Dwar

Il-Politika
Agrikola
Komuni
Tal-Ewropa

PAK

Nieħdu ħsieb
l-għeruq tagħna

Studji riċenti wrew li l-popolazzjoni urbana tal-UE, u b’mod partikolari ż-żgħażagħ, iħossuhom maqtugħin mill-kampanja, bħala sors tal-ikel tagħhom, u mhumiex konxji tar-rwol aktar mifrux tal-bdiewa fis-soċjetà tagħna.

Wara d-deċiżjonijiet dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea żviluppa kampanja ta’ komunikazzjoni ddedikata dwar il-PAK, bl-isem “Il-Politika Agrikola Komuni Tal-Ewropa: Nieħdu ħsieb l-għeruq tagħna”.

Il-kampanja tippromwovi fost iċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikolari dawk li joqogħdu fiż-żoni urbani, l-importanza tal-biedja sostenibbli, mhux biss għall-provvista ta’ ikel bnin, iżda wkoll għall-ambjent, il-kampanja u l-ekonomija.

Din il-kampanja ta’ komunikazzjoni tal-UE-28 prinċipalment għandha fil-mira l-pubbliku inġenerali, l-għalliema u t-tfal fl-iskejjel sekondarji, u għandha l-għan li terġa’ tistabbilixxi rabtiet bejn il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini urbani u l-agrikoltura – bħala sors ta’ impjieg, żvilupp rurali u f’termini tal-ġestjoni ta’ riżorsi naturali u l-ħarsien tal-ambjent.

L-għodod tal-kampanja huma:

  • Websajt li tispjega r-rwol tal-PAK, iddedikata għall-pubbliku inġenerali, il-partijiet interessati u l-għalliema.
  • Materjal awdjoviżiv: vidjos qosra, reklam tat-TV, reklam taċ-ċinema u klipps animati dwar il-komponenti ewlenin tar-riforma tal-PAK.
  • Razzett fil-belt u avvenimenti oħra relatati mal-PAK.
  • Pakkett edukattiv u divertenti għat-tfal tal-iskola.

Il-PAK f’ħajjitna

Imfassla biex tkun aktar ekoloġika, aktar ġusta u aktar effiċjenti, ir-riforma tal-PAK għandha l-mira li ssaħħaħ is-sħubija bejn l-Ewropa u l-bdiewa tagħha u twassal il-benefiċċji reali lil aktar minn 500 miljun konsumatur tal-UE.

Hija tipprovdi wkoll opportunità eċċellenti biex iċ-ċittadini, il-bdiewa, l-NGOs, atturi rurali oħra, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali tal-UE, u l-Kummissjoni Ewropea jingħaqdu flimkien ħalli jifhmu aħjar u jiddiskutu l-importanza tal-agrikoltura f'ħajjitna - u dik tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Proġett komuni

Kif tista' tinvolvi ruħek? Ħu ftit ħin biex tibbrawżja din il-websajt! Din tgħidlek kollox dwar il-punti ewlenin tal-PAK il-ġdida, u kif din tappoġġja l-agrikoltura filwaqt li tindirizza sfidi globali li jaffettwawna lkoll.

Iċ-ċittadini jistgħu jsibu ġabra ta' informazzjoni fattwali u avvenimenti divertenti u interattivi mħejjija apposta għall-ħtiġijiet tagħhom. Hemm ukoll disponibbli materjal speċifiku għall-bdiewa, il-partijiet interessati u l-għalliema.

Mistoqsijiet Komuni u klipps animati jispjegaw f'lingwaġġ sempliċi xi tfisser l-aħħar verżjoni tal-PAK għall-Ewropej. Tista' ssib ukoll aktar informazzjoni fit-taqsimiet Riforma tal-PAK u Il-PAK fid-dettall.

Sensiela ta' films qosra juru l-karatteristiċi differenti tal-PAK. U taqsima ddedikata b'avvenimenti, għal speċjalisti u l-pubbliku inġenerali, tagħti l-ħajja lill-agrikoltura u l-PAK il-ġdida.

Sib avveniment

Tixtieq tiddiskuti kwistjonijiet agrikoli ma' atturi rurali oħrajn? Tixtieq iżżur razzett mal-familja tiegħek? Interessat/a titgħallem dwar tipi differenti ta' prattiki tal-biedja madwar l-UE kollha, jew idduq id-diversità tal-prodotti agrikoli tal-Ewropa? It-taqsima tagħna Avvenimenti f'Pajjiżek tagħti informazzjoni dwar kull tip ta' attività, minn konferenzi, fieri u eżibizzjonijiet għal Irziezet Miftuħa u Picnics fl-Ibliet

Organizza l-avveniment tiegħek stess

Fieri, seminars, Rziezet fil-Belt, workshops, festivals, kompetizzjonijiet... Qed tippjana l-avveniment tiegħek tal-PAK dwar it-temi tal-agrikoltura u/jew l-iżvilupp rurali? Mela żur it-taqsima tagħna Kaxxa tal-Għodda għal materjal tal-komunikazzjoni bla ħlas, minn posters u klipps awdjoviżivi għal roll-ups u banners! Tixtieq tilħaq l-aktar udjenza wiesgħa possibbli? Ipproponi l-proġett tiegħek biex jidher fil-mappa tal-avvenimenti mal-Ewropa kollha. Biex tagħmel dan, imla u ssottometti l-formola onlajn fit-taqsima Avvenimenti f'Pajjiżek.

Il-PAK f'Bruxelles Champêtre

Fit-22 ta’ Settembru 2013, matul il-jum ‘mingħajr karozzi’ fi Brussell, Place des Palais ġiet ittrasformata f'pajsaġġ pittoresk tal-kampanja, b'ħafna attivitajiet divertenti u edukattivi għall-familja kollha.

Aktar minn 8 000 persuna għamlu żjara speċjali fil-paviljun tal-Kummissjoni Ewropea (Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali). Hawn, il-viżitaturi ħadu sehem f’għadd ta’ attivitajiet divertenti u kreattivi li kienu mmirati biex iżidu l-kuxjenza dwar l-importanza tal-agrikoltura fil-ħajja tagħhom – u dwar kif il-PAK tappoġġja lill-bdiewa biex jipprovdu ikel għal aktar minn 500 miljun ċittadin tal-UE, iħarsu l-ambjent, u jippreservaw il-vitalità tal-kampanja diversa tal-Ewropa.