Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

Min jista’ jieħu sehem għall-Premjijiet tal-Komunikazzjoni?

Tista’ tieħu sehem kull waħda mill-organizzazzjonijiet li ġejjin:

  1. Ministeri nazzjonali;
  2. Organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);
  3. Organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw awtoritajiet lokali, reġjonali u muniċipali;
  4. Awtoritajiet oħra pubbliċi jew imħallta;
  5. Organizzazzjonijiet professjonali (inklużi ta’ bdiewa’, assoċjazzjonijiet agrikoli jew ta’ żvilupp rurali);
  6. Gruppi ta’ riflessjoni, istituzzjonijiet ta’ riċerka jew akkademiċi;
  7. Midja; u
  8. Aġenziji ta’ komunikazzjoni / professjonisti fil-komunikazzjoni.

X’xorta ta’ proġetti jistgħu jkunu sottomessi?

Kull proġett li jkun għaddej jew li jkun tlesta, li evidentement jikkomunika temi b’rabta mal-Politika Agrikola Komuni, u li għalih il-fażi ta’ implimentazzjoni tkun bdiet mhux qabel l-1 ta’ Jannar 2011.

REGOLI

Proċedura ta’ applikazzjoni

  1. Il-proġetti għandhom ikunu sottomessi qabel 12:00 CET (nofsinhar) ġimgħa 31 ta’ Ottubru 2014.
  2. L-applikazzjonijiet għandhom ikunu sottomessi bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż. Ebda lingwa oħra ma tkun aċċettata.
  3. Ikun hemm helpdesk dwar il-premjijiet biex jgħin lil applikanti. Numru tat-telefon: +32 2 333 59 65. Indirizz tal-posta elettronika: capca2014@iservice-europa.eu  Il-helpdesk ikun miftuħ fil-jiem tax-xogħol mid-9:00-13:00 u mis-14:00-17:30 CET. Talbiet għal informazzjoni jkunu ttrattati fi żmien tlett ijiem tax-xogħol minn meta jaslu. Qabel is-sottomissjoni, it-talbiet kollha lill-helpdesk għandhom jintbagħtu qabel ġimgħa 31 ta’ Ottubru 2014, 09:00 CET.
  4. Ikunu aċċettati biss formoli ta’ applikazzjoni tal-proġetti mimlijin kompletament. Ma jkunx aċċettat materjal addizzjonali wara d-data tal-għeluq (ġimgħa 31 ta’ Ottubru 2014, 12:00 CET).
  5. Kull proġett jista’ jiddaħħal darba. L-applikanti jistgħu jissottomettu massimu ta’ tliet proġetti differenti, fl-istess kategorija jew f’kategoriji varji.

Proċess ta’ għażla

  1. Applikazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà jitressqu għal evalwazzjoni minn kumitat indipendenti ta’ qabel l-għażla magħmul minn tliet esperti fil-komunikazzjoni. Matul dan l-ewwel stadju tal-proċess ta’ evalwazzjoni tkun stabbilita l-ewwel għażla minn qabel b'massimu ta’ 15-il proġett għal kull kategorija.
  2. Dawn il-proġetti magħżulin minn qabel ikunu evalwati minn ġurija ta’ livell għoli magħmula minn speċjalisti fil-komunikazzjoni u minn esperti fil-politika agrikola u l-iżvilupp rurali. Il-ġurija tagħżel tliet proġetti finalisti għal kull waħda mill-kategoriji ta’ Premju. Il-ġurija tirriżerva d-dritt, jekk jitqies xieraq, li proġett ta’ applikant ikun allokat mill-ġdid għal kategorija oħra flok il-kategorija li l-applikant ikun oriġinarjament applika għaliha.
  3. Il-ġurija jkollha l-possibbiltà li tagħti lil proġett wieħed Premju Speċjali tal-Ġurija.
  4. Id-deċiżjoni dwar il-gradazzjoni finali (l-ewwel, it-tieni, it-tielet) għal kull kategorija ta’ premju tittieħed minn udjenza mistiedna ta’ speċjalisti fil-komunikazzjoni li jivvotaw matul iċ-ċerimonja tal-Premjazzjoni. Il-finalisti jkunu mistiedna jippreżentaw il-proġett tagħhom f’din l-okkażjoni qabel ma l-udjenza tagħti l-vot tagħha.
  5. Premju speċjali ta’ rikonoxximent, il-Premju Speċjali tal-Pubbliku Ġenerali, jippermetti lil dawk li jżuru l-websajt tal-Premjijiet jidentifikaw l-għażla preferuta tagħhom minn fost id-disa’ proġetti finalisti.

