretti se jkunu mmirati b’mod aktar ġust bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bdiewa biex jiġu meqjusa b’mod sħiħ it-tradizzjonijiet, il-prattiki tal-biedja u l-ekonomiji rurali differenti tal-Ewropa.
  • Issaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-ikel, sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-aħjar prezz tas-suq għall-prodotti tagħhom. Organizzazzjonijiet professjonali u interprofessjonali se jkollhom drittijiet ġodda biex ikunu jistgħu jżidu l-effiċjenza, u organizzazzjonijiet tal-produtturi se jkunu appoġġjati biex jiżviluppaw bejgħ dirett bejn il-produtturi u l-konsumaturi.
  • Tipprovdi protezzjoni aħjar kontra l-volatilità tal-prezzijiet. Se tiġi promossa assigurazzjoni tal-fondi reċiproċi u d-dħul agrikolu. Riżerva ġdida għall-kriżijiet se twassal għajnuna immedjata lil bdiewa fil-każ ta’ kriżi ekonomika, kriżi relatata mat-temp jew tip ieħor ta’ kriżi.

Nagħmlu l-agrikoltura aktar ekoloġika u aktar effiċjenti

  • Jitħeġġeġ użu aħjar tar-riżorsi naturali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u s-salvagwardja tal-bijodiversità. 30 % tal-pagamenti diretti u 30 % tal-finanzjament għall-iżvilupp rurali se jkunu marbuta ma’ metodi ta’ produzzjoni sostenibbli. Se jkun hemm għajnuna speċifika għall-biedja organika.
  • Irduppjar tal-finanzjament għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-qsim tal-għarfien inkluż permezz ta’ Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida. Dan jinkoraġġixxi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn ix-xjentisti u l-bdiewa, u jgħinhom jimmodernizzaw u jipproduċu aktar, b’inqas spejjeż, u aħjar.

Jitħeġġu mill-ġdid il-kampanja u l-komunitajiet rurali tagħha

  • Impetu għal għadd ta’ bdiewa mal-Ewropa kollha billi l-professjoni ssir aktar attraenti għaż-żgħażagħ. Bdiewa żgħażagħ taħt l-40 sena se jkunu eliġibbli għal 25 % ta’ appoġġ addizzjonali għad-dħul matul l-ewwel ħames snin tagħhom fis-settur.
  • Stimolu tal-impjiegi u l-intraprenditorija billi jingħata appoġġ għan-negozju rurali permezz ta’ espansjoni lil hinn mill-produzzjoni tal-ikel għal pereżempju pproċessar tal-ikel jew turiżmu rurali.
  • Jiġi żgurat li l-appoġġ għad-dħul jkun immirat aħjar biex jistimola t-tkabbir u l-impjiegi. Ikunu biss bdiewa “attivi” li jibbenefikaw mill-pagamenti. Dawk li jaħdmu f’żoni inqas vantaġġjati jikkwalifikaw għal finanzjament addizzjonali, u l-istess japplika għal bdiewa żgħar li għalihom se tiġi ssimplifikata l-għajnuna.

Il-PAK hija essenzjali biex tħares il-ġejjieni tal-biedja u l-ħajja rurali fl-Ewropa.

Sib aktar informazzjoni dwar il-PAK wara l-2013


[1] Il-Politika Agrikola Komuni wara l-2013 – Dibattitu Pubbliku, Sommarju eżekuttiv tal-kontribuzzjonijiet:

http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/debate/report/executive-summary_en.pdfpdf Agħżel it-traduzzjonijiet mil-link ta' qabel