Avviż

L-applikanti kollha jirċievu avviż dwar jekk il-proġetti sottomessi minnhom ikunux eliġibbli.

  1. Il-proġetti magħżulin minn qabel ikunu mgħarrfin u mistiedna jingħaqdu mad-database tal-aqwa prassi sa tmiem Novembru. Applikanti li ma jkunx irnexxielhom jidħlu wkoll jirċievu avviż bil-posta elettronika bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien.
  2. Il-finalisti magħżulin mill-ġurija jirċievu stedina biex jattendu għaċ-ċerimonja tal-Premjazzjoni u għall-avveniment ta’ netwerking (li jsiru fi Brussell sa tmiem Jannar 2015) biex jippreżentaw il-proġett tagħhom. L-istedina, flimkien ma’ avviż dwar il-preżentazzjonijiet li l-finalisti jkunu mistennija jagħmlu matul iċ-ċerimonja tal-Premjazzjoni u l-avveniment ta’ netwerking, tintbagħat sa nofs Diċembru.

Kriterji ta’ evalwazzjoni

Evalwazzjoni tqis dan li ġej:

Objettivi u strateġija ta’ komunikazzjoni

Il-kwalità tal-istrateġija u l-objettivi, id-disinn tal-proġett, ir-riżultati tal-proġett, il-programm u l-metodi tal-proġett użati biex titwassal l-istrateġija

Udjenza mmirata

Ir-rilevanza tal-proġett lill-udjenza magħżula mmirata, il-valutazzjoni minn qabel tal-ħtiġijiet tal-udjenza mmirata għall-informazzjoni, il-kwalità u l-varjetà tal-metodi użati biex tintlaħaq l-udjenza magħżula mmirata u l-involviment attiv tal-udjenza mmirata fil-proġett

Kreattività/Innovazzjoni

Approċċ kunċettwali u disinn tal-proġett, aspetti viżivi, taħlita innovattiva u kreattiva ta’ għodod, azzjonijiet u kanali ta’ komunikazzjoni

Impatt

Kemm l-objettivi jkunu ntlaħqu, kemm l-impatt fuq l-udjenza mmirata jkun inkiseb, l-għadd ta’ nies milħuqa, l-għadd u l-kwalità tal-kanali ta’ komunikazzjoni użati, kosteffiċjenza tal-proġett.

Rilevanza għall-Politika Agrikola Komuni

Ċarezza, rilevanza u adattament ta’ konnessjonijiet diretti u indiretti għall-oqsma ta’ politika tal-PAK

L-aqwa prassi

Il-proġett joffri studju ta’ każ tal-aqwa prassi f’termini ta’: kwalità ta’ proġett, il-firxa tiegħu, l-impatt u l-effett multiplikatur; il-viżibbiltà tal-proġett, it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati, il-potenzjal ta’ replika f’pajjiżi oħra.

Għall-kategorija ‘Komunikazzjoni innovattiva’, tingħata enfażi partikolari għal aspetti kreattivi/innovattivi tal-proġett sottomess.

Inti tista’ tissottometti proġett wieħed għal kull kategorija jew sa tliet proġetti differenti fl-istess kategorija jew f’kategoriji varji.

Il-ġurija tirriżerva d-dritt, jekk jitqies xieraq, li talloka mill-ġdid proġett ta’ applikant għal kategorija oħra flok il-kategorija li l-applikant ikun oriġinarjament applika għaliha